Le, Le It-Twerżieq Mhuwiex Għalija.
Le, le, t-twerżieq mhuwiex għalija
Mhux iż-żunżana li jddakkar
jew naħla milli jniggżu.
Staħajjilthom kemm il-darba tiela’ u
nieżel
ma li-imwieġ tal-vibrazzjoni
iżda t-twerżieq baqa’ jistona.
Imqar jekk jiena ridt li nikteb
xi melodija li ma fhimtx jew li ma sibtx
u bqajt imbellaħ.
U kif qatt tista’ tagħmel sinfonija
mill-kakafonija?
Imma dawk artisti kienu
komposituri, għannejja tal-ogħla fama
u min inkina rasu quddiemhom
inċensahom u firex it-tapit taħt riġlejhom
kien jaf x’qed jagħmel
u kien tal-affari tiegħu.
Iżda illum li jien inwerżaq bħalhom
u stenbaħt il-ħsejjes jistunaw
li ħarrġu minn griżmejhom
ngħid li mhux biżżejjed tkun poeta
jekk ma twelidx taħt kewkba werrċa
fl-imkien u ż-żmien taċ-ċirku mnebbaħ
Alfred Grech
06.08.2019
No comments:
Post a Comment