Friday, 9 September 2016



Sejjaħtlek hekk fis-solitudni tiegħi.

Sejjaħtlek hekk fis-solitudni tiegħi,
Għażilt dak li għażilt frott il-ħelsien,
Xħin jien ftaħart li jien wild il-burdati,
Illum ma jiswa xejn għax jien min jien.

Ħobbni u obgħodni 'mma fil-qiegħ ta’ qalbi,
Bħal sħab bla xita jgħaddi bla dewmien.
Jien naf ukoll u dana  l-oħrajn jafu 
Niġġerra, ndur u nagħqad fl-isqaqien.

Imbagħad il kontijiet xħin jiġi l-aħħar,
Fejn milli mar, ma jerġa' lura xejn,
Xħin lilkom insellmilkom indur lura,
U nerġa’ lejn id-dar għax ħlist mid-dejn.

Alfred Grech
10/11/2014


Thursday, 8 September 2016




Jien Ġejt Hawnhekk.
                                                                                                                   
Jien ġejt hawnhekk nistaqsi fejn se mmorru
Għax inti kont ġa taf u xħin staqsejtek
Intbaħt li jien ukoll kont qed niġġerra
Biex naqbad dawk il-friefet illużorji,
Inkella kont qed naħrab id-dilemma
Li għandu kull maħluq. Hawnhekk ħaddieħor
Bilqieghda jgħaddi l-ħin jaljena rasu
Strodut quddiem xi skrin alluċinanti,
U jiena ġejt hawn ħdejk tad-demm u l-laħam
Għax ħsibt li stajt taqrali wkoll xortija.

Alfred Grech

08/09/2016

Tuesday, 6 September 2016



XCIX..

Bużżieqa tas-sapun mifqugħa fl-arja,
Ġrajja’oħra li tintiseġ u tintesa’,
Jekk drajna lil xulxin taf fejn jien sejjer,
U għad nintilef nimraħ tul dil-wesgħa.

Mhux sejjer naqbad qatt ukoll jekk nonsob,
Il-ħlewwa tal-waqtiet u t-togħma tagħom,
Għax terġa’ u tgħid, nistaqsi lili nnifsi:
Kinetx dil-ħajja l’għext inkella magħhom.

Ġarrewni ċ-ċirkostanzi travolġenti,
Jekk kienx dan il-mument li fih nintilef,
Burdata t’arja sħuna mal-kurrenti,
Inkella sentiment li ż-żmien kien tilef.

Ninsabu llum mexjin qalb ward fil-ġonna,
U qiegħdin hawn għaliex m’għadniex fejn konna.

Alfred Grech

13/-9/2016

Monday, 5 September 2016



Hawn Baħħ Ma Jimteliex.

Hawn baħħ ma jimteliex
Fil-ħofra ta’ kuljum,
Jekk għadek ma fassaltx
Ma nafx kemm ser iddum.

Jekk għadek ma fassaltx
Fejn sejjer int ma tafx,
Vapur mingħajr kaptan.
Ix-xefaq ma jagħarafx.

Hawn baħħ ma jimteliex,
Hawn żiffa ma trewwaħx,
Hawn kliem ma jitfissirx,
Hawn ward li ma jfewwaħx.

Ċempilli u ma naqbdux,
Stedinni u ma niġix,
X’se jġib it-temp illum
F’dal jum li ma jgħaddix?

Alfred Grech

05/09/ 2016.

Saturday, 3 September 2016




Ninħeba.

Ninħeba wara bewsa
Għax nibża’ mill-effett,
Inċempel waħda u naqta’
Ninqabad bħal mulett.

Nixtieq nitkellem miegħek
Għalkemm ma nafx xi ngħid,
Ittektek tkun ġo moħħi,
Għalkemm tinsab il-bgħid.

Jekk hemm xi ħaġa taqbad
Dan żgur mhux nar divin,
Għalkemm inħossni l-ġibda,
Jien tlaqt għax sari l-ħin.

Inkella għax kont hawn qabel,
Sensiela l’issa drajt,
Inkella għax għadni nfittex,
Il-wiċċ li qatt ma rajt.

Alfred Grech

03/09/2016

Friday, 2 September 2016



Tittieħed ir-Rassenja.

Tittieħed ir-rassenja
U jiena ma nkunx haw’,
Tgħidux: Kien hawn u telaq,
L-għażliet malajr spiċċaw.

Biss għidu li din ħolma
Li jien ma niftakarx,
Jekk għad xi ħadd jiftakar,
Li karkar hawn, ma marx.

Jew jekk xi ħadd li jibqa’
U jkompli fejn ħallejt,
Dan lili jiftakarni
Xħin jien inkun insejt.

Alfred Grech
02/09/2016.

Thursday, 1 September 2016



 Kif Tista’

Kif tista’ b’vista korta’
Qatt tinfed l-infinit,
Tal-għerf li hemm mistoħbi
U mnaqqx fil-granit.

Ċedejt għall-kalamita,
Tas-sensi li jżommuk,
Ilsir ta’ mostru waħxi
Li minnek ibiegħeduk.

Mal-art intfajt titkarrab
Tispara bil-kanun
Ta’ moħħ li dara’ jilgħab
U jdawwar ir-raġun.

Kif qatt is-swar tas-saltna
Trid tinfed bi stallett,
Qasira l-vista tiegħek
Ankrata fl-intellet.

Alfred Grech
01/09/2016