Thursday, 12 January 2017



L-Isbaħ Barka.

U mqarr li għal waqt wieħed
Intbaħt li hawn qawsalla
F’idejk kull faxx imlewwen
U b’hekk sirt temmen f’Alla.

U mqarr li bħali tfittex
Is-sewwa fl-eżistenza
Mingħajr din ix-xintilla
Tkun tgħix fil-penitenza.

Jekk tonqos xi tqanqila
Tkun  fiergħa l-ħajja tagħna,
Jekk għad xi darba tmissek
Bl-imħabba trid tistgħana.

Għalhekk kull meta tiġi
U tħares fiss f’għajnejja,
Tintebaħ min jien f’daqqa
Malajr iżżomli jdejja.

Tintebaħ li f’waqt wieħed,
Is-siwi ta’ dil-ħajja
L-imħabba li titgħallem
Iżżid bla titlajja.

Imbagħad xħin jiena nitlaq,
Mall-kallu li jitrabba,
Tgħid: Sewwa dak li qalli,
Kien baqa’ biss l-imħabba.

Biex int li bħali tfittex
F’dil-ħajja x’inhu s-sewwa
Niżżilt il-barrikati
Biex tħalli tidħol ġewwa

Il-qawwa tal-imħabba,
Intbaħt li tħalli marka.
Imqarr xħin kollox spiċċa
Tkun niżlet l-isbaħ barka.

Alfred Grech

12/01/2017.

No comments:

Post a Comment