Thursday, 4 August 2016




Il-Kliem Ħiemed.

Int li ma tħossx in-nifs ta’ qalb il-friegħi
Kif tista’ tifhem lili xħin nimmuta
Kull xħin idejh ħaddieħor jibda jxejjer
Kull kelma titlef tibda l-lewn u s-sura?
Kif tista’ inti qatt fi ħdanek tilqa’
In-ngħas imwiegħed qabel filgħaxija,
Il-qtar tal-kwiekeb jaqgħu f’nofs Awwissu
Fid-dell ta’ sema jerħi bla ma jibqa’.
Bħal jiem li dehru spazju bla konfini
Bħal petali f’wiċċ l-ilma qatt ma jegħrqu
Bħar-riħ l-għeliem iqaċċat mill-għekiesi
Għad-dell ta’ baħar jordom is-sigrieti.
U jgorru fuq il-mewġ ta’ xefaq sieket
Il-kliem li qatt ma nkiteb, il-kliem ħiemed.
Alfred Grech
31/08/2014

Wednesday, 3 August 2016




Fuq ġismek qed jintilfu.

Fuq ġismek qed jintilfu u f’għajnejk jiżfnu
Elf orbita bla xuxa tal-kometi
U fuq xufftejk iz-zokkor t’għanja muta
Fil-baħħ tax-xejn li d-diwi jirrepeti.

Imm’int l-imħabba taħsel fl-impossibbli,
Fis-skiet li qatt ma nstema’ tgħaddi fewġa,
Il-qamar qed jistrieħ, riġlejk miġbura,
Il-moħħ għajjien jintelaq ma' kull mewġa.

Fi ħdan il-bews etern ta’ baħar sieket,
L-imgħoddi bħal musmar fl-injam imwaħħal,
Ħadid mal-bieb li jsakkar kull tifkira,
Ma' daharna t-tnejn kull xili jibqa’ mkaħħal.  

Kull xewqa tiġi u tmur li m’għandix x’nambi,
F’widnejna jibqgħu jidwu ħsejjes strambi.

Alfred Grech
21/08/2014





Ħallejtek tiġri u timnraħ.

Ħallejtek tiġri u timraħ
Xħin xtaqtek kont fil-qrib
Emmint dak li kont għidli
U f’dak li xtaqt insib.

Imdendel kont minn xagħra,
U qatt ma kont kurjuż
Nistaqsi x’kont qed tagħmel
Li kien tassew dubjuż.

U sirt ekwilibrista,
Niggranfa ma grampun,
Nitgħawweġ u nitkaxkar,
Mirfus taħt iż-żarbun.

Noxxilla mbagħad bħal pendlu,
Ta’ ħsiebek il-konfuż,
Niżżerżaq fuq żurżieqa
Ta’ lsienerk malizzjuż,

Imbiddel il-bandiera,
Indur daqs xi pinnur,
Kull meta jitla’ l-ajru
U tbiddel il-kulur.

Imbagħad xħin xbajt nistenna
Għax inti bqajt ma ġejtx,
Xi ħadd fetaħli moħħi
U fhimt, biex bqajt m’ għalejtx.

Alfred Grech

03/08/2016

Tuesday, 2 August 2016



Għax issa lanqas naf.

Għax issa lanqas naf
Jekk moħħi hux jiċċara
Għax nemmen jekk irrid
U nimxi bla ma nara.

U issa lanqas naf
Dan kollu x’jista’ jfisser
Sirt qisni sakranazz
Nirtogħ'd indur u nkisser.

U issa lanqas naf
Kont ċar daqs dawl il-qamar
Li jiżfen fuq il-mewġ
Musbieħ il-lejl bħal ġamar.

U issa sar il-ħin
Kif nagħmel, nerġa' lura
Fi nżul ix-xemx inin
U sema qed jiskura?

Alfred Grech

20/08/2014


Ma rridx nippossedik.

F’għajnejk hemm l-oriżżont
Fejn għad irrid immur,
Xħin ngħum go dan l-abbiss
Taħt sema bla kulur.

Inħossni naqta’ n-nifs
F’dal-baħar misterjuż,
Hawnhekk ma ġejt kont qatt
Nilgħaba tal-gużtuż.

Niskopri bla ma naf
It-truf tal-infinit,
Fl-imħabba li trid trodd
It-telf bil-ftit il-ftit.

Interraq bla kumpass,
X’imkien fejn qatt ma mort,
Mingħajr bla biss ma naf
Insib li d-dinja dort.

U hekk ma tliftek qatt,
Xħin titlaq inħallik,
Ittir u tmur fejn trid
Ma rridx nippossedik.

Alfred Grech

02/-8/2016

Monday, 1 August 2016



Xħin ngħid li jiena ħieles

Xħin ngħid li jiena ħieles . . .
Bħal xewqa li tkun tfawwar fuq ix-xifer
Bħal berqa li taħrablek xħin taħkimha
Bħal ħsieb mingħajr ħitan li l-ħin skadielu
Bħal dak li ma ltaqax mas-sieħba tiegħu
Għax setgħet tibqa’ xbieha ċellulari.

U jiena x’ġejt infittex
F’dal-beraħ ta’ bla żiffa?
Ġejt infittex ftit tas-skiet
Ġejt infittex lili nnifsi
Ġejt infittex ftit tan-nifs
Ġejt infittex il-ħelsien
Ġejt inrabbi ġwienaħ goffi
Biex nittajjar mal-ħolqien.

Hawnhekk jibqgħali l-wisa’
Fejn nista’ noqgħod ħdejk
Int, li għalik dal-versi saru
Bħat-tajra ta’ bla isem.

Xħin ngħid li jiena ħieles int fejn tkun?
Ma tkun imkien. Ma tkunx qed tistennieni,
Ma tafx fejn jien u lanqas tiġi miegħi
Fuq nifs is-sħab imċarrat.

Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Niddendel mal-kwiekeb u niżra’ l-waqtiet
Nissemma lill-baħar itenni din l-għanja
Li tidwi ġol-għerien.

Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Int lanqas biss tarani
Nittajjar fuq kull warda
U neħles minn kull xkiel. . .
Xħin ngħid li jiena ħieles. . .

Sa ninża' kull ma nkun liebes.

Alfred Grech
Ta’ Slima, 17-08-2014





Mas-sebħ il-weraq dehru aktar dgħajfa.

Mas-sebħ il-weraq dehru aktar dgħajfa,
L-uġih fl-irmied iwennes wiegħeda tqila,
L-istar taċ-ċpar, delitt li mhix fi żmienu,
Sirt hekk inġorr it-toqol  ta’ triq tiwila.

In-nar f’għajnejk ibejjet żrieragħ għomja,
Imferrxa biex jintrifsu fil-mogħdija,
Il-qamar ma telax u dehru l-kwiekeb,
Daqs tal-iħirsa s-sens tan-nostalġija.

Xħin bkiet il-qalb, l-ilwien bdew jidhru eħfef,
In-nifs tas-sħab, tnehid ta’ ruħ imsikkta,
Il-qtar tal-ħsieb inibbet ħolm jistona,
Fejn hemm nuqqas ta’ qbil fuq art iknikkta.

Afred Grech
15-08-2014