Monday, 29 July 2019



Image result for caught in the web of life

Caught In The Web of Life.

Caught in the web of life
you can dance me to oblivion
caught in the charm of your becoming
an illusion,
You can make me a new profet.

Like dewdrops the distillation
of emotions and you bgecome contagious
when you hold my hand
and make me write and in the end
I become a modern messaih.

Alfred Grech
29/07/2019

Sunday, 28 July 2019



Related image
Issa Li Bdejna Ntennu l-aħħar Strofi.

Issa li bdejna ntennu l-aħħar strofi ta’ dina l-għanja tagħna
din l-għanja l’għannejniha kemm il-darba,
Din l-ghanja mqanżħa, din il-poeżija ta’ bla rima u ta’ bla ritmu
il-melodija mpromptu
ma nafux kif u fejn sejjra tispiċċa
jekk hux bil-koda. bl-allegrija, bil krexxendo maestuż
tnin tnin sakemm il-ħemda tiġi fuqna
inkella tieqaf sobtu
nintebħu li l-kolonni qed jiddajjfu
u t-tifkira ssir opaka u kull ma jmur tiċċajpar.

Għax hekk tispiċċa l-għanja tal-għanjiet
fuq korda stunata bit-temp x’aktarx jitqal u minn daqqiet jitħabbel.
Għax issa dħalna fid-dlam tas-sotterran,
u bqajna nkaxkru fil-penumbra
qabel ma sseħħ l-eklissi totali
u nistennew qiegħdin li għad iseħħ
dak li webbluna biħ sa minn ċkunitna.

Issa m’għadux iż-żmien li nħarsu ‘l-quddiem
u ngħoddu l-iskalluni ta’ sellum li jasal fl-infinit
ta’ sema trasparenti.

Issa ż-żmien ukoll waqaf
u l-pendlu tal-arloġġ qadim fil-pjan tat-taraġ
għejja.

Għax issa tlaqna l-kurrenti biex inħarsu ftit madwarna,
fejn ninsabu, u sibna
li m’aħna qiegħdin imkien.

Alfred Grech
29/07/2019.


Saturday, 27 July 2019


Image result for Lily

IL-bieraħ Kien Hemm Inti.

Il-bieraħ kien hemm inti
ġiljuwa għada tiftaħ
fil-fwieħa mistħajjla
ta’ ġonna li jitbieħdu.

Il-bieraħ kien hemm inti
Għalkemm ma stajtx immissek
Għalkemm ma sajtx inkellmek
kont ħjiel ta xi qawsalla
li għad trid tidher
kont berqa fuq ix-xefaq.

Il bieraħ kien hemm inti
u ħsadtni ħabta u sabta
u tieqaf hemm il-ħarsa
fil qrif superfiċjali
fil bir ta’ xewqat ħielsa
fid-dawl ta’ kull tqanqila.

Illum iddardar l-ilma
u xejn ma għadu bħal qabel.

Illum tifhimni aktar.

Alfred Grech
28.07.2019


Image result for gladiator

Dan Hu Waqt.

Dan hu waqt li xtaqt li jgħaddi,
Dan hu waqt li qatt ma kien,
Issa bdejt ngħodd kull minuta,
M’hemmx li nqassar ftit miż-żmien.

Xtaqt li qatt ma ġie dan fuqi,
Għax sibt ruħi gladjatur,
Dawra mejt fl-anfiteatru,
Saħħti tonqos kull ma jmur.

Dan destin li kiber miegħi,
Stajt naħarbu minn mil-bogħod,
Imma jekk il-barra noħroġ
Kif ser nerġa’ nsib is-sod?

Dan destin li fiħ sibt ruħi,
Ma fittixxs jien il-konflitt,
Din hi gwerra li rrid nagħmel,
Saram ġdid li qatt ma ridt.

Alfred Grech
27.07.2019

Friday, 26 July 2019



Image result for ghammar resurrection

148.

Ikun dak li trid int mhux li rrid jiena
għax wiċċek maħsul baqa’ bl-aħħar dija
tal-għabex li ma kienx għax jien kont nieqes
bħal min baqgħalu ħafna triq xi jtrerraq.
Isibu l-fil li jgħaqqad naħħa m’oħra
jekk qatt ma ntbaħt li hemm xi differenza
bejn dak li seta’ ntqal u smajt b’widnejja
jew dak li stajt kont int inkella jiena.
F’dan l-ingranaġġ ta’ kapital u rejba
ma jibqa’ xejn xi jfakkrek fik innifsek
bħar-riħ li jonfoħ kiesaħ qalb ill-friegħi
ta’ dan il ħabs u jasar infernali.
Hawnhekk fejn tisma’ terġa qed iwerzaq
werżieq, li kienu jgħidu jsajjar l-għeneb.

Alfred Grech 
26/07/2019.

Thursday, 25 July 2019


Image result for poetry flowinng

Ejja Ħdejja.

Ejja ħdejja sabiex tgħidli
Mnejn nitilqu u minn fejn bdiet
In-nixxiegħa ta’ kliem ħlejju,
Ħafna għarfien u ħsibijiet.

Ejja ħdejja sabiex tgħidli
l-poeżija kif imxiet,
Fuq ir-ritmi togħla u inżel
Sinfonija li rnexxiet.

Kavalkata tal-valkirji
Jew fis-skiet tal-ħin bla waqt
Għax tintebaħ xħin tistenbaħ
Kollu tiegħek dak li xtaqt.

Jew bħal friefet li jittajjru
Illi jdakkru l-frott u l-ward,
Xejn ma jibqa’ dak li jidher
Aktar kmieni milli tard.

Iva għanda l-poeija,
Għandha leħen sfiq, mexxej,
Jekk ma jkunx l-għannej li jgħanni
Kollox ħiemed jibqa’ għaddej.

Alfred Gech
25/07/2019