Monday, 19 September 2016




Għalissa Nieqaf Hawn.

Għalissa nieqaf hawn ħa nkun assenti,
Hemm wisq tal-iffullar fuq l-awtostrada,
Ir-ritmi mgħaġġla wisq mank nista’ nlaħħaq
U lanqas irrid naf x’hemm lest għal għada.

Bħalissa għaddej wisq traffiku minn moħħi,
Jekk għadek tqum u tħossok mimli ħrara
Għalik il-jum it-tajjeb, iżda lili
Ħallini mal-vertiġini nissara.

Alfred Grech

19/00/2016

Saturday, 17 September 2016



Dan hu l-ispazju tiegħi.


Dan hu l-ispazju tiegħi,
dan huwa l-bahh li minnu jrid jitwieled
univers ġdid, dinja oħra,
fejn il-kejl hu differenti,
u l-miżien jiddaqqqas f’sikktu;
il-bogħod mir-ritmi ħorox ta’ħaddieħor,
il-bogħod mill-ħars tal-folla,
il-bogħod mill-ħarsa tiegħek,
u mill-akkużi li tagħmilli.

Għax inti sirt agħar minnhom,
għax ma tifhimx,
għax ma tgħarafx,
il-wied mudlam li minnu jgħaddi kull poeta.

Alfred Grech
12/07/2015

Friday, 16 September 2016



C.

Int tfarfar id-destin mill-fdal li jibqa’
Għax mhux b’din il-munita trid tħallasni.
Tiġini t-tentazzjoni u nerġa’ naqa’
Mat-togħoma t’għaraq mielaħ li darrasni.

Bis-sensi li jitolbu attenzjoni
Kull xħin għajnejja għalaqt inbidlet l-arja
U nbtaħt b’dir-ruh li għexet l-illużżjoni
Perkors li ta’ kuljum tarah ivarja.

Is-sensi moħbijin bħal isqra mġewwħa
Biżżejjed tkun mingħandek it-tbissima
Biex jiftħu par ġwenħajn mifruxa beraħ
Imkeffen f’ġisem mimli b’dit-tilqima.

Id-dubbju ta’ kuljum qed igerrimni
U jiena mingħalija l’int tifhimni.

Alfred Grech

16/09/2016 

Thursday, 15 September 2016





Fissazzjoni.

Ma nafx kif iffissajt li tridni nħobbok,
Jekk int mintix ħlief dehera efimerali,
Aspett li ta’ kuljum tarah jinbidel
U kull xħin nersaq lejk jiċċajpar kollox.
Ma nafx kif tridni ngħid li hu għal dejjem,
Jekk taf bit-terrimoti tal-burdati
Li jbiddlu wiċċ id-dinja kull filgħodu
U inti bħali minn mument għall-ieħor.
Għax trid ukoll issib ir-ruħ tewmija
U taf li l-varjeta’ daqshekk hi kbira,
U tgħid li għal kull biċċa hemm seħbitha
U taf li l-għażla hija dejjem tqila.
Għax jien insib is-seħ fil-baħħ ta’waħdi,
Tvenvin ir-riħ fis-skiet tas-solitudni
Għalilja l-unita’ fix-xejn ta’ dejjem,
U serħ fis-skiet il-bogħod mill-multitudni.

Alfred Grech

15/09/2016

Wednesday, 14 September 2016



Jien Ma Nħossx.

Jien ma nħossx li għandi nerġa’ niġi taħt idejk
Issa għadda ħafna żmien
Ħafna ħwejjeġ imbidlu
U nbilt jien ukoll.
Le ma nħossx li għandi nerġa’ niġi
Il-bogħod hu bħal irjieħ
Imewwtu wkoll il-ġamar li jkun baqa’ jnin
Wara burraxka.
Il-bogħod hu bħal xħin titlef l-ajrulan,
Ta’ wara mhux l-istess
Hu bħal xħin tmur tixtri
U ssib li tlift il-protafoll.

Alfred Grech

14/09/2016

Tuesday, 13 September 2016



Awtobijografija.

Jekk aħna kkonsagrajna
Dak illi nemmnu fih,
Ukoll jekk illużorju
Bħal ħolm li trid tinsieħ.

Jekk kien il-ħolm li ħlomna
Int tgħidli nikteb ktieb
Ta’ din in-narrattiva,
Li tagħha niftħu l-bieb.

Kien biss il-ħsieb li għadda,
Kien biss il-ħoss tar-riħ,
Jew kienet it-tifkira,
Ta’ dakj li tisma’ bih.

Awtobijografija,
Jew mafkar għal li ġej,
Għax lanqas ridna nemmnu
Li kollox hu għal xej’.

Alfred Grech

06/09/2016

Saturday, 10 September 2016



Maċ-Ċaqliqiet Rotundi.

Maċ-ċaqliqiet rotundi
Ta’ ċrieki ġewwa ċrieki
Li tagħmel kull taqtira
Li taqa’ minn ħaddejk
Jitltaqgħu ċrieki kontra tal-qtar tiegħi
Fuq wiċċl-ilma li issa sar qanqil f’taħdida ħierqa.

Jien għadni fil-benniena
Ta’ dak li konna ħlomna
U għadni ta’ kuljum inġorr
It-tifkiriet fil-qoffa
Ta’ dak li seta’ kien
Li kieku ma sfidajtx
U mort lil hinn minn fejn stajt nasal.

Għad jgħaddi ħafna żmien
Biex joqgħod xi ftit l-ajru
U l-baħar inkurlat isib il-medja tiegħu.

Sadanittant, fiċ-ċrieki kontra ċrieki kontra ċrieki
Erġajt sibt ir-rutina
T’eternita mingħajr ċaqliqa.

Alfred Grech

10/09/2016