Monday, 8 April 2019


Related image


Ma Kellux Jisbaħ.

Dal-jum ma kellux jisbaħ
Vagun li ma telaqx,
Din xemx li lanqas tidher,
Stazzjon li ma tilħaqx

Din triq li titfixkilha
Twelid li qatt ma kien
X’inhu mistenni minna
X’ser nilħqu lkoll flimkien.

Mingħajru stajna għaddejna
Ma kien jinbidel xejn
Mank biss ma konna nafu
Li dal jum ġie għalxejn.

Alfred Grech
08/04/2019

Saturday, 6 April 2019


Image result for we do not know where you are going how do we know the way


Ma Nafux Fejn Inti Sejjer.

Ma nafux fejn inti sejjer
Nistgħux aħna nafu t-triq,
Ġewwa sqaq l-inkongruwenza
Dħalna bid-daqqiet ta’ sieq.

Lanqas nafu xi trid minna,
Ġejna hawnhekk bla nafu kif
U kumplejna din il-mixja
Fost l-iżbalji u t-tikxif.

Mank bagħttilna kewkba tiddi
Biex turina ftit it-triq,
Ibqa’ magħna għax issa dalam
Qalbna swiedet b’ħafna dieq.

Sar il-ħin u d-dalma waqgħet
U madwarna hawn l-ilpup
Sibna ruħna f’dinja għalina
U ma nafux min qed isuq.

Ma nafux fejn inti sejjer
Kif trid lilna nsibu t-triq
Waqa’ l-għamad fuq għajnejna
U madwarna ċ-ċpar sar sfiq.

Alfred Grech
06/04/2019

Friday, 5 April 2019


Related image

Dmugħ*

U ż-żmien jgħaddi bla jistenna
X’tagħmel għandek jekk tkun trid
Bi-tektika jew żegliga
Jgħaġġel aktar minn għafrid.

Jekk biss lanqas tkebbes xrara
Jew xintilla ta’ bil-lejl
Ħalli ż-żmien tibżax ħa jgħaddi
Hemm l-arloġ iżomm il-kejl.

Min se jibda jdoqq it-trombi
Biex iqajjem lil mejtin?
Min se jgħanni għanja ġdida
Li jgħannuha l-qaddisin?

Jekk imbagħad xi riefnu tqajjem
Trid tkun taf jekk dan l-iskoll
Illi fuqhu ġejjna ngħammru
Il-piż jiflaħ tagħna lkoll.

Hemmx xi ħadd li jnewwel idu
Go dad-dlam tas-sotterran
Hemmx xi anġlu li jħabbrilna
Jew in-nassa ta’ xitan.

Jekk id-dmugħ li qed iġelben
Lanqas taf minn fejn hu ġej
Dan hu dmugħ ta’ ħotbi mbikkem
Tistaqsix għalhekk għalfej’.

Din hu biss disperazzjoni
Dan mhu xejn għajr dmugħ divin
Dan hu dmugħ ta’ ħotbi mbikkem
Illi ġemma tul is-snin


Jien għad noħloq il-burdati
Jew inqajjem uragan
Sabiex ngħatti x’hemm ġo fija
Biex ma tafu xejn minn dan.

Jien ma rridx li li twennes
Għax jien m’għandi bżonn lil ħadd
Lanqas ridt inkun iċ-ċentru
biex madwari jdur kulħadd.

Jekk illum tarani mdendel
Għax xi darba kont minn fuq
Pendestal kont jiena waħdi
Mill-irwiefen ġejt misjuq.

Alfred Grech
05/04/2019

*Lil Liouse Grech li nebbħet dawn il-versi.

Thursday, 4 April 2019


Related image

It Was All Gone.

We were thrown towards
life’s empty shores by the tides
of the not knowing,
we were bull dosed into
barren lands by the needs of every day.
We were taught a way to cope with life
but the tools were never sharp
and to follow in the jungle
the same footsteps of before.
We were blown into not knowing
by the phantoms of the State
and caressed with the same feelings
that make dwarves napoleons.
We achieved but only minimal
so to serve the angry gods
and the feeling only temporary
and the template was a card.
Once the hurricane blew
it was all gone.

Alfred Grech
04-04-2019

Wednesday, 3 April 2019


Related image

Gwerrier Tal-Armi Jlellxu.

Għaliex qed taqta’ qalbek
għax għadek ma wasaltx
gwerrier tal-armi jlellxu,
fis-saltna fejn ma dhaltx?

U taf li dil-frintiera
int għadek ma qbisthiex,
u t-telgħa ta’ quddiemek
ma tafx jekk titlagħhiex.

L-oħrajn qiegħdin iħarsu
aktarx jiddieħku bik;
dawk qatt ma kienu ħbiebek,
Ma qabżu qatt għalik.

U tħoss in-nixfa u l-għera,
uġih il-qalb bil-kbir,
u trid bħal trabbi l-ġwienaħ
biex terġa’ tibda ttir.

Tibżax għad terġa’ tiġi
l-leħma bla ma ddum,
u taħtaf ix-xintilla
jkun għada ’kk mhux illum.

Alfred Grech
03-04-2019


Tuesday, 2 April 2019



Mintix Ħlief Riħ?

Mintix tismagħni hawn qed insejjaħlek?
Mintix tarani nfittxek mitt mil bogħod?
Qalb dawn l-uċuħ mitlufa f’dan il-misraħ
Qalb baħħ etern, deżert u r-ruħ tirtogħod.

Mintix tarani hawn kemm jiena fqajjar?
Mingħajrek ħsibt li mlejt iż-żmien misluf.
Mintix tintebaħ kemm it-tnejn nixxiebħu?
U ma nistx narak għax jien mitluf?

Mintix taraħ is-sħab għaddej minn fuqi?
U kull ma jmur interraq u nixjieħ
Minflok ma tersaq qrib titbiegħed aktar,
Sa nibda nemmen l’int mintix ħlief riħ.

Alfred Grech.
02/04/2019.




Waqt Wieħed.

Mhijiex is-sensazzjoni li tiskappa
in nefħa llużorja ta’ dak il-ħin
biex nisa’ l-waqt tal-issa
u nsir divin.
Ikun waqt ieħor li  jiddendel
mal weraq qisu qtar
bejn jaqa’ u ma jaqax
waqt ieħor imdendel
bejn l-issa u bejn l-imbagħad
li jagħmel l-illużjoni
tax/xeneġġjat
jistenna n-nifs tar-riħ li jtemmu.

Alfred Grech
02/04/2019