Thursday, 30 November 2017



Huma l-Kwiekeb.

Huma l-kwiekeb li qatt ma stajna mmissu
Li minn xulxin il-bogħod qed iżommna,
F’dan l-univers iħares lejħ innifsu,
F’kontemplazzjoni  ħiemda li toftomna.

Għalxejn għollejt il-ħajt li hemm bejnietna:
Mhux int li qed iżżomna li niltaqgħu
Hi biss l-immesita’ li hemm bejnietna
U l vastita' tal-kwiekeb li jinfaqgħu.

Alfred Grech
30/11/2017

Wednesday, 29 November 2017



Jien Ma Nirrinunzjax.
Jien ma nirrinunzjax għal dawk il-gabirjoli.
imqar jekk trid iżommni lsir
tal-ħarsa tiegħek.

Jien nibqa’ mmur u nerġa’ niġi kif kont dari,
u nagħmel il-qabżiet fid-dlam,
u ninżel taħt wiċċ id-dinja kif nafuha
infittex lil Ewridiċe.

Ma nafx din hix infedelta’
jew ruħ iddur bla rażan
iżd’bqa’ żgur li fejn  tkun int
żgur mhemmx tħaqqiqa.

Jekk tneħħi l-logħba tal-ażżard
u ż-żifna fuq ix-xifer,
ma jibqa’ l-ebda skuża,
jien nibqa’ ma nitlaqx u ma naqtagħha qatt
għax nibqa’ nibdel fehmti
skond dak li nara.

Alfred Grech

29/11/2017


Int Ma Tiswiex.

Int ma tiswiex jekk mhux il waqt tal-lotterija,
U mal-oħrajn għalxejn se tiġri
Jekk mhux ser tasal qabel.
Aħjar tħalliha ħielsa
Lil min fl-imħabba lanqas temmen.
Għaliha li tissejjaħ attenzjoni,
Mhi xejn għajr ktajjen.
Il-ġenn tar-ruħ tifgaħ jekk mhux b’xi travestija,
Il-ġenn tar-ruħ waqtiet li qatt mhu ser tinsiehom.
U jekk tħallini miegħek naqsam
Isir mument għall-dejjem.
Kif għadek hekk ma ntbaħtx li kull ma ridt
Kien biss tgħannieqa li żżomni ma nitlaqx.
Int xejn ma tiswa’
Jekk mhux il ħin bla waqt
Li jibqa’ għall-dejjem

Alfred Grech

29/11/2017.

Tuesday, 28 November 2017


Int Frak Tal-Univers Stinat.
Int frak tal-univers stinat idur madwari,
nixtieq mintix il-bogħod lil hinn minn bewsa jew tgħannieqa,
inkella tkun suġġeritur minn wara l-kwinti
ta’ ħsibijieti.
Int kewkba tiddi bla mistħija,
minflok ma nilħqek, nammirak,
minflok ma tegħmeż trid turini t-triq,
biex ngħix il-bogħod minn dak li jista’ jkun,
biex nifhem ix-xejn tal-għada
sabiex tal-lum it-togħoma nitlef.
Tgħannaqni mbagħad tagħtini bewsa
li tikkonvinċi r-ruħ, imbagħad tibbrilla
wara li tgħaddi l-maltemplata.
Hekk biss joħorġu d-dwejjaq inoltrati
mill-intransiġenza.
Jekk noqgħod il-bogħod minnek nisma’ biss
il-ħsejjes ta’ dil-ħajja.
Xħin tiġi ħdejja nisma leħen is-skiet u s-solitudni.
Jekk nimxu t-tnejn flimkien
nitgħallmu il=ħolm li jirrikorri
u l-eżistenza tagħna t-tnejn
issir il-ħajja i trid tgħixha,
ħajja t’għażliet li jwasslu għall-ħannieqa.
Nifs agħti ġdid, biex nifhem ftit il-ħajja
u l-mistoqsija tagħha,
inkella agħtini waqt etern li jġorrni miegħu
tifkira tibqa’ għall-dejjem.
Il-baħar tiegħek sar misteru
li fiħ qed nogħdos.

Alfred Grech
28/11/2017


Monday, 27 November 2017



Trid Tkompli, Ma Tieqafx.

Jekk nikteb dak li nikteb,
Qed nikteb dak li nħoss,
Jekk taqra dak li naħseb,
Tkun tħares ġewwa foss.

Tkun qiegħed taqra lili
Magħfus u tturmentat,
Għax qed inħares l-isfel,
Issibni f’dan l-istat.

Għax qed inħares l-isfel,
Fid-dlam ta’ bir bla qiegħ,
Infittex dak li nfittex,
Infittex is-sabiħ.

Infittex dak li nfittex,
Infittex ma nsib xejn,
U nibqa’ mank nitkellem
U nibqa’ bejn ħaltejn.

Taħdida nibda ħierqa
Ma dak li ma nafux,
Insejjaħ, bla tweġiba,
Xi ħadd li donnu mhux.

’Mma dak li qed ifittex,
Xi ħadd li jien ma nafx,
Xi ħadd nisimgħu jgħidli,
Trid tkompli, ma tieqafx.

Alfred Grech

27/11/2017

Sunday, 26 November 2017



Inti, li Sebbħet it-Tbissima fuq Xofftejk.*

Inti, li sebbħet it-tbissima fuq xofftejk,
Imbagħad il-dalma waqgħet u waqa’ s-skiet,
għidilna meta tkun it-tieni miġja biex jien nikkntemplak.
Jien nerfgħek fuq idejja u bik nittajjar
’l-fuq mis-sħab,
hemmhek fejn l-arja tonqos.

Ja mara ta’ swied il-qalb,
twissija jien m’gġandix għalik filwaqt li tolfoq,
maħbuba ta’ bla wiċċ u mingħajr isem.
meta se tislita dik l-imħabba
mid-dlam ta’ qalb imweġġa’,
minn xqux l-abbiss tar-ruħ u tat-turmenti?

Ja mara tal-eklissi,
ix-xemx innawfragat fil-baħar tiegħek
u jiena niġi ħdejk biex waħda, waħda,
noqgħodu ngħoddu ż-żibeġ tal-kuruna,
inkella nitfu ’l-kiewkeb,
inkella ndommu f’dil-ħarira rqiqa, rqiqa,
bebbux u ħgieg u perli,
li nsibu fuq ix-xtajta.

Ja mara tas-skiet u tas-silenzji,
bl-impronta tad-daqqiet ta’ ħarta
li ġġor ġo fik elf mitt misteru,
fuq sidrek straħ qaddis tad-dijademi
u qalbek tnixxi xmara  redenzjoni,
ġo ruħek in-nirien ta’ fidwa ġdida.

Ja mara tal-misteri
sibilla trojonfanti ta’ kliem sieber,
sirena tal-pjaċir u t-tentazzjoni,
sieħba siekta ta’ kuljum , anġlu bla ġwienaħ,
inti li tkellimt maż-żminjiet
bl-amnigwita’ tal-profeziji
għanjiet mgħobbija lixka seduċenti,
li tħalli rima fwieħa minn fejn tgħaddi
mistika r-rimja li tħalli u ma tifhimhiex.
Jiena ma nista’ qatt inkun dixxiplu tiegħek
għax meta sfajt imsawwta w imżebilħa
Dawart wiċċi n-naħħa l-oħra.

Alfred Grech
26/11/2017



·        * Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa

Saturday, 25 November 2017



Jien Xtaqt Nintilef.

Jien xtaqt nintilef issa fis sbuħitek,
Ninġarr mill-karru ħieles tal-passjoni,
Fis-sakra ma narax ma nafx x’qed jiġri,
U kollox aċċettat f’dil-purċissjoni.

Jien xtaqt immiss is-sema u ngħod il-kwiekeb
Sal-lum ferħan għax qieghed hawn bi kwieti;
Għax is-sabiħ mhux aktar li hu tiegħi,
Li hu fil-qrib jew dak li hemm fi bwieti.

Hu dak li jġib l-isfidi ineżorbbli,
Hu l-moħħ li dejjem jgħum fis-sensazzjoni,
U ma jridx jifga f’dak li hu banali,
Xħin wietja t-triq, strument tal-perkussjoni.

Jekk ninżel għarkubtejja hawn quddiemek,
Mhuwiex dan xi sinjal ta’ debolezza,
Għax bħalek hawn kemm trid iżd’int biss f’moħħi
Dan hu jekk trid rigal ta’ ġentilezza.

Alfred Grech

25/11/2017 


Jien Xtaqt Nintilef.

Jien xtaqt nintilef issa fis sbuħitek,
Ninġarr mill-karru ħieles tal-passjoni,
Fis-sakra ma narax ma nafx x’qed jiġri,
U kollox aċċettat f’dil-purċissjoni.

Jien xtaqt immiss is-sema u ngħod il-kwiekeb
Sal-lum ferħan għax qieghed hawn bi kwieti;
Għax is-sabiħ mhux aktar li hu tiegħi,
Li hu fil-qrib jew dak li hemm fi bwieti.

Hu dak li jġib l-isfidi ineżorbbli,
Hu l-moħħ li dejjem jgħum fis-sensazzjoni,
U ma jridx jifga f’dak li hu banali,
Xħin wietja t-triq, strument tal-perkussjoni.

Jekk ninżel għarkubtejja hawn quddiemek,
Mhuwiex dan xi sinjal ta’ debolezza,
Għax bħalek hawn kemm trid iżd’int biss f’moħħi
Dan hu jekk trid rigal ta’ ġentilezza.

Alfred Grech

25/11/2017 

Friday, 24 November 2017



Fl-Għabex.
Fl-għabes tristrieħ u titbiel
Bil-kurżita’ li jkollha,
Bħal warda li qatgħet jiesha
Titwieżen mir-riħ
Jew fuq l-għasluġ tal-għajja.
Fl-għabex imqar l-għana titlef leħnu
Fuq mejqa tal-vażun bla fjuri
Tintasab sieq fuq oħra
Mat-toni tal-pianforte.
Tkun ċara u trasparenti
Bħal-fwieħa li taf terħi
Mill-manfaħ tiela’ u nieżel
Mal-metronomu ta’ sidirha.
Mad-daqqa t’għajn il-fond tal-ħars li tagħti,
F’nofs ħolma aluċinanti ta’ smerrija,
Ħmar il-lejl paraliżżanti
Ta’ kull kelma li tislet minn fommha,
Ta’ kull leħħa ta’ beraq għajnejha.

Alfred Grech

24/11/2017

Thursday, 23 November 2017



Emozzjoni.

Bl-ingwanti tal-bellus biss nista’ immissek,
Ma tmurx tixlini b’xi kuntatt karnali,
Inkella tibda taħseb li mingħandek
Favur irrid, kull kelma ssir banali.

Nagħtik il-merħba lilek li dħalt f’qalbi,
Inkella sbrixx għaddej xħin kont nitlajja,
Inkella li ħallejt l-għeliem tal-passi,
Jew għadek tagħmel biċċa minn dil-ġrajja.

Int kont tistenna d-dmugħ bħax-xita nieżel,
Jien dejjem kont hawnhekk u bqajt nistenna,
Ix-xita baqgħet traxxax bla ma waqfet,
Fix-xita sibt it-tmien u tlajt il-ġenna.

Alfred Grech
23/11/2017
.




XXXV.

Dan kien il-ħsieb li b’kelmti ridt indawwar
Bħal fi gwarniċ, il-kejl tal-poeżija.
Il-kelma riedet tkun biex ħsiebi nsawwar,
Minn qalb is-skiet titnissel melodija.

Mis-skiet il-ħoss, fil-ħoss is-skiet intiehem,
Kull waqt, kull ħin, il-kelma tieħu l-ħajja,
Li ma tifhimx, f’dan l-għanja jsir jinftiehem,
Dak li fil-baħħ bla ħajja jkun jitlajja.

Li ma jidhirx il-kelma tagħmlu jidher,
Tal-univers il-ħsieb isib id-diwi,
U mat-taħbit li jħabbat taħt is-sider,
Malajr tal-għana r-rima ssib is-siwi.

F’dawn il-kelmiet dinj’oħra ħadet sura,
Il-fehema ssib il-kenn bħal f’minjatura.

Alfred Grech

12/11/2011

Wednesday, 22 November 2017



Dik l-Għera.
Mal-għera ta’ dal waqt jien naħli ħajjti,
U tkun is-sagrifiċċju li jrid jifdi
Dil-fehma lluminata ta’ min staqsa,
Mal-għera ta’ dal- waqt kull ħoss idarras
U jsir id-distrazzjoni biex niftakar.
Niftakar fik, niftakar li neżisti
Kull waqt li ma tkunx hemm u jien nistħajjlek.
Jien nista’ ndum inwiegħedek elf mitt darba,
U qatt ma nasal għax hemm xi jtellifni.
Din l-għera xħin distratt ma nkunx neżisti,
Ta’ meta ma nkunx hawn, inkun nivvjaġġa,
Li fiha mqar is-skiet f’qoxortu jidħol
Għax bejn il-ħajja u mewt m’hemmx bogħod xi dinja,
Għax filli hawn u filli xejn ma tkun taf aktar,
U taf jekk hux dal waqt il-waqt tal-issa,
U terġa’ tħares lura biex tistaqsi
Jekk dak kontx int inkella kienx ħaddieħor,
Bħal dawk li jgħixu s-skiet tal-eremita,
Għax dawk m’għandhomx għalfejn ilissnu kellma,
Għax dawk ħajjithom saret poeżija.

Alfred Grech
22/11/2017


Tuesday, 21 November 2017




XXXIII.

Kull x’ħin mal-għabex tħoss qed tnin il-ħajja,
U jibda d–dlam ma mkull merżuq jissara,
Imkien ma tara ċar, biss tara tbajja,
U f’dak il-ħin, kulħadd itemm is-sara.

Sabiex tal-lum inneħħi l-moħħ jissielet,
Ġrajjiet l’għaddew u l-libsa tal-lejl kifes,
B’hekk nibqa’ bejn ħaltejn jien stess niġġieled
Biex nagħżel dak li nieħu minn li rifes.

Fil-kjaroskur kull ħaġa s-sura titlef,
Li d-dalma waslet qajla wieħed jemmen,
X’hemm wara l-lejl, l-istar tal-għodwa jikxef,
Bejn lejl u nhar għalissa rrid nitbennen.

Li qed jinbidel hu kif qed naħsibha;
Inħossni bniedem ġdid bla ma ngħaġġibha.

Alfred Grech

08/11/2011


Misteri Eleusini.

Ja sibilla tas-sbuħija u tal-misteri
Li  trid teħodni l-bogħod fejn jiġru l-avventuri
Qed tħares fiss f’għajnejja u donnok taqra
Il-leħħa  tas-sensazzjoni.

Jinti dik is-sirena t’elf mitt għanja u seduzzjoni
Aqbadli jdejja u ħudni  f’tarf ix-xifer
Biex nifhem hux daqshekk ħafif tintilef
Inkella nerġa’ nsib in-niċċa tiegħi.

Inti Drijade ta’ eif mitt mitt dell u elf mitt siġra
Fid-dalma ta’ xi bosk jew taħ xi siġra,
Urini kif id-div’nita’ tista’ ssir bniedem
U l-għerf ta ħajja twil.

Għaliex hawnhekk hawn biss id-dlam
Il-ħin iqarmeċ u jirrombla
Fuq id-djamanti tas-sekondi ta’ dil-ħajja
Ta’ dak li kellu jkun u kellu jiġri
Bla fantasija.

Alfred Grech

21/11/2017

Sunday, 19 November 2017



Inħossni Disturbat Mhux Ftit Il-Lejla.

Inħossni disturbat mhux ftit il-lejla
Mhux b’leħnek li jistona iżda bl-ilħna
Ġejjin minn kullimkien fuq kull frekwenza
F’taqbida ta’ min minnhom ser jinstema’.
Ma jiswa’ xejn li tagħraf tkun prudenti,
Għax jiswa’ biss kemm tgħid, sar jiswa’ kollox.
Mhux aktar li ma jgħallmek ħadd kif taħseb
Daqskemm li għandek dritt issemma leħnek.
U s-sewwa u r-raġuni m’għadx hemm posthom
F’dak misraħ fejn kullħadd qed jgħajjat “Sallbu”,
F’das-suq fejn jgħid kulħadd li jrid, bla rażan.
Inħossni ddisturbat mhux ftit il-lejla
Bħas-siġra tal-ħarifa nżajt mill-weraq,
U sħabi mistgħaġbin iħarsu lejja,
Għax ma niżlitilhomx din l-għera tiegħi.
Inħossni disturbat mhux ftit il-lejla
Għalhekk skużani ftit, ridt noqgħod waħdi.

Alfred Grech
19/11/2017


Friday, 17 November 2017



Il-Bieraħ Int Sejjaħtli.

Il-bieraħ int sejjaħtli
U jien ma weġibtekx,
Ġibt skuża għax kont imħabbat
U bqajt ma kellimtekx.

Int forsi kont imdejjqa
U forsi ma ridt xejn,
Jien deherli l’għandi nċaħħdek
Le, ngħidlek, għal darbtejn.

Għax għeleb il-Jien tiegħi,
Tfittixni xħin trid int?
Naraw xħin jine ninħtieġek,
Tiġix bil-pass distint.

Il-bieraħ int sejjaħtli
U jiena bqajt għaddej,
Illum jekk terġa ssejjaħ,
Nilttaqgħu, x’ħin u fej’?

Alfred Grech

17/11/2017

Thursday, 16 November 2017



Ma Jkunux Dawn

Ma jkunux dawn jgħidulna x’għandna nagħmlu,
Kif għandna nġibu ruħna fi ħwejjiġna,
Jaraw l-għawar u l-ħmieġ fil-bitħa tagħhom
U lilna ftit bi kwietna jitliquna.
Jisimgħu jekk iridu b’min jitkaża,
Lil min imur jixlina mal-barrani,
Għax ġifa u ma felaħx iġorr il-weġgħa
U jġib is-saħta f’daru b’xi konfoffa.
Aħna ċkejknin m’aħniex tal-qata’ tagħhom,
U lanqas għandna s-saħħa tar-riżorsi,
Fin-numru żgħar, jgħadduna kemm jifilħu,
Ħerġin minn taħt il-madmad ta’ ħaddieħor.
Bil-mod il-mod insibu wkoll saqajna,
U l-post ħadnieħ ukoll mal-eżaltati,
Fl-arena tal-ħelsien drajniha l-logħoba
Irridu qalb l-ilpup inkunu bħalhom.
Għax aħna dejjem zgħar, lil ħadd ma rfisna,
Imm’huma fit tgħawwiġ il-qawwa tagħhom,
Fil-gideb u t-tnassis fl-ipokrizija,
‘Mma lilna qatt mhu se jħammrulna wiċċna.
Għax ma sfruttajna ’l-ħadd, lil ħadd ma sraqna,
Tajbin sabiex insawwtu lilna nfusna;
Lil ħadd ma nikkmandaw kif għandu jaħseb,
Inġibu għarkuptejħ, inkella njassru.
Għalhekk ħalluna lilna ftit bi kwietna,
Nixorbu tal-imrar u s-sogħoba l-kalċi.
Qatt taħsbu iżda li sejjrin tagħllmuna
X’inhi, kif għandha tkun tal-ħaqq is-saltna.

Alfred Grech

16/1/2017

Wednesday, 15 November 2017






U Dak Li Tara.

U dak li tara!
Xi tkun qed tara
Xħin tiftaħ għajnejk?*

Tara l-kwiekeb qed ipetptu
Tara d-dalma fuq għajnejk,
Tara kollox bla ma tara,
Terġa’ lura minn fejn ġejt.

Bħalma l-weraq tal-ħarifa
Tara jdur u jtir mar-riħ,
Hekk inħossni ndur u nagħqad
Bħal min lanqas hu f’sessieħ.

X’terġa’ tara malli tiftaħ
Tbexxaq ħarstek f’dawl għajnejk,
Jiena lilek nerġa’ nara
Demgħa ġġelben fuq ħaddejk.

Iżda din mhix ħemda vojta,
Dan hu skiet li  ridtu jien.
Lilek nerġa’ nsib ma wiċċi
Għax fittixtek kullimkien.

Alfred Grech
15/11/2017.

*”Tħabbat Xtaqtek Djarju Mill-Ermitaġġ” Gioele Galea paġna 25.