Sunday, 19 November 2017



Inħossni Disturbat Mhux Ftit Il-Lejla.

Inħossni disturbat mhux ftit il-lejla
Mhux b’leħnek li jistona iżda bl-ilħna
Ġejjin minn kullimkien fuq kull frekwenza
F’taqbida ta’ min minnhom ser jinstema’.
Ma jiswa’ xejn li tagħraf tkun prudenti,
Għax jiswa’ biss kemm tgħid, sar jiswa’ kollox.
Mhux aktar li ma jgħallmek ħadd kif taħseb
Daqskemm li għandek dritt issemma leħnek.
U s-sewwa u r-raġuni m’għadx hemm posthom
F’dak misraħ fejn kullħadd qed jgħajjat “Sallbu”,
F’das-suq fejn jgħid kulħadd li jrid, bla rażan.
Inħossni ddisturbat mhux ftit il-lejla
Bħas-siġra tal-ħarifa nżajt mill-weraq,
U sħabi mistgħaġbin iħarsu lejja,
Għax ma niżlitilhomx din l-għera tiegħi.
Inħossni disturbat mhux ftit il-lejla
Għalhekk skużani ftit, ridt noqgħod waħdi.

Alfred Grech
19/11/2017


No comments:

Post a Comment