Tuesday, 15 January 2019


Image result for manikin

Mudell.

U tista’ tkun ukoll mudell
li ruħek sibt fuq it-tribuna
sparat min katapult oxxen
u tista’ tgħid li sibt fortuna.

u tista’ tkun ukoll mudell
bħal manikin għall okkażżjoni
u ruħħek sibt fuq pedestall
għarwien mingħajr kontestazzjoni.

Jew kont ukoll dak il-mudell
iġġorr it-toqol li mank tiflaħ,
jew min ma libes qatt qalziet
u l-għera tiegħu qatt ma jilmaħ.

Miskin imbagħad mhux se tkun int
Għax id-disfatta mbagħad tinbdara,
Miskin kull min jitwekka bik
li jsewwi jrid li tħalli wara.

Alfred Grech
15/01/2019


Related image

Xi Minn Daqqiet.

Xi minn daqqiet, nismagħha rrid mingħandek
Għax l-anġlu tiegħi m’għandux leħen,
U l-leħen illi jitla’ mill-abbissi
Hu leħen ix-xitan.
Biex noqtol ix-xitan li hemm ġo fija,
irrid l-ewwel insum
Imbagħad immut bil-ġuħ.

Kull meta nisfa’ mweġġa’
Għax nitlef it-taqbida
Jinħtieġ li nerġa’ lura minn fejn tlaqt
U noqgħod hemm nixtarr
Jekk dak it-tul li mxejt
Ewwila kienx bla fejda..

Int tista’ tkun għalija
Dak l-anġlu li jħabbarli
Li t-tmien jinsab fil-qrib
Jew wara l-kantuniera,
U jien nintilef f’litanija
Ta’ bla tmiem u ta’ bla kuda.

Alfred Grech
15/01/2019

Monday, 14 January 2019



Image result for the furies

X’Tagħmel?

X’hinija din il-molla li tikkarga
U terġa’ twaddbek qisu qatt ma kien,
Tistaqsi lilek stess: hawnhekk x’jien nagħmel
u tibqa’ bla ma ssib serħan imkien?

U x’tagħmel xħin tkun għomt il-baħar kollu
U ssib li fuq dix-xtajta nnawfragajt?
U x’tagħmel xħin iddura għal kemm il-darba
U ssib li f’din il-pista kont weġġajt?

U x’tagħmel xħin tkun taf li bħal Sisifu,
L-isfida mhux il-blata iżda ż-żmien?
U ssib li f’dan il-post, f’dis-sitwazzjoni,
Kont taf li se ssib ruħħek u hekk kien?

Alfred Grech
14/01/2019

Sunday, 13 January 2019


Fi  sliem li ma jsellimx
maqsum fi tnejn u mperreċ
mal-mewġ li ma jidhirx
tiela’ u nieżel
u l-moħħ li ma jsegwix
id-dwejjaq li jwersqu,
wiċċek jitfaċċa ipotesijiet possibbli
jistkennu għad-dell tad-dielja
jissemmew l-urieżaq muti
jsajjru l-għeneb li ma jxenxilx.

Jiena u inti
nistkennu  taħt dil-ħarruba
li taf il-ġrajja tar-raħal.
Nistħajjlek kont sibilla tħares lejja,
b’idejk marbuta
u bi tbissimma fuq xofftejk
bħal donnok taf li dad-destin
mhuwiex għalina,

Fuq mewġ il-baħar jaslu dawk l-aħbarijiet
li ma rridux nisimgħu
it-tħabbir mingħajr id-daqq tat-trombi
jew dak li konna nafu
fil-purċissjoni ta’ wegħedet
li darba konna għamilna lil xulxin
u taf ukoll li l-ħalf li konna ħlifna
m’għadux jorbotna.

Alfred Grech
13/-1/2019

Saturday, 12 January 2019




Għax Int.

Għax int bħal serafin fil-bieb tal-Għeden
Ma tħalli lil min jgħaddi u jidħol ħadd,
Tkeċċili  l-ħsibijiet ta’ kull mar’oħra
Biex bħalek nibda ngħid li ma sibt qatt.

Int taħsel twebbes rasek daqs ta’ blata
Imdawwra xahari mimli xewk u għollieq,
Jekk tiġi l-fewġa tmewweġ ma kull radda
Ma tkun ta’ ħadd u tagħti wkoll bis-sieq.

Jekk ta’ madwarek jitlef l-għaxqa tiegħek,
Int tibda tonfor titlef il-miżien,
U bħal gwerriera tarma tarka u xabla
Tiġġieled l-għadu u tagħti fejn kien kien.

Alfred Grech
12/01/2019




Anġlu Ġdid.

Jinżel qawwi d-dlam ta’ lejl bla kwiekeb
Il-ġibda tiegħek kibret wisq,
Għalxejn imlejt widnejja kollha xema
Għax l-għana tiegħek qatt ma stajt ninsieħ.
Mhux l-għana
Iżda l-vleġeġ li bdejt tifa’
Fatali ta’ Eros it-tigiż,
Id-daqqa t’għajn
U l-baħħ t’a fuq xpfftejk,
Il-ħoss tal-infinit li jidwi f’widnejja.
Bil-wegħediet tiegħek
Li għad tagħmilni anġlu ġdid.

Alfred Grech
12/01/2019

Friday, 11 January 2019




F’Għajnejk il-Fond Bla Qiegħ.

F’għajnejk il-fond bla qiegħ
ta’ min hu mixgħuf
u wiċċek jixhed il-ħmura ta’ filgħodu
u l-ilwien ta’ min qalbu ma jaqtax.

Xuftejk marsusa bħallikieku jridu jaħbu
Xi sigriet
Fil-kurrent mal-folla għaddejja
Bħali
Iżd’inti tispikka.
Jien bħalek nikkumbatti l-kurrenti taż-żmien
U r-rotot predestinati
Ta’ ferrovija misjuqa bla xufier.

U bħalek ridt nisfida
B’dak li għandi f’wiċċ l-allat
U għalhekk ikkastigat
U għalhekk ġejt infittxek
Biex nara lili nnifsi f’dik il-qawwa
Li sadanittant
Kont ħsibtha li telqitni.

Alfred Grech
11/01/2019