Friday, 31 March 2017



Li Kieku.

Li kieku kont is-sieħba kont ninfixel,
U kont ir-raġel tiegħek sibtni mhedded.
Jekk jersaq ieħor lejk u jtik il-ħarsa
Li jaf x’irid, li tfisser mewt jew ħajja.

Li kieku tersaq lejja jien ninfixel,
Ma nafx nirrispondik u nibża’ nħares,
Nitfixkel x’għandi x’nagħmel x’għandi ngħidlek,
Liem’ huwa l-ewwel pass li jmiss, jispunta l-għaraq.

Jekk tħares b’dik il-ħarsa li taf tfisser,
Li taf xi trid, li taf ukoll x’qed naħseb,
Ma jibqa’ xejn, nirtira jew inċedi,
U jaqgħu qisom stillel il-promessi.

Imm’inti bqajt fejn kont u bqajt tistenna,
U jiena għadni hawnhekk ma nafx s’se nagħmel.
Jien naf li mhux ser tibqa’ hawnhekk tistenna,
Għax jiġi min il-fjamma jerġa’ jixgħel.

Alfred Grech
31/03/2017





A Se Stesso.

Jekk lanqas m’għad tiltaqa’ ma dak l-anġlu
Int dejjem tista’ tiġbed fuq naħħa oħra.
Jekk ma ssibx triq li minnha n-nies qed tgħaddi
Int dejjem tista’ tgħaddi minn triq oħra.

Kull ma trid tagħmel, toqgħod ftit għal ħemda,
U timxi passeġġjata solitarja,
Ma ħbatt ma xejn, ma ħadd u bqajt fil-beraħ,
U tħossok bħal għasfur tinqata’ fl-arja.

Li tlaqt minn hawn, li ma jsibukx, taf b’kollox.
Ma jilħqek ħadd, sadanittant tkun qribhom,
U lilhom twitti t-triq bla qatt ma tidher,
Biex jaħsbu li rxuxtajt xħin terġa’ ssibhom.


U hekk tkun inti l-anġlu li t-triq turi,
U tkun l-imgħallem int bla ma tkun kburi.

Alfed Grech

31/03/2017

Thursday, 30 March 2017



XX

Fit-tarf tax-xatt etern l-irdum jittewweb,
Jinfetaħ xaqq fil-blat jiftaħlek rasek
Fejn toqgħod sew, għalkemm irid jittejjeb,
Jew tasal biex imissek dak li ħaqqek.

Stħajjiltek dak l-imdejjaq bih innifsu,
Idejħ infetħu u sab li kien jistenna.
Xħin fetaħ qalbu straħ ġo fih innifsu,
Bħal żiffa riħ li biha r-ruħ tithenna.

Il-ħin jitwal, daqskemm ikolli x’nagħmel,
U jekk bla kwiet int issa qed tarani,
Ikun għaliex hawn xejn ma jibqa’ x’tagħmel,
Isaltan jibda l-ġenn tal-ħsieb fuqani.

Ikun il-bidu wkoll ta’ rxoxt mod ieħor
Imbagħad ninfexx fil-għana għal-ħaddieħor.

Alfred Grech

21/10/2011

Wednesday, 29 March 2017



Filgħodu.

Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha,
Vaguni kkuluriti, nirkbu magħhom.
Kull meta tqum rewwixta l-mistoqsija
U tara s-sħab fis-semna l-poeżija.

Mgħobbija ħsibijiet u mimli biża’.
Dan hu filgħodu ieħor, baħar qiegħed,
Battal bħal kull fil-għodu li ġie qablu
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx kif mistennija.

Eklissi tal-infern, epifanija
Mingħajr iċ-ċerimonja, l-għodwa t-tajba,
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx filgħodu mtenni
Reżurrezzjoni din bħal ta’ qabilha.

Bil-ħsejjes tal vetturi taħt it-tieqa,
Ta’ sriedaq ma jidnnux u daqq ta trombi,
Ta’ klieb li ma jinbħux u nies titkellem
Jum ieħeor bħall oħrajn dawk li ġew qablu.

Jien ngħid li ma kienx hemm għalfejn nistembaħ
M’hemm xejn x’tistenna ġdid, jew x’tista’ tagħmel.
Jum ieħor bħall-oħrajn, m’hemm xejn x’tistaqsi
U xorta waħda jkolli nqum, mis-sodda noħroġ,

Biex nieħu sehem f’ritwal u x’jitlob minni
Dal-kukt ta’ qassisin bla vokazzjoni,
Ta’ qafas bla taħżiż li bnew in-naħal
Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha.

Alfred Grech

20/03/2017

Tuesday, 28 March 2017




Taħsibx.

Taħsibx li dan hu eżerċizzju,
Ta’ min ħafif irid lil-ġismu,
Dan hu passaġġ għan-naħħa l-oħra,
Li lanqas issejjaħlu b’ismhu.

Dan mhux traġitt minn-naħħa s’oħra,
Li jagħmel kull min hu bla sabar,
Pellegrinaġġ ta’ riflessjoni
Li jerġa’ jirxuxtak mill-qabar.

Din ħolma l-għad noħorġu minnha,
Dan hu rakkont li għad jispiċċa,
Din hija ħrafa bi tmiem ikraħ,
Telfien ir-ruħ li qed jisgiċċa.

Alrred Grech

28/03/2017

Monday, 27 March 2017





Friefet.

Żgħar il-friefet, zgħar u sbieħ,
Tlaqtu ttiru minnufiħ
Tiġru ‘l-hawn u tiġru ‘l-hawn
Mur aqbadkom ersaq l’hawn.

B’dawk il-ġwienaħ kbar u sbieħ
Itajjartu minnufiħ
Ħallejtuni f’tarf it-triq
Qalbi sewda mimli diq.

Isbaħ minnkom m’hemm imnkien
B’dawk il-ġwienaħ bosta lwien
Fikom noħlom il-ħelsien
Qed tittajtu kullimkien.

Ħallejtuni, rqadt għal ftit
U bdejt noħlom, ħolm kemm trid.
Trid tinbidel trid ittir
Fl-ogħla sema. Ikħal nir.

Kif se ttir jekk kemm iċ-ċpar
Dan temp ikraħ f’nofs Jannar,
Hemm ix-xita hemmn ir-rih
Ejja lura minnufih.

Il-bogħod rajtek, rajt l-ilwien,
Ejja ddakkar bla dewmien
Ejja rewwaħ b’ħafna ilwien
Tgħanni l-għanja tal-ħelsien.

Jibku l-fjuri. Jibki l-ġnien
Minn ġo t-tieqa fejn kont jien
Kemm nitpaxxa bħares lejk
Bewsa nħalli fuq ħaddejk.

Jekk kuluri ma narax
Nifli sewwa ma nistax
Kieku għami kieku trux,
Il-ġmiel tagħkom ma nifhmux.

Jien kont ġwejjed, ċkejken kont,
Qabel beda dar-rakkont.
Jien ħadt qatgħa, jien ħadt skoss
Ħsibtek mejjet għax bla ħoss.


Jekk f’saħħithom dawk ġwenħajk
Tmur u tiġi wkoll minn rajk,
Jekk jiddajfu, titlaq, tmur,
Ma tiġrix, hekk jien fi żgur.

Għalfejn tlaqtu, mortu l-bogħod
M’għadnix niflaħ, bdejt nirtogħod,
Erġa lura bla dewmien’
Kollox għadu hawn kif kien.

Id f’id nimxu t-tnejn flimkien
Ejj’ narawhom hemm fil-ġnien,
Kollox ward u kollox żgħar
Mar rebbiegħa kollox tar.

Ġibtu l-paċi, ġibtu s-sliem,
Tbiegħedu d-dwejjaq bla dewmien,
Ġibtu l-ħlewwa, ġibtu l-ferħ
Kontu l-bidu ta’ kull serħ.

Rajtek tibki, rajtek tmil,
Rajtu dellek kemm hu tqil,
Ridtni nitlaq, ridtni mmur
Kieku tlaqt, immut kont żgur.

Għaliex ħrabtli, mort il-bogħod
Qalbi ksirtli, m’għadnix sod,
Erġa’ lura, erġa’ fis
Għaliex lili m’għadekx tqis?

Ridt intir, insir farfett,
Nilbes libsa mis-sbieħ nett,
Ridt niddakkar ridt indur,
Ridt nittajjar fuq il-fjur.

Kienet hemm maġenb ix-xatt,
Malli tajthom ħadt ritratt,
Ħdejn it-tfajla taħt il-ħajt,
Isbaħ minnha qatt ma rajt.

Kont il-bogħod u ridt intir,
Fuq il-warda tal-ħarir,
Qalbi mtliet b’ferħ bla tifsir,
Taħt das-sema, ikħal nir.

Alfred Grech
24/03/2017


121.

Tiddejjaq xħin tismagħni x’għandi x’ngħidlek.
Bħalkieku taqra artiklu f’xi gażżetta.
Misteru jkun li tgħix, u tgħix bħal friefet.
Biss aktar ma nixtieqx li nġorr minn ħajjti,
Għax bla ma naf, u bħal ma bdiet tispiċċa.
U x’jiġri minn dak kollu li jkun ġara?
Jitħassru mill-memorja universali,
Bħal kieku qatt ma kien u kull tifkira
Li jibqa’ ma tkunx tiegħi, għax ħaddieħor
Ma jista’ jiret qatt dak li kont jiena.
U tikber, hekk tiżdied l-evanexxenza,
Ta’ dak li kien u li m’għadux fl-essenza
Li hija l-illużżjoni ta’ li jiġri,
Misteru jkun li tgħix, u tgħix bħal friefet.

Alfred Grech

27/03/2017