Sunday, 8 July 2018


Image result for modern capitalisn

Għalhekk M’Għadniex Ilsira.

Għalhell m’għadniex ilsira,
għax siba triq għalina
u ħriġna minn ġol fosdqa
sakemm ix-xorti ttinna.

Għalhekk m’għadniex ilsira,
għax sibna triq għalina,
u bdejna naħsbu b’moħħna,
ħadniha kif tiġina.

Għax ħriġna barra l-merħla
u ma mxejniex mal-moda
u bdejna nsibu postna,
u ħsiebna qed jissoda.

U ħriġna barra l-merħla
l-oħrajn qaqoċċa waħda
iħarsu lejna bl-ikraħ
u drajna l-ħlas taċ-ċaħda.

U ħriġna mill-binarji
u dawk jissieltu baqgħu
min minnhom jiġi l-ewwel
u l-bżieżaq bdew jinfagħu.

Għalhekk m’għadniex ilsira,
tgħallina spejjes tagħna,
tgħallimna kif nirbħulhom,
xħin lagħbu logħba magħna.

Għalhekk m’għadniex ilsira
m’għadniex nibilgħu kollox
li jxandru jew li jiktbu,
u kollox ħorrox borrox.

Għax dawk in-nies tal-kilba
bil-maskra tal-morali,
tas-setgħa jew tal-liġi,
mhumiex għajr kriminali.

Zverġnawlna  l-art fejn ngħixu
u d-dinja ta’ madwarna,
u ħarrbtu kull fejn sabu
u daħlu sa ġo darna.

Għalhekk mgħadniex ilsira
għax ħlisna minn difrejhom,
u dak li għandna nagħmlu,
ma jdoqqx żgur għal widejnhom.

Għalhekk m’għadniex ilsira,
għax minnhom lanqas bqajna
nisimgħu jekk hux tajjeb
jew dak li konna drajna.

Għax minnhom lanqas bżajna
u nħallsu tal-isfida
il-prezz sabiex tinfeda
din ruħna mqar b’taqbida.

Alfred Grech
08/07/2018

Friday, 6 July 2018


Related image

Le Mhux hawn ġejt.

Le, le mhux hawn ġejt jien nisma’ ħbarek,
fil-qalba ta’ din l-art fittizja,
fuq ħabel issikkat t’ekwilibrista
biex nerġa’ nsib li spazju li kont tlift
u r-roqgħa art fejn nagħraf lili nnifsi.
L-ilħna tiegħek bqajt ma nagħrafhomx,
iżda stajt inħossni ngħum fir-ritmu tas-skiet tiegħek.
Issa sirt ukoll farfett milwiem
indur minn warda għall-oħra biex induq għasel l-allat
iqattar u jiżżerżaq fuq ilsieni.
Jien nerġa’ niġi miegħek sabiex
it-tnejn li aħna niżfnu iż-żifna tar-riħ fuq
lil hinn minn kull quċċata.
Imqar jekk sibtni għal darb’oħra f’nofs deżert,
fil-labirint tal-għażla
nistenniek li tfiq mill-muta li darrejtni fiha
li tkisser u tfarrak kull sens t-orjentazzjoni
kull sens ta’ ħbiberija
kull ħolqa li tgħaqqadna
fil-katina tal-ferħ u l-armonija
li dwara jħobbu jitkellmu l-profeti.
Int tista ma tkun ukoll għal dejjem
il-kewkba li turini triqti,
l-agħasfur li għad iġibli
l-aħbar it-tajba.

Alfred Grech
07.07.2018


Image result for humanity

Għal Min Trid Li Nissallab.

Għal min trid li nissallab
Għal dan, għal dak jew dik?
X’inhu dal-ġid komuni?
mank tmissu ma jħallik!

Għal min eroj triduni
nissara gladjatur,
min hu dan Ċesri mxennaq
għal demmi ġie maħtur?

Min qed jissikka ċ-ċirku
fi ħadan is-soċjeta’
li lilu lkoll inċedu
Kull sens tal-liberta’?

X’hinija dil-ħmerija
jgidula umanita’,
il-ħsieb li fuqna jaħkem
u jross b’immunita’?

Għax ġejna lkoll ilsiera
tas-saltna t-idejat
sa mill benniena blajna
hi frugħa tal-frugħat.

Jien lilek naf, lill-ieħor,
kull wieħed hu divers
irid jgħix l-eżistenza,
għalih sar l-univers.

Alfred Grech
06/07/2018

Thursday, 5 July 2018


Image result for the road less trodden


LX.

Xħin tlaqt mnejn kont imxaħxaħ iżda mkażbar,
Sibt ruħi f’nofs deżert ta’ din l-art żgħira,
Mimlija nies medhija wiċċha tħassar,
Deżert ir-ruħ fil-qalb mimmlija għira.

Hawnhekk fejn ebda wiri qatt ma juri,
Fejn għandi mmur, inkella fejn hi l-linja,
Il-ħaqq mhux dejjem saltan, m’hawnx sinjuri,
Tal-fehma biss-il-ħsieb tkun fuq id-dinja.

Għax inti ridt tkun taf x’hemm ġewwa qalbi,
U sibtni qed inqim l-allat tat-tafal,
U dawk l-uħux li qatt ma semgħu talbi
Moħbija, u marbutun mas-sarġ ta’ faħal.

Il-bieraħ mingħalija kont se naqa’.
Illum imxejt għaliex irrid niltaqa’.

Alfred Grech
03/09/2012

Tuesday, 3 July 2018


 Related image
Il-Poeżija ma Taħsibhiex.

Il-poeżija ma taħsibhiex,
il-poeżija tiġi w’ħeda
bħal meta teħber il-qalb
jew tiftakar f’xi ħaġa li tkun insejt;
bħal meta l-borra tinżel
jew taqa’ d-dieqa f’qalbek.

Il-poeżija ma tinqarax,
għaliex kull xħin tinqara
titlef ir-ritmu u titlef ir-rima
u titlef il-passjoni 
u ssir tnehida astratta
ta’ min jaqraha.

Alfred Grech
03/07/2018


Image result for the assumption

LVIII.

Iż-żiffa tbus xuxitha xħin terfagħha
Ilwien sbuħitha ssellfet il-qawsalla,
Bħal dakinhar, l-aħbar, id-diwi tagħha
Lissen misteru kbir: għax int omm’Alla!

Wiċċha baqa’ li kien ta’ omm żgħażugħa,
Bħal meta tat lid-dinja l-Ewwel Iben.
Fil-ħsieb li kien minn dejjem hemm miżrugħa
Mhux għal dat-trab, żerriegħa li tindifen.

Il-fuq mis-sħab, issib min jistenniha,
Tikseb mill-ġdid ir-rahan li qatt ma tilfet,
Wesgħat bla tarf mifruxa hemm għaliha,
Lill-dawk li ħalliet fl-art, it-tama silfet.

Ir-raġġ li laqgħa lilha, dawl fuqani,
Għalhekk  kull raġel fl-art, hu biss barrani.

Alfred Grech
Santa Marija 15/08/2012

Monday, 2 July 2018


Image result for heaven

Jekk Ikolli Mmur il-Ġenna.

Jekk ikolli mmur il-ġenna
Jien miegħek ma niġix.
Intant il-ġenna tiegħek
Hi x’imkien fejn hemm il-moffa,
U fejn hemm is-saltna tal-ilma qiegħed.
Fejn kullħad jobbi bla jistaqsi
Għax ħieni bla ma jaf
U fejn hemm il-qaddisin li jipproteġu
Jagħmlu xirka tal-qaddisin.
Il-ġenna tiegħi mhix bħal tiegħek fejn hemm biss
Hwejjeġ tajbin;
Il-ġenna tiegħi għanda minn tal-qawsalli,
Imżewwqa b’kull kulur
Fejn is-sbuħija feminili
Issebbaħ il-ħolqien
U fejn it-tentazzjoni huwa mod kif tgħix il-ħajja.
Il-ġenna tiegħi fiha l-ġenn
Bħall-univers  li fih qed ngħixu.

Alfred Grech
02/07/2018