Thursday, 23 November 2017



XXXV.

Dan kien il-ħsieb li b’kelmti ridt indawwar
Bħal fi gwarniċ, il-kejl tal-poeżija.
Il-kelma riedet tkun biex ħsiebi nsawwar,
Minn qalb is-skiet titnissel melodija.

Mis-skiet il-ħoss, fil-ħoss is-skiet intiehem,
Kull waqt, kull ħin, il-kelma tieħu l-ħajja,
Li ma tifhimx, f’dan l-għanja jsir jinftiehem,
Dak li fil-baħħ bla ħajja jkun jitlajja.

Li ma jidhirx il-kelma tagħmlu jidher,
Tal-univers il-ħsieb isib id-diwi,
U mat-taħbit li jħabbat taħt is-sider,
Malajr tal-għana r-rima ssib is-siwi.

F’dawn il-kelmiet dinj’oħra ħadet sura,
Il-fehema ssib il-kenn bħal f’minjatura.

Alfred Grech

12/11/2011

No comments:

Post a Comment