Monday, 8 August 2016



Tibnu Torri, Tibnu Ieħor.

Hekk biddiltu wiċċ il-gżejjer,
Ma ħallejtu xejn kif kien,
Bil-misħuta ekonomija
Tikkapparra kullimkien.

Bellajtuha lil min jaħkem
Bellajtuha lill-kullħadd
Kif qed tħarrbru wiċċ id-dinja
U rispett ma ġġibu ’l-ħadd.

Bil-pupazzi tal-ispaga,
Tiġbuhielhom u jagħmew,
Għax il-kotra tibqa’ siekta
U l-Maltin bix-xejn jegħedew.

Ibnu torri, ibnu ieħor,
Donnu mhu qed jiġri xejn,
Xħin imbagħad filgħodu nqumu
U nintebħu, mbagħad għal xejn.

Tibnu torri, tibnu ieħor
Qiskom għandkom bir bla qiegħ,
Taħsbu l’ għandkom dritt minn Alla;
U dad-dritt minn fejn ġibieh?

Minn fejn ġibtu dritt li tħarbtu?
Tibnu u tgeddswu bħas-sardin,
Biex tiżdied il-konfużjoni
Fuq dil-blata! X’waħda din!

ALFRED GRECH
08/09/2016

Saturday, 6 August 2016



Lil Sunta.

Hemm min jitla’ sal-quċċata
Jieħu gost għax elevat,
Hemm min jidħol f’monasteru
Biex jispiċċa kkunsagrat.

Min fid-dlam tal-lejl jinħeba
Jew jinħela jgħaddi ż-żmien
Min f’deżert issibu miexi
U ma jasal qatt imkien.

Hemm imbagħad minn lilna jixbaħ’
Illi l-ikraħ mas-sabiħ,
Jaf iħallat ħewwa l-borma
Qatt iż-żmien ma jagħmel biħ.

Alfred Grech

24/07/2016

Friday, 5 August 2016



Il-Ħajja.

Xi minn daqqiet hi blugħa,
Xi minn daqqiet ħmerija,
Bħal-werqa li tiżżeffen

Mar-riħ fix-xhur xitwija.

Il-ħajja minnha nfisha
Mhix ħlief anomalija,
Ma tfisser xejn u tfisser
Il-mewt sa mill-fisqija.

Għax xħin ma tkux hawn inti
Inħoss il-firda tiegħek,
Kull meta tmur u titlaq
inkun se niġi miegħek.

Kull bniedem ġrajja weaħda,
Li nerġgħu intennuha
Imbagħad mill-ġdid ninsewha
Għax kollox safa frugħa.

Alfred Grech
27/07/2015



Jien Sibt Ruħi.

Jien Sibt ruħi f’dil-quċċata,
Tlajt hawn fuq bla ma xxabbatt,
Lanqas biss ma rajtek ġejja
Dħalt hawn ġew bla ma ħabbatt.

F’daqqa waħda sibtek ħdejja
U għal ftit kont naħsbek waħx,
Moħħ imdallam, qalbi waqfet,
U ħassejtni ma niflaħx.

Int bħal ħsieb li jiġi f’daqqa
Int bħal berqa mill-punent,
Xħin niftakar l’inti ġewwa
Ġrejt warajk inutilment.

Ġejt illum infittxek waħdi,
Għelm warajk ma ħallejtlix,
Bqajt nistenna solitarju
Kemm iddum ma tkellimnix?.

Alfred Grech
05/08/2016


Thursday, 4 August 2016



Ejj’Noħolqu Moviment.

Ejj’noħolqu moviment
Ejj’ noħolqu mewġa lbira.
Ejja ngħumu mal-kurrent
Anke ‘kk din mhix ħlief għadira.

Ejja nrewwħu bħal farfett,
Biex noħolqu ftit pressjoni,
Tkun kaġun mill-bidu nett
Tal-oħrajn il-konfużzjoni.

Ejja nġnġu l-ideat
U noħorġu b’waħda kbira’,
Dan ikun bħal Kolp ta’ Stat
Nistgħu nieħdu biss tkaxkira.

Ejj’nilgħabu wkoll bl-imħuħ
Ejja nagħmlu maltempata,
Nilluppjaw in-nifs tar-ruħ
U nsejjħula biss xalata.

Ejj’noħolqu wkoll partit
Biex inwegħedu wkoll bil-mija,
Inxekklin mingħajr aptit
Din mhix ħlief demolrazija?

Alfred Grech
04/08/2016


Tmellisa.

Maż-żiffa ta’fl-għaxija,
Fid-dlam ta’ lejl bla qamar
Ir-rima ma kull kewkba
Issir bħan-nar bla ġamar.

Tmellisa li bħal vleġġa,
Tal-ħolm is-seħer tqajjem,
Ġenbejk mikxufa beraħ
U x-xewqa ta’ min sajjem.

U terġa’ taħt il-lożor
Bin-nifs li x-xitwa tbiegħed,
Is-sider tiela’ u nieżel
U leħen qed jitriegħed.

U tħossha dik id-dehexa,
Tmellisa biss ħafifa,
Mal-weraq ta’ xi siġra
Li tinża’ fil-ħarifa.

Bħall-warda li trid teħhles,
Mill-petali ta’ fuqha,
Tintebah bil-maġija
U tgħodos biex idduqha.

Alfred Grech
26/12/2105



Il-Kliem Ħiemed.

Int li ma tħossx in-nifs ta’ qalb il-friegħi
Kif tista’ tifhem lili xħin nimmuta
Kull xħin idejh ħaddieħor jibda jxejjer
Kull kelma titlef tibda l-lewn u s-sura?
Kif tista’ inti qatt fi ħdanek tilqa’
In-ngħas imwiegħed qabel filgħaxija,
Il-qtar tal-kwiekeb jaqgħu f’nofs Awwissu
Fid-dell ta’ sema jerħi bla ma jibqa’.
Bħal jiem li dehru spazju bla konfini
Bħal petali f’wiċċ l-ilma qatt ma jegħrqu
Bħar-riħ l-għeliem iqaċċat mill-għekiesi
Għad-dell ta’ baħar jordom is-sigrieti.
U jgorru fuq il-mewġ ta’ xefaq sieket
Il-kliem li qatt ma nkiteb, il-kliem ħiemed.
Alfred Grech
31/08/2014