Friday, 12 July 2019


Related image

Qtitlu.

U issa qtiltu wkoll is-skiet
Is-skiet tal-bjar li jidwu
Bid-dinosawri li rxuxtajtu
F’dan l-olokawst ċivilizzat
U bil barka tal-omnipotenti.

Qtiltu l-ħsieb
Li jitwieled minn ma tafx
Fil-għabex ta’ bejn il-lejl u l-jum
u d-dlam tas-solitudni.

Qtiltu t-tpetpit tal-kwiekeb
l-imħabba tal qamar jitbissem
li beda jħossu skomdu
jitħallat magħkom il-bnedmin.

Qtiltu s-sabiħ tal-ħajja
U dardartu kull togħma tajba
Ħattejtu s=swar taċ-ċitadella
Li kienet tilqa’ għalina
U sirtu bħal majjali.

Qtiltu lili.

Alfred Grech
12/07/2019



Image result for ile pied piper of Hamelin
Kont Int.

Kont int li ġejt tkellimni,
issefsef ġo widnejja,
ir-riħ li jonfoħ qawwi
burraxka li tkun ġejja,

il-qawwa tal-burdati
tiċrit u s-skiet tad-dwejjaq,
li tagħmel bla ma tifhem,
daħħaltni ġo sqaq dejjam.

Kont int il qamar kwinta
iħabbat elof battuta
bit-tamborlin ta’ qalbi
u mbagħad waqajt fil-muta.     

Kont inti li bi kliemek
bil-ponta vvelenata
fil-qalb ls-sider tinfed
preċiż tkun immirata,

inkella bħal flawtista
warajk iġġorr il-massa
u tibqa’ bla ma taħseb
għaddejja tross l-ingassa.

Alfred Grech
12/07/2019




Wednesday, 10 July 2019


Image result for daphne caruana galizia

Taqbila.

Qatt smajt  nies mhumiex kuntenti,
fetħu ħalqhom, ġew sparati,
ma belgħux dak li qalulhom
u malajr ġew likwidati.

Qatt smajt inti b’min mhux komdu
u sparixxa waqt il glorja,
qatt smajt int bi stejjer veri
saru miti tal-istorja.

Qatt smajt inti li hemm magna
toħloq għadu minn kull qlajja
biex iżommna aljenati,
biex kullħadd isus warajjha,

Qatt smajt inti li hemm magna
illi toħloq il-figuri,
iħaddmuha minn fuq għolja
tal-allat u tas-sinjuri.

Hemm ukoll l-ispag jinġibed.
iħaddmuhom nies distinti,
u jġebbduhom bla ma jidhru;
dawn joqgħodu wara l-kwinti.

Hemm grajja oħra li tissawwar
ġrajja vera li tiskarta
l-għajn u l-widna tal-ġurnali
ma nkitbitx fuq l-ebda karta.

Dak li tara mhux ħlief maskra
dak li jidher mhux ħlief velu,
fuq żewġ toroq paralelli
jitfu l-lampi li jixgħelu.

Alfred Grech
11.07.2019




 Image result for last judgment michelangelo
Bħal Diwi.

Bħal diwi jtenni dak li kellna f’moħħna
marsusa fil morsa tal bizgħat mistħajjla,
biex issa spiċċajna fil-ħolm tad-dellijiet
li kienu u fil-kitbiet ta’ fuq il-mafkar
li għad iridu juru fejn darba konna.
Dan it-twerdin u dawk il-graffiti
setgħu xi darba jlissnu l-ħlieqa
jew l-aħbar li tkun rivelazzjoni
tax-xejn li aħna, jew aħna minn fejn ġejna.
Iżd’aktar ma jgħaddi ż-żmien
aktar insiru barranin ġewwa qoxritna
f’did-dinja mitluqa bħal ballun tal billjard
fil baħar xurban tal-spazju.
Jista’ jkun li għad xi darba ngħidu
li aktar m’għadniex il wild ta’ din id-dinja
dil-pjaneta li sawwritna u sammritna
mad-destin tagħha u li tagħtna l-qilla
u l-kburija li nistaqsu.
Minn fuq il-quċċata li għad xi darba nilħqu
u ġewwa l-ġrajja mhix miktuba
ta’ jasar u delużjoni
indommu ftit ftit l-annali
ta’ ġrajjietna, nħożżu kull tqanqila
li l-art tagħmel din l-art li welldet kollox.
Niddejjqu xħin inġarrbu l-aħħar eklissi
ta’ ruħna u nilmħu l-kapsula spazjali
toqrob aktar lejn ġudizzju universali.
Fiż- żmien dan kollu tħabbar mill-profeti
li qalu wkoll li għad mill-ġdid nitwieldu.

Alfred Grech
10.07.2019

Sunday, 7 July 2019

Related image


147.

Imbagħad il-mistoqsija tqum: jekk inti
Għandekx mal-fdalijiet ta’ dan nawfraġju
Titlajja tiela’ u nieżel ma kull mewġa
Kurrenti u aqliqiet li toffri l-ħajja.
Iżd’int trid tkun eroj u lanqas tobdi
L-umur jew il-burdati tal-kurrenti
Jew tilbes il-kappestru ġewwa l-merħla
Għaliex l-irbit tal-amar huwa l-madmad.
Inikella jagħmel għaġna sabiex minnha
isawwar bniedem ġdid minn kopjua antika.
iżd’inti ma tobdix għax minn nixxiegħa
Li minnha sqewk tagħllimt il-logħba tagħom
U stajt bis-saħħa kollha tgħid “non serviam””
inkella ma taħsibx mank tlissen kelma.

Alfred Grech
08/07/2019

Image result for in the railway station.


STAQSEJT  FTIT.

Staqsejt ftit: għaliex dan kollu?
Għax inkella nibqa’ l-art!
Ma kull riħ u ma kull fewġa
bqajt ninġarr biex b’hekk inġbart.

Mal-kurrenti prevalenti
biex nixxiebaħ ma l-oħrajn,
jekk ma tridx għarib li tibqa’
u titmiegħek ġewwa t-tajn.

U tlajt waħdi sal-quċċata
ta’ li hu jew seta’ jkun,
ħarist lura u bqajt inħammem
jekk stajtx nagħmel paragun.

Stajtx kont ieħor illi bħali
ma lemaħx it-tren li ġej,
fl-istazzjon tal-ferrovija
kemm il-wieħed baqa’ għaddej.

Alfred Grech
07/07/2019.