Ħmistax t’Awwissu.
U x’nagħmlu xħin niltaqgħu jiena u int
jekk mhux inħarsu fiss f’għajnejn xulxin?
Int issa taf ukoll li nista’ ngħix mingħajrek
u inti taf ukoll li ġewwa fik innifsek
hemm itambru t-tnabar tas-sewwa.
Kemm konna disillużi
kull meta nitilgħu t-taraġ tal-belt
biex inħejju r-ritwali li ta’ kull sena
li kienu jġibuna f’sikkitna!
Fis-sħana tinkalja dan ir-ritwal jitwettaq ta’ kull sena
f’dal jum tal- għid il kbir, l-Għid tal-Assunta
u aħna konna nagħmlu bħall-oħrajn
li obdew drawwiet il-qedem
li magħhom hu marbut il ħlas tar-raba
ma kull ħlas ieħor.
Nitilgħu it-taraġ bil-qtigħ tan-nifs,
biex nilħqu dak li qatt ma tista’ tilħaq
fost il ħsejjes tal-marċi bla ritmu
tal-baned stunati li jridu jirxuxtaw mill-ġdid
twemmin li ilu mejjet.
Mhux biss, iżda d-delirju tas-sħana
x-xorb u d-droga jtennu litanija
tal-erwieħ li salvaw, tal-oraklu
u ta’dawk li telgħu fis-smewwiet
f’dan il-jum tassew qaddis.
Għax kollox jgħodd għat-telfien tal-moħħ
sabiex taljena ’l-folla
fis-sakra tal-bużżieqa taż-żmien
u biex ninsew ukoll li ngħixu hawn qiegħdin
u bħalissa.
U x’nagħmlu xħin niltaqgħu jiena u int?
Alfred Grech
15/08/2019
No comments:
Post a Comment