Monday, 12 August 2019


Image result for beyond

Dak Li Dejjem Xtaqna.

Għaliex tistaqsi jien x’se nagħmel?
X’se nagħmel jien ma nafx
Dis-sejjħa mhix minn ġewwa
Dis-sejjħa żgur minn barra
Mhix ġejja minn ġo qalbi
Mhix ġejja minn ġo ruħi
Jew għadni wisq marbut
Mal-imgħoddi.

Hemm xewqa li ma nfissiriex,
Hemm ħsieb li ma naħsbux,
Hemm għan li ma nafux,
Hemm ġibda, mbuttatura,
Li twasslek lejn ix-xefaq,
Lilhinn minn hemm, hemm l-irdum,
Hemm id-dlam u hemm il-baħħ,
Hemm jien inkun qed nibki lili nnifsi,
Għax xtaqt inkun dak kollu
Li sal-lum qatt ma kont,
Għax xtaqt inkun pilota
Biex ninnaiviga u nkejjel
l-ispazji l-aktar fondi
tal-baħħ ma jimteliex
tal-univers mistħajjel.

Hemm jiena pellegrin konfuż
Li għad ifittex sejjħa
Tad-diwi ta’ ġo fih
Li lanqas biss jinstema’
Tad-diwi li mhux hemm
Iżd’huwa d-diwi
Li lilu jrid jissemma.

Hemm iblaħ jilgħab ma xortih
Ġullar li n-nies skartatu
Li safa’ kkalpestat
Għax issa l-kotra dratu
Għax issa n-nies inbidlet
Għax issa d-dinja xjaħet
U xejn ma baqa’ mill-ħlewwa
Tan-nanna tirrakkonta
l-istejjer tal-fatati.

Hemm sħab imdendel fuq ix-xefaq
Hemm beraq ma jidhirx,
Hemm ragħad mank biss tisimgħu
Hemm dak kollu li wiegħduna
Li bih webbluna
Hemm dak li dejjem xtaqna.

Alfred Grech
12.08.2019

No comments:

Post a Comment