Friday, 16 December 2016



Għaliex Qed Tistedinni.

Għaliex qed tistedinni, biex nerġa’ nħares lura
Ja drijade ta’ dawn l-inħawi?
Erġajt ewwilla ħlomt bil fewġa’ tal-grigal?
Inkella b’qamar kwinta kollu mgħotti
Bit-tajjar?
Għidli Phoebe, għidli Atlanthea,
Jekk qattx rajtuh inemmes wara l-kwinti
Dal qamar mistħi wisq biex jerġa’ jqajjem
It-tqanqiliet tal-iskeletri?

Erġa’ newwaħ ġo widnewjja
Bħalma jnewwaħ il-grigal
Xħin jagħmel tiegħu ,biex nerġa’ ngħid li qed inħoss
It-tmellis tiegħek.

Erġa’ semmgħali dawk il-ħsejjes ta’ bil-lejl,
Biex forsi nikkonvinċi lili nnifsi
Li rġajt smajt leħnek.

Erġa’ newwilli
Bħalma tnewwel id-daqqiet ta’ ħarta
Kull meta sirt fidil u mbagħad bdejt nemmen
Biex ngħid li rġajt  sirt iż-żgħażugħ
U nagħmel bħalma jagħmel kien missierek.

U int, ja kewkba li tiddi meta trid,
Twieġeb meta jogħġbok,
Tgħidlix li qed inqanqal fik mill-ġdid
Xi ftit tal-għira.

Alfred Grech

16/12/2016

Thursday, 15 December 2016



Bla Żmien.

Li kieku tkun taf kellek il-ġejjieni,
L-imgħoddi qatt ma kien, ma jaf bih ħadd,
Il-ħin ma jfisser xejn għax m’hemmx il-bieraħ,
U lanqas għada: dan ma jasal qatt.

Li kieku kellek taf jien x’jiena naħseb,
U jiena nħares lejk, ma nistaqsix,
Bejnietna t-tnejn m’hemm xejn, m’hemm ebda ħabi,
U tkun taf kollox fuqi u ma nistħix:

Inkunu t-tnejn qiegħedin ġo ċirku ngħixu,
Bħal żewġ tewmin bla bidu w lanqas tmiem,
Il-ħin bużżieqa, biha t-tnejn nitlgħabu,
U bħalma lura tmur, hekk ’l-quddiem.

Alfred Grech

06/07/2012

Wednesday, 14 December 2016



104.

Għaliex qed tgħidli dan, Mara tal-Għeden,
Daqskieku kont qed ngħix il-ħolma tiegħek?
Projjettazzjoni ta’ li nisma’ u nara,
Vagun maqtugħ mill-bqija miexi b’lura.
Nixtieq li nasal s’hemm ‘mma qatt ma nasal,
U lanqas naf tassew fejn għandi nieqaf,
’Mma naf li għadni għaddej fuq il-binarji,
U naf li f’tarf il-vjaġġ int tistennieni.
Bħal video clip li rġajt dawwartu b’lura,
F’għajnejk it-tqanqiliet li kont nistenna,
Inqarr dik ix-xintill lit rid tiġbor
Il-frak mil-bogħod, il-frak ta’ kwiekeb mejta.

Alfred Grech

14/12/2016

Tuesday, 13 December 2016



Int Tibqa’ Timbuttani.

Int tibqa’ timbuttanti f’dawk l-inħawi
Fejn għadu ħadd ma mar, fejn ma rridx nasal,
Għalkemm int għadekx hawn irrid bħal ninsa’
Dawk l-ibħara li stajt fihom ninnaviga
Id f’id miegħek. Xħin tlaqt ridt illi kollox
Jerġa’ lura bħal ma kien u ż-żmien jieqaf.
U jista’ jkun ukoll li għamilt sewwa
Li ma smajtx minni. Norqod u nistembaħ
Bil-ħsieb li qatt ma nżilt fl-infern tad-dinja.
Int kont l-allat tisfida tal-quċċata,
Biex tixli dak li ħadd qatt ma ried jemmen,
U jista’ jkun l’għalik il-mewt mhix temma,
Għalik dik kienet skoll għal min se jegħereq,
Bħal min jisfida ’lmin hu aqwa minnu,
Jew jinbex lil min lanqas jaf jirrabja,
Bħal min iżomm miftuħ il-bieb ta’ daru
Bit-tama li l-ħalliel ma jdumx ma jasal.

Alfred Grech

13/12/2016

Monday, 12 December 2016




103.

M’hemm xejn xi jqarreb biex għad nasal għandek,
Hemm biss il-melodija ta’ bla ritmu,
Hemm biss ir-rima tfewwaħ li ħallejtli.
Kullħadd iġorr it-toqol ta’ l-għelt tiegħu,
Uġiħ is-skiet marsus fi bwiet imtaqqba.
U għahekk, kullħadd qed jgħolli l-barrikati,
Ħitan għoljin li saru trasparenti.
Għax tgħid! Illum erġajt għaddejt minn moħħi,
Emminni, lanqas naf  għandekx tkun ħdejja
Hemm blata tonda tgħalaq il-bieb tiegħek.
Inti  li qbadt u tlaqt għax kont xebbajtek,
Jiena li dawra mejt dort kemm il-darba,
Jiena li kont immiss is-sema b’idi,
Jiena, li hawn nittama l’għad xi daraba. . .

Alfred Grech

12/12/2016 

Saturday, 10 December 2016



102.

Il-lejla se nħallik tistenna’ l-qamar,
Bħal kewkba b’wiċċ imbikkem għax feruta;
Bħal dawl ikkunsagrat ta’ satellita,
Mis-sema wqajt u ntlift fis-skiet tal-lejla.
U jiena erġajt għal dak li mdorri nagħmel,
U jiena bqajt imdendel ma kull xifer.
Il-lejla l-qamar libes ir-raġġiera;
Il-lejla wiċċ il-baħar naqsu l-fidda,
Biex bqajt hawnhekk intenni litanija,
Bħal dagħjjsa solitarja nżomm f’wiċċ l-ilma.
M’hemm xejn fil-baħħ tad-dlam għajr kelb li jinbaħ
Għajr barbaġann li tilef is-sehem tiegħu
U lilek xlejt mal-ħoss tal-fewġa għaddejja,
Għax kelb li ma jinbaħx ma jafx lil sidu.

Alfred Grech


15/12/2016.

Friday, 9 December 2016



Carpe Diem.

Għaliex trid tgħix int fl-għada
Met’int qed tgħix illum,
Tibżax, għax għada jiġi
Malajr u mhux se jdum.

Għaliex tgħix fl-istennija,
Qed tgħix fl-oskurita’,
Għix issa u bla tintebaħ
Tkun tgħix l-eternita’.

Ukoll jekk għal jum wieħed
Fid-dlam tkun, mhux kuntent,
Mil wied tal-mewt trid tgħaddi
U tgħaddi wkoll bl-amment.

Ukoll jekk tħoss id-dwejjaq,
Ma tafx dawn minn fejn ġew,
Kun af li għada jiżbaħ
U jmirru minn fejn ġew.

Alfred Grech

09/12/2016