Sunday, 19 May 2019



Related image


Għad Jiġi Żmien. (2)

Għad jiġi żmien li mhux fil-bogħod
xħin ma tistaqsinix
mnejn ġejt u trid tagħmilha ta’ anġlu
u ta’ xitan biex tifhem it-taħbiriet li jmieru lil xuxlin
imqar jekk il-qawsalli issa nsterqu
minn kwiekeb li waqgħu. mid-dekadenti,
u trid tkun tassew int it-trasparenti
daqs nixxiegħa ta’ ilma ġieri
biex tifhem kliem is-serpent li jittradik
u jkaxkrek qalb il-ħmieġ tal-opulenza.
Mill-bqija, tiġġerra kemm tiġġerra
qalb it-toroq ta’ Damasku
qalb it-toroq tal-ibliet u tal-irħula
ta’ dawn il gżejjer iffullati u fgati
qalb l-uċuħ mistħajjla u aljenati
li lanqas biss jingħarfu mit-tallaba.
Jien l-iblaħ f’tarf l-irdum għax m’għamiltx bħalhom
nittallab ftit tad-dawl u tal-ispazju
mingħand id-demiurgi li ma nafomx
ta’ mingħajr maskra
biex fl-aħħar bdejt ukoll intenni magħhom
li dan tassew ħelsien.
In-nies għaddejja u tinbqa’ għaddejja purċissjoni
mingħajr ma taf għalfejn,
mingħajr ma tagħaraf lilha nfisha
għaliex qed tfittex triq il-ġenna li tilfitha.

Alfred Grech.
19/05/2019.

Saturday, 18 May 2019


Related image
Stajt Kont Jien.

Int stajt kont biss l-iskuża
biex jien ninbidel f’ġenju kkastigat ġo lampa,
Inkella biex nitfixkel fix-xibka
li ntiżġet biex taqbad l-anġli,
trabokk issiġillat li stajt naħarbu
li ma kienx għal dan il-ħolm li blajt
bħal nifs duħħan tabakk tal-pipa,
wara snin intir u ninżel fil-mitjar ta’ art
imbiegħda.

Stajt kont jien l-żvinturat
il-vitma tas-skiet kewkbi,
jien stess l’għafast il-grillu
ta’ mħabba mejta u rwejjaħ minsija
ta’ dellijiet jirtogħodu,
ta’xemx li nġarret ma mewġ il-baħar.

Jien stess li qtajt il-kurdiċella
ta’ ħajja ġdida.
Jekk kien miktub minn dejjem
li nerġa’ naqa’ ġo dil-ħofra
la hemm xi tgħid u lanqas x’tagħmel.
Biss issa rrid inħabbel rasi kif nerġa nitla’
għax issa din saret qisha drawwa.

Alfred Grech
18/05/2019



Friday, 17 May 2019




Int u Jien.

Int u jien bħal żewġ fanali jiddu
Fil-baħħ tal-infinit
Naħsbu l-istess ħsieb u nispiċċaw
Avviż għal min ibaħħar.

Int u jien żewġ galleriji qed jitperċċu
Fuq toroq paralelli li ma jiltaqgħu qatt,
Insellmu lil xulxin u ‘l-kull min jgħaddi
Bla ma nitkellmu,
Iżda t-tnejn li aħna nafu
X’għandna ngħidu.

Bħal ħares trasparenti fuq wiċċ l-ilma
Li ma jilmax imqar taħt qamar kwinta
U l-ferħ ta’ ġenn iżerżaq biss ħlewwithu
Fiż-żiffa ta’ filgħaxija.

Jiena nħoss ir-riħ tat-tnegħid tiegħek
Jonfoħ fuq spallejja
U kull tant żmien ikolli nqum mill-gdid
Mill-ħmar il-lejl li fiħ nintasab
Xħin l-għanja misterjuża tħalli l-kwiekeb
Ipetptu.

Alfred Grech
17/05/2019

Thursday, 16 May 2019

Image may contain: one or more people, sky and outdoor


Baqgħu Ġejjin l-Ibgħula.

Baqgħu ġejjin l-ibgħula
Għax isem agħar minn dan ma jgħoddx għalihom
Sagrilegi u desakranti u tal-mistħija
Iqattgħu fil-blat aħrax u jiżvinaw
Dix-xbejba li rat wisq f’ħajjitha
B’difrejn li ma jafux
M’hemm  l-ebda ħniena.

Għalxejn tlabnihom u krabnielhom
Dak hu wirt sagrosant
Dak hu wirt tagħna
Ħalluh għal min għad irid jiġi.

Għalxejn inġbarna lkoll bi ħġarna
Bil-ħeġġa tagħna u bin numri
Għax jidher li m’hawnx setgħa li twaqqafhom,
Inkella s-setgħa qiegħda magħom
Inkella jħarsu l-hemm u jħarsu l’hawn
U jagħmlu ta’ bir-ruhhom
Li saru għomja u torox.

Alfred Grech
16/05/2019

Wednesday, 15 May 2019


Image may contain: one or more people, night and indoor

Bandaltni Waħda Sewwa.

Bandaltni waħda sewwa
Għax taf tipprovokani
U jien ma fhimt xejn  aktar
Għax kollox spiċċa sewwa.

Staqsejt għadekx tiftakar,
Weġibtni bi tbissima,
Bħal kieku kont assenti
Għax ħsiebek autostrada.

Sejjaħtli bla ma rajtni
U jien bdejt naħseb b’qalbi,
Mad-daqqa t’għajn l-imħabba
U b’ruħhek bdejt tibdilni.

Iltqajna t-tnejn fuq sħaba
Mingħajr ma konna nafu
Il-ħajja bħal ħuġġieġa
bin-nar nilgħabu bdejna.

Iltqajna t-tnejn fuq sħaba
U d-dinja bdiet tinbidel,
Inżajna u sibna ruħna
Għarwiena u mhux mill-ħwejjeġ.

Alfred Grech.
15/05/2019

Tuesday, 14 May 2019


 Related image


Int Kont ‘l-Fuq Mill-Ħin.

Int kont ’l-fuq mil-ħin kont hemm minn dejjem,
Kull meta d-dellijiet jitwalu aktar,
Kull meta l-jiem jiqsaru u jibda jweaq
Il-werżieq. Kont il bogħod, ftit il-bogħod aktar.
Imm’int minn dejjem kont fil-ġuf tax-xewqa
U jiena ngħodd il ħoss ta’ kull tektika.
Ma jagħraf ebda żmien in-nuqqas tiegħek.
Mhux dak li jien ninħtieġ kien qed ikiddni
Li jkiddni kien il-bogħod li hemm bejnietna.
Kun af li l-istennija hi agħar mill-firda,
Bħal meta l-minutiera tibda teħel
l-għajnejn ifittxu dak li tkun tistenna
Iż- żmien ma jieqaf qatt jew jgħaddi jiġri
int biss trid timla’ l-baħħ tal-eżistenza
għax in-nuqqas bħal ħin li jirrikorri.

Alfred Grech
14/05/2019

Sunday, 12 May 2019


 Related image


Is-Sensi Jikkargaw.

Is-sensi jikkargaw ma l-għodwa t-tajba,
fis-sejjħa ta’ jum ġdid biex tista’ tħares
lejk stess fil-mera bħalma solitarju
il-qamar jikkontempla lilu nnifsu
u jaħbi wara daharu id-dlam imtenni.
Fil-ħsejjes ta’ filgħodu hemm is-sejjħa
ta’ x’jaf il-bniedem jagħmel bla ma jaħseb,
fis-skiet tal-ħerqa li xi ħaġa jħalli
warajh biex jiftakruh li jiġu wara
u jibdel wiċċ id-dinja u jħarbatha,
u jżid l-iskart, in-nugrufun u l-entropija.
Ix-xita traxxax għad issir dulluvju,
id-dinja tfur u tgħereq taħt wiċċ l-ilma
u kliemna jkun bħal min il-karti jbexkel
tal-logħob li ta’ kuljum ilkoll nilgħabu.
Imbagħad inneħħu wkoll minn fuqna l-għata
u nidħlu għarwenin fis-saltna t’Alla
is-saltna tas-smewwiet, il-ħaqq u s-sewwa.
Adam li b’xewqtu ħabb għall-ewwel darba
sinċier mingħajr ma jaf dak li qed jaħbi.

Alfred Grech
13/05/2019