Thursday, 8 December 2016




Int Missejtli Din Il-Korda.

Int missejtli din il-korda
Il-ħoss tagħha ma daqqlix,
Għax ħassejtu kemm il-darba,
Dat-tferfir ma jinzillix.

Int qed tilgħab logħoba goffa,
Int qed tqanqal ħafna mewġ,
Dil-ħuġġieġa li trid tqabbad,
Għandek mnejn iġġibha żewġ.

Imma taf li kull xħin tħares
Ġewwa l-mera ma tagħrafx,
Għax il-mera tirrifletti,
Mhux se tgħidlek li ma tafx.

Ma tarax kemm inti belgħa,
Ma tarax li mhux se tbiegħ,
Mingħalik li tlajt is-sema,
U sibt ruħhek hawn fil-qiegħ.

Ħeqq imbagħad, jien x’nista’ ngħidlek,
Jekk trid tibqa’ tilgħab hekk,
Hekk taf tgħix, dik hija ħajjtek,
Hekk taf tilgħab u daqshekk!

Alfred Grech

06/12/2016



Inmħossni Dik Il-Kewkba.

Inħossni dik il-kewkba
Li ma tistax tibbrilla
Minħabba dak li ġara
U baqgħet biss xintilla.

In-nawfragat fuq gżira
Fejn qatt ma jersaq ġifen,
Inkella kull minn jgħaddi
Jinsieħ, jew bħal indifen.

Dak kollu li ġie qabel,
Bħal leħħa kien, ta’ berqa,
U issa li sirt nafek
Li ġej ukoll bis-serqa.

Dak kollu li se nibnu
Bit-trab irid jinkesa’
Tinkiteb għad l-istorja:
Dan kollu jird jintesa’.

Alfred Grech
08/12/2016




Wednesday, 7 December 2016




101.

U jiena nerġa’ nfittex triq għal għandek,
U inti weara l-velu tal-ġejjieni,
U inti bħal baħrija qalba sewda
Iżżommni fuq ix-xwiek bil-profezija.
Madwar għajnejk stajt nara biss sorpriżi,
Mal-ħġieġ tat-tieqa mtappan bl-agunija,
Għaddieħ iż-żmien taħħbit il-qalb imjassra,
Marsusa bejn l-idejn li qatt ma fetħet,
Għax skuża ma sabitx, il-warda tagħna.
Intlift fil-labirint tal-mistoqsija
F’nofs uragan ta wġieħ il-jien imkabbar,
U bħal fidil iżilt fuq irkubtejja
F’nofs baħar iswed tuta mimli labar.
Stordejt bil-ġmiel ta’ ġismek u bil bjuda.

Alfred Grech

07/12/2016

Tuesday, 6 December 2016


M’Hemm Xejn Li Għad Xi Darba.

M’hemm xejn li għad xi darba
Jxabba’ dan il-ġuħ, għajr inti
Li għal darb’oħra għad trid tgħaddi
Mit-trasfigurazzjoni ta’ waħda
Mill-ulied ta’ Zeus.

M’hemm xejn x’jurini t-triq
Li għada trid twassalni
Lil hinn mix-xefaq,

Inkella fuq ix-xfar ta’ rdum
Li miegħu għad imelles
Mewġ il-baħar.

Jekk għad xi darba fost il-ħsejjes
Ta’ kuljum nitkixxef leħnek
Immur infittex qalb id-dellijiet
Biex nara nsibx lil-wiċċek.

Waqt li kienet nieżla x-xita
Deherli li smajt passik.

Hu biss il-ħolm li noħlom
U xejn aktar.

Alfred Grech
06/12/2016



Saturday, 3 December 2016



Inti Li Miegħi Ġrejt.

Inti li miegħi ġrejt madwar id-dinja,
Żunżana ddur mal-bozza tat-triq tagħhna,
Int bqajt ma nbaħtx li dak li nagħmlu aħna
Fuq il-miżien taż-żmien m’għandux tifsira..
La tistenniex li f’d an ix-xatt ta’ baħar
Jitfaċċa għad xi mħallef li jibbrilla.
Ma tindunax li l-krib u d-dwejjaq tagħna
Ma jagħmel ebda mpatt fuq dan il-kosmos,
Li xejn ma jimpurtaħ. Indifferenti?
Tgħid int ukoll xi darba trid titgħallem
Li l-ħin li ħlejt kien mezz biex tista’ tinsa’,
Tgħid għadek int ma ntbaħtx li r-ritmi tagħna
Biegħeduna mill-eternita’ li ngħixu,
Biex tara u tifhem dak li hemm madwarek?
Jekk inti wkoll sibt ruħek f’dina id-dgħajjsa,
Dan ma jfissirx li t-tnejn fuq mewġa waħda,
Kull darba mbagħad li niġi biex nistħarreġ
Inkun qed nara jekk għadekx teżisti.

Alfred Grech

03/12/2016.

Friday, 2 December 2016


Qatt Ħsibt.

Qatt ħsibt kemm huwa faċli tgħid daqshekk ?
F’dal vortiċi bla rażan f’dil-burraxka,
Xewqat u tqanqiliet u elf delużjoni
Bl-aċċelleratur taħt saqajk?

Bħal dawk li jridu jipperswadu li huma wkoll normali,
Iżda li normali mhumiex.
U jinvokaw qawsalla ġdida tal-ilwien
Biex jaqsmu t-toroq.

Mhuwiex tassew li tirrifletti dak li tgħidli
Mhuwiex tassew kif tgħid li temmen kull ma ngħidlek,
Mhuwiex tassew; u jien miniex nixxiegħa t’ilma ġieri,
Għax jista’ jkun li drajtha wisq dit-telgħa,
Kif lilek nista’ nogħoġob,
Kif lilek nikkonvinċi.
U jista’ jkun ukoll dan l-oratur
Qed jitlef l-elokwenza.
Għax jiena qatt ma ridtek li tixjieħ quddiem il-mera,
Għax jiena qatt ma ridtek ta’ kuljum issir medjokri.

Alfrerd Grechj

02/12/2016

Thursday, 1 December 2016



Taf x’Inħoss?

Taf x‘inħoss meta niltaqa’ miegħek għid?
Qisni qomt minn raqda u ma striħajtx
U nerġa’ nipprova nistrieħ u ma nistax..
Għax hemm żunżana żżanżan
U jien ma rnexxilix għall-kollox nagħlaq
Is-siparju.
Il-persjani tiegħek jibqgħu imbexxqa
Bħal magħluqin ’mma mhux għal kollox.
Bħal bieba ta’ trabokk li trid taħtafni.

Taf x’inħoss meta niġi lura minn għandek?
Inħossni bħal kexxun battal,
Bħal nixxiegħa li ma tnixxix
Inħossni bħal xjenzjat li jrid ifassal teorema
U ma jafx kif,
Inkella esploratur ifittex dinja ġdida.

Alfred Grech


01/12/2016