Thursday, 17 October 2019



Image result for lonely poet
Bid-Daqq Tat-Trombi Fuq Ħuġbejk

Bid-daqq tat-trombi fuq ħuġbejk
kull meta għajnejk tpetpithom
u tgħid għaliex poeta sirt
biex ruħek tberraħ għad dawl tax-xemx.
Imqar jekk fi kliemek hemm l-għafja tal-mewt
hekk tħossok aktar ħieles qalb l-għelieqi
tat-tamiet imġarrfa.
ma jiswa’ xejn x’jaħseb ħaddieħor
iċ-ċapċip tal-kotra u t-tmaqdir tal-ftit,
għaliex int tieħu nifs bil-poeżija
għajnejk jinfetħu ktieb u widnejk ġakulatorji.
Fittixt il-vokazzjoni li twelled lilek innifsek
mill-ġdid u tiżvina quddiem in-nies ta’ din id-dinja
biex tibda mill-ġdid tara fir-raxx tal baħar
il-qawsalli u l-ilwien tal-poeta jiżfen
fuq ir-rgħawa ta’mewġ il-baħar.
Profeta għami li miet bla ħalla kitba
biex bħal kwiekeb fit-tarf tax-xefaq
tingħasar ruħek xħin tieħu s-sura.

Alfred Grech
17/10/2019

Wednesday, 16 October 2019



Image result for left alone
Tista’ Tgħid Li Din Id-Darba

Tista’ tgħid li din id-darba
kont jiena li ħallejtek
u tlaqtek waħdek mar-ritmi tas-sħab
li jgħaddi jħokk mal-bini għoli
bil-qniepen idoqqu ma kull tpetpita
t’għajnejk
u kull kelma li stajt tislet kienet agħar
mill-aħħar waqtiet tal-ħajja.
Jien fittixt qalb il-wileġ tal-ilsna
u tal-kliem li bih nitkellmu
iżda mbagħad ġrali
bħal dak il kavallier ta’ barra minn żmienhu
jinfed l-imtieħen tar-riħ.
Issa saru għajnejja l-poeżija
u widnejja l-melodija li qatt ma stajt nintona
tisserpeġġja bħal gelgul
li baqa’ dejjem ħiereġ.
Jien xorta waħda għadni nħossok
taħt il-ġilda u r-raxx li ttajjar
għadu jqanqal
it-tkexkixa tal-fewġa bikrija.
Dan mhuwiex l-għannej li għanna
u ħalla wrajħ il-poeżija mhix miktuba
bħal farfett il-lejl li jgħib
mal-paternoster.
Dan huwa l-għana ta’ min
jaf jislet ir-ragħwa tal-mewġ
qabel ma jasal fuq ix-xtajta.

Alfred Grech
16/10/2019

Tuesday, 15 October 2019


Image result for queen dopo la tempesta

Tfixkilna t-Tnejn f’Saqajna.

“We are such stuff as dreams are made on, and our little life is rounded with a sleep.”
(Shakespear: The Tempest”)

Int tqajjem uragan fl-għadira tiegħi
Kull xħin ma nafx x’ser nagħmel bija nnifsi.
Int tlissen kliem stunat li ma jkunx f’waqtu
Kull darba li fittixt jien ftit tad-dija.
Int tħallat l-ilwien kollha tal-qawsalla,
Jien nislet wieħed wieħed lewn  kif jaqbel,
Imbagħad kont nieħu l-premju ta’ ħaddieħor
Kastig li lanqas biss ma jkun jistħoqqli.
Id-dinja nara kont minn lenti oħra
Issir fana biex turi lill-baħħara,
U xħin kien jidher kollox illi kkwieta
Intbaħna li tfixkilna t-tnejn f’saqajna.

Alfred Grech
15/10/2019.

Monday, 14 October 2019


Image result for foreign workers in malta

149.

Issa m’għadkomx tqajjmuna kull filgħodu
Tkun għada lanqas biss ix-xemx ma telgħet
Bil-ħsejjes provokanti tal-imrietel
Imġiegħla taħdmu minn sitta sa sitta.
Issa m’għadniex nisimgħu l-irvell tagħkom
Titkellmu  b’ilsien stramb li mank jinftiehem
Għefiered ġejtu hawn mill-ibgħat rokna
Tallaba ta’ dal waqt titlobu l-loqom.
Issa m’għadniex nisimgħu lanqas karba
U niżlet għal waqtiet ftit armonija
Fis-sliem, fis-skiet kif dejjem imdorrija
Dar-rħajjel illi ġwejjed baqa’ lura.
Issa m’għadhomx inaqqxu biċċa,biċċa
Is-skiet fil-qalb tal-eżistenza tagħna.

Alfred Grecg
14/10/2019


Sunday, 13 October 2019


Image result for sfruttatori.


Sfruttaturi.

Neħħew is-skiet mil-ġuf tal-eżistenza
u d-dawl tax-xemx u l-fewġa ferriħija,
Neħħew ir-ritmi sielma tal-enimmi
u mill-isfond, il-għana tal-għasafar.
Dardru l-għajn li tisqihom ilma safi.
Xi minn daqqiet tħajjart jien nagħmel bħalhom,
Insir pervers, nsir ukoll diffiċli,
ħa npatti ftit għall-ħażen li jiżirgħu
li jseħħ f’isem il-ħaqq, f’isem is-sewwa.
Għax ħasbu li se jsibu lkoll tweġiba
u ma basrux li kienu waslu fl-aħħar.
Ħaddieħor joħlom kien u joħlom baqa’
iżd’huma fl-oċean tax-xejn intilfu
u ħasbu li ħaddieħor moħħu mela
u baqgħu hekk sejjrin matul ħajjithom
u sabu li bla tmien u mingħajr xeba’
il-mixja li fil- baħħ tax-xejn wasslithom.

Alfred Grech
13.10. 2019.



Saturday, 12 October 2019


Image result for leviathan bible


Leviathan

L-alla li qasam il-firmament
Baqa’ jgħid li m’hawnx bħalu
Għax qatel il-mostru u qasmu fi tnejn

Jaqtgħulek nifsek r-ritmi mgħaġġla tagħħom
Jibnu kullimkien
U jaħtfu kull roqgħa art li jsibu
Biex kerrħu kullimkien.

U l-kruha bdiet issaltan
Fuq din l-art ta’ mitt wiegħda
Għax l-ieħor qal li jrid jagħmel
Sinjur zgħir minna l- maltin.

U l-kruha baqgħet issaltan u tiżdied
Sakemm ma kienx hemm prezz ogħla
X’jitħallas u sakemm kien wasal jum il-ħaqq
U ma bqqgħux aktar l-infidili
U l-ibgħula jippoplaw
Wiċċ din l-art żverġnata.

Alfred Grech
12/10/2019

Thursday, 10 October 2019



Image result for mystery of life

U Ma Stajniex Noħolmu Aktar

M’hemm xejn li jeżaltak f’dan kollu
hemm qerq u distrazzjoni
hemm barrikati u swar għoljin
li jien stajt ġejt u qbisthom
kollha li ma kienx għal dak il waqt
ta’ distakk u aljnazzjoni.
U jien stajt weġibt ukoll
iżda xufftejja marsusin
ġol-morsa tas-sħubija
u bqajt biex dħalt ’l-ġew
mill-għanqbut tas-sotterran mudlam
fejn id-dħaħehn tal-ħelsien
jgħatti d-dawl ta’ tarf il-mina.
Sibna bir bla qieġħ
għax tlifna l-innoċenza
u ħloqna biss erwieħ
biex stajna nsejna fejn tassew irridu mmorru.
Kull meta waqafna naħsbu ftit
qabadna ferħ ta’ ġenn
u qomna bit-tferir ta’ twerwir tal-biża
u ma stajniex noħolmu aktar.

Alfred Grech
10/10/2019