Wednesday, 12 December 2018


Related image

Għax Jiġri ta’ Kull Darba.

Għax jiġri ta’ kull darba
Nistaqsi lili stess:
Għaliex jien fejn kont għadni
Bla nagħmel ftit progress.

Għaliex inħabbat wiċċi
Ma sitwazzjonijiet
Li drabi oħra fihom
Sibt ruħi b’ħafna kwiet.

U d-dwejjaq kbar jaqbduni
Inħoss li ma mxejt xejn
Hawnhekk kont drabi ohra
Dort dawra mejt, għalfejn?

U nerġa’ fejn kont qabel
Għax għadni ma tgħallimtx
Dak li ma rridx nitgħallem
U moħħi ma ħaddimtx.

Alfred Grech
12/12/2018

Tuesday, 11 December 2018




Fis-Saltna tas-Sireni.

Hemmhekk fejn is-serafini
Jgħajjtu u jwieġbu lil xulxin:
Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej ta' l-eżerċti.
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu."
U bl-għajjat tagħhom is-sisien ta' l-għetiebi
Theżżu, u t-tempju ntela’ bid-duħħan.
Hemmekk fejn idoqqu t-trumbetti tal-progress
Il-kerubin bix-xabla tan-nirien
Biex ma jħallux lil min jidħol
Fil-ġnien tal-Għeden.
Hemmekk fejn mhemmx post għal min hu bħalna.
Hemmhekk sieħbi tibda l-mixja
Twila li twassal għal imkien
Li twassal għall-eklissi
Ta’ xemx li għadda żmienha.
Hemmhekk fejn tara l-qtajja tal-anġli u tal-arkanġli
Tal-ġilda sewda u xagħarhom isfar.
Jien għad inkun miflok Orfew
Iben alla żgħir mingħajr il-lira
Bit-tweġibiet glorjużi ta’ ħsejjes melodjużi.
F’din l-art ħelwa l-omm li tagħtna isimha
Bla tebgħa u bla dnubiet
Żverġnata għalxejn u għal kemm il-darba
Fis-saltna tal-iżvilupp u tas-sireni.

Alfrerd Grech
11/12/2018

Monday, 10 December 2018


Image result for saturnalia

Saturnalia.

Bħal meta nhar ta ħadd mad-daqq tat-tnabar
Jinġabru f’xi ħażin bex jgħiu tagħhom,
U l-kbir jiftaħar b’rixu u li m’hawnx bħala
l-ekononija tagħna, għax dejjem tikber.

Bħal meta Hesperos isir Lucifru
Il-kewkba ta’ filgħodu tiġi żżurna,
Fuq l-għolja tal-allat il-fjakkolata
Inċapċpu u ngħollu jdejjna lejn is-sema.

Dan hu tbexbix ta' żmien qatt ma kien bħalu,
Dak tal-ħabbar idoqq fil-bieb tal-ġenna,
Taħt patroċinju kewki ta’ xemx ġdida
Jingħaqad ma li hemm purifikati.

Jien nirkeb żiemel ġdid jew dahar ta’ barri,
Nistenna li xi darba għad iċedi
Bħal meta fuq it-tron imil Saturnu
Bix-xettru falz tax-xemx u l-qamar.

Jien għd inkun ma dawk li qatgħu qalbhom
Kewkba oħra li waqgħet u saret elf mitt biċċa.

Alfred Grech
10/12/2018

Sunday, 9 December 2018


Image result for time

Hemm Żmien.

Hemm żmien li nkun irridek,
hemm żmien li ma rridekx,
waqiet bħal mhu dak t’issa,
fittixtek, ma sibtekx.

Hemm żmien ridt noqgħod waħdi
bħal wieħed iżolat,
nitbiegħed jien minn jeddi
biex noqgħod ixxamplat.

Biex nara dawk id-drabi
kontx jien dak il-pervers
għamilta ta’ barrani
inkella ftit divers.

Jew jekk jgħaddix mingħajri
dan dan l-univers bli fiħ,
il-ħbieb u ta’ madwari,
u ż-żmien għaddej bħar-riħ

Alfred Grech
09.12.2018


Related image

Euridice.

Għax qed inħoss il-passi tal-iħirsa
iġorru t-toqol tagħhom li fih twieldu,
il-ktajjen li mal-art ifesdqu l-jasar.
Qed negħerqu fir-rutina ta’ jum ieħor,
ta’ xjuħ fuq tlett saqajn, ta’ si sibilla
li fuq trepied taf tbassar il-ġejjieni
inbaħħar  bid-duħħan alluċinanti
bħat-tfal imwielda mwieżna fuq il-krozzi.

Kull xħin inżurek togħma bħal tal-oqbra
u ninżel ġol abbissi ta’ żmien ieħor.
Xjaħt eminenza griża ta’ ħarruba
tintebaħ bit-tikmix ta’ fuq il-ġilda
jiżdied filwaqt li s-saħħa qiegħda tonqos.

Nistaqsi jekk u kemm hu ż-żmien li fadal
sakemm inżurek nerġa’ taħt il-ġebla,
inkella barra dan, hemmx xi żmien ieħor.

Alfred Grech.
09/12/2018.

Friday, 7 December 2018


Image result for the emperor's new clothes

XLIX.

Kull meta nħares barra minn dit-tieqa
Hemm narra hemm id-dlam, hemm l-għawġ u d-dnewwa,
Kif nista’ minn dir-rokna ntaffi d-dieqa
U mmejjel ftit il-mira lejn is-sewwa?

U nwieġeb bla tlaqliq, li lanqas nista’,
Bħal kotra ġwejjda u ssiekta xħin tagħllimni
Li s-saħħa tiegħi ngħaddi lil min jista’
Iħaddem is-sistema u b’hekk jaħkimni.

U dawk li minn daqqiet iġibu l-qirda,
Għax b’ħeffa kbira jwettqu t-twemmin tagħhom,
Iżidu l-għawġ, il-qrusa, jżidu l-firda
F’isem kull ħaġa sewwa u dawk ta’ magħhom.

Jinħtieġ għalhekk noħorġu minn din-niċċa
Għaliex l-imperatur bla ħwejjeġ spiċċa.

Alfred Grech
15/04/2012

Thursday, 6 December 2018



Kif Tridni Nemmen Fik?

Tridni nemmen fik
u bqajt bla wiċċ, bla ma tingħaraf
bla isem  u bla numru tal-identita’.
Jien ismi bdiltu kemm il-darba
u lbist ta’ maskerat
int bqajt ma dehertx
u meta sejjaħtlek
kien leħni stess li baqa’ jidwi
mal-ħitan u mal-irkejjen.
Int bqajt ma ġejx,
u sirt l-iskuża sabiex għada
nibdew mill ġdid dak li għamilna l-bieraħ
u l-bieraħt lura
u t-toqol baqa’ qatt ma ħfief.

Alfred Grech
06/12/2018