Monday, 16 January 2017



Ħalliha Tnixxi l-Poeżija.

Kull meta tiġi tgħidli ma nbaxxix
Il-barrikati jien inħallik hemmhekk biex tibqa’ mħawwla
Fit-trab li fih trabbejt.

Ħalliha tnixxi l-poeżija,
Bħalma tnixxi k-għajn tal-ilma ġieri,
Trid taħrab, ma tistax minn din it-tnalja
Mill-ħerqa li tintilef fit-twissija.
Għaliex iż-żmien li nuru rwieħna dgħajjfa
Issa għadda u mar,
Xħin nibda’ nħares fiss f’għajnejk
Minsubin hawnhekk biswit xulxin fuq dal-kafe’
Bħal twieqi għal ġol-abbissi tat-telfien,
Int tibda ssir il-mera tirrifletti
Il-mewġ seren u kwiet tal-infinit
Jirbombja ġewwa fija l-matra antika
Biex bejn in nifs ta’ sidrek tiela’ u nieżel
Tiskatta l-melodija intiwittiva
Ta’ x’tista’ tkun id-dinja ta’madwari
Mingħajr il-ħlewwa tiegħek.

Imbagħad tkun taf għaliex irrid inżomm il-bogħod
Inżomm il-ħabel ta’ Żefiru, ta’rwiefen maħrubin,
L-irwiefen tal-imħabba;
Bħal meta x-xita tħedded li se traxxax,
Bħall-arja xotta ta’ deżert li jikwi
L-irwejjeaħ ta dir-ruħ li għandha nixfa
Maqsuma u frammentata qiegħeda tfittex
Dik l-id li trid tiġborha.

Issa li l-lejl daħal il-ġew
Nistaqsi lili nnifsi u ngħid: Il-għala
Ma ngħollix ħarsti ‘l-fuq minn flok  ma nħares fiss f’għajnejk?
Għaliex kull meta nħares fiss f’għajnmejk, jien nara x-xefaq?

Alfred Grech.

16/01/2016

Sunday, 15 January 2017



Ejja Nidħlu f’dal-Villaġġ tar-Ruh.

Ejja nidħlu f’dal-villaġġ tar-ruħ
ta’ bla metru u ta’ bla rima,
fejn kollox desolat, mitluq fit-tidjiq tal-abbandun
ta’ min ma jista’ jsib xejn ġdid biex jinsa’ lilu nnifsu:
Fejn kollox u kullħadd hu rieqed fin-ngħas komdu tal-affluwenza.
Sakemm iqum jagħtih xi ħmar-il lejl
u jaħseb li b’hekk biss inkunu ngħixu,
fin-ngħas li sawwar dil-kuxxjenza
mill-palm ta’ jdejn min għandu l-elokwenza.
bl-istess udit imtenni ta’ kulljum fuq kull frekwenza.

F’dan il-pajżaġġ tar-ruh adoloxxenti
fejn qatt ma setgħet tikber, fejn kollox se jispiċċa
bl-istess nota, bi tnegħida,
fejn kollox hu l-istess, xejn ma jinbidel
fejn l-idejat jixjieħu wkoll u  xejn mhu ġdid u xejn ma jerġa’
jidħol il-ġew mill-passatur tal-inkoxxjenza.
Fejn kulħadd jaħseb l-hu aħjar minn kull ħadd ieħor,
iżda li fuq l-iskala lineari taż-żmien u tal-ispazju
qed jara l-għabex tiegħu fuq ix-xefaq
bħal dawk iż-żewġt ixjuħ fuq bank fil-misraħ
jisimgħu lil xulxn igorru u jgħixu fil-memorja.

U jiena nerġa’ ngħaddi ndur minn dawn it-toroq
viżitatur qadim tat-tifkiriet ta’ dawn it-toroq
ta’ dal-pajżaġġ fejn jirxuxtaw l-iħirsa
u jirrikorru l-ħsibijiet imsensla.

Alfred Grech

15/01/2017

Saturday, 14 January 2017



107.

U nerġa’ jien nistaqsi lili nnifsi,
Liem’hu dak ix-xitan li qed iġiegħelni
Nirreċta dal-kopjun xħin nasal għandek,
Xħin jien kont naf minn qabel fejn ser iwassal.
Minn meta ltqajna t-tnejn għall-ewwel darba.
Għax dal-kopjun ma kien qatt jgħodd għalina,
Imbagħad bl-iskuża antika tal-imħabba
Kont inti mgħaġġla wkoll li tidħol miegħi
F‘das-sotterran li minnu triq mhemmx lura.
Int bħali ma kontx taf min fejn ridt titlaq,
X’inhu l-effett ta’ qrara hekk spontanja,
Maqsuma bejn ħatejn, u bejn il-ħalel
U bħali kont qed tħoss il-ħabel jiġbed,
Mingħajr ma taf: il-ħabel tal-ingassa.

Alfred Grech.

15/01/201

Friday, 13 January 2017


Ħajjithom Hekk Għaddewha.


‘ Mma kif ma jintebħux
Li dan hu jasar ieħor
Filgħodu sveljarin
U ‘l-barra bħal ħaddieħor.

In-nies trid tmur għax xogħol
U taħli hekk ħajjitha
X’ser tagħmel lanqas taf
U tnin bil-mod saħħitha.

Qalulhom illi x-xogħol
Salmura jsir tal-ġisem,
Il-bpgħod minn dak li tħoss
Biex forsi tagħmel isem.

Ħajjithom ħlewha hekk
Fis-seħer tar-rutina
Ghax jaħsbu m’hemmx għalfejn
Għax saret din, duttrina.

Ħajjithom ħlewha hekk
Bla sens ta’ direzzjoni,
Għax b’kollox jaf l-Istat,
Tarax! bl-intuwizzjoni.

Mid-dar għax-xogħol, għad-dar,
Ħajjithom jekk għaddewha,
U jħarsu fil-passat
Ħajjithom kif hekk ħlewha?

U lanqas jindunaw
Li dan mhuwiex ħlief jasar,
U baqgħu ma ntebħux
U baqa’ ħadd ma basar.

Imbagħad xħin jirtiraw
Għalihom xi konkwista,
Quddiemhom hemm il-baħħ
U kollox sar bi żvista.

Alfred Grech
13/01/2017


Thursday, 12 January 2017



L-Isbaħ Barka.

U mqarr li għal waqt wieħed
Intbaħt li hawn qawsalla
F’idejk kull faxx imlewwen
U b’hekk sirt temmen f’Alla.

U mqarr li bħali tfittex
Is-sewwa fl-eżistenza
Mingħajr din ix-xintilla
Tkun tgħix fil-penitenza.

Jekk tonqos xi tqanqila
Tkun  fiergħa l-ħajja tagħna,
Jekk għad xi darba tmissek
Bl-imħabba trid tistgħana.

Għalhekk kull meta tiġi
U tħares fiss f’għajnejja,
Tintebaħ min jien f’daqqa
Malajr iżżomli jdejja.

Tintebaħ li f’waqt wieħed,
Is-siwi ta’ dil-ħajja
L-imħabba li titgħallem
Iżżid bla titlajja.

Imbagħad xħin jiena nitlaq,
Mall-kallu li jitrabba,
Tgħid: Sewwa dak li qalli,
Kien baqa’ biss l-imħabba.

Biex int li bħali tfittex
F’dil-ħajja x’inhu s-sewwa
Niżżilt il-barrikati
Biex tħalli tidħol ġewwa

Il-qawwa tal-imħabba,
Intbaħt li tħalli marka.
Imqarr xħin kollox spiċċa
Tkun niżlet l-isbaħ barka.

Alfred Grech

12/01/2017.

Wednesday, 11 January 2017




Ghamilna Żball it-Tnejn.

“Deep down we are all the same. We make the same mistakes and walk around with the same unanswered questions” Paulo Coelho – Adultery.

Għamilna żball it-tnejn
U ħadd ma jrid jammetti
Jien ħsibt li stajt kont int
Mingħajr daqq ta’ trumbetti.

Erġajna hawnhekk it-tnejn
Nistaqsu l-mistoqsija,
It-tnejn għamilna żball
U nġorru s-sens ta’ ħtija.

M’għandix jien lanqas bżonn
Li jkolli lilek ħdejja,
Kont hawn u tlaqtli l’hemm
Biex nerġa’ ngħidlek: Ejja!.

Mill-liema naħħa tlaqt?
Biex issa ġejt kontrija,
Xħin konna t-tnejn flimkien
Spiċċajna t-tnejn mgħobbija.

Alfred Grech

11/01/2017

Tuesday, 10 January 2017



106.

Int ja poeżija vera jew mistħajjla,
Tfesfisli ġo widnejja mbagħad titlaqni,
Xi minn daqqiet insir konfessur tiegħek,
Għidli jekk qattx iltqajt ma x’ieħor bħali?
Din mhix xi narrattiva li tifhimha,
Reċtar ta’ litanija bla sekwenza,
Xħin l-orizzont jitbiegħed aktar u aktar
Minn dak li ħsiebt, mis-sħab ta’ dawn l-inħawi,
Kull meta l-ħaġa ġdida ssir rutina.
Għidli, ja poeżija, jekk dan l-għana
Li qed ngħanni jien ux biss għalija
Għaliex jew ħadd mhu jagħti kasu nkella
Dak li jisimgħu għad irid jitwieled?
Għax il-profeta mhux magħrugff’pajjiżu.

Alfred Grech

10/01/2017