Wednesday, 19 April 2017



It-Tama Tagħna Fik.

It-tama tagħna fik għax aħna ġwejjda;
Nieqsin mis-saħħa, wkoll neqsin mil-ħila,
Irridu nemmnu fik, għax l-aqwa wieħed
Li faqqas dan il-moħħ minn fuq it-tila.

Irridu nemmnu wkoll lilhinn mill-ħajja
Li trid tispiċċa hawn dil-freneżija,
Għax ma jistax ikun fix-xejn jispiċċa
Dal ħafna strobju, u tibqa’ l-mistoqsija.

Irridu nemmnu wkoll li hemm ħajj’oħra
X’imkien fejn isir ħaqq u ssir ġustizzja
Għax ma jistax ikun quddiem għajnejna
Titkompla u tittrrepeti dil-ħniżrija,

Ta min igawdi biss u min ibati
Ta min jitwieled prinċep jew jittallab
Ta’ min li jrid qed jagħmel u ħaddieħor
Mal ewwel żball li jagħmel hemm jissallab.

X’imkien dan il-miżien jiddaqqas f’sikktu
U minn f’did-dinja l-ħajja għex ħażina,
Irid x’imkien ipatti għal-għermilu
Bl-invers għal min dil-ħajja mhix ħanina.

Gfħax jekk għal-bniedem tfisser inġustizzja
Bl-istess miżien u kejl issir tpattija,
Inkella ma nifhmux is-sens tal-ħajja
U għaliex f’did-dinja hawn daqshekk tbatija.

Trid tkun tassew krudil u qalbek iebsa
Li ttina l-għerf u l-għodda tar-raġuni,
Imbagħad titlaqna hawnhekk bħal gladjaturi
Qalb bosta klieb feroċi u qalb l-iljuni.

U fl-aħħar kollox jidher illużżjoni,
Ma ġibna xejn, ma ħadna xejn xħin spiċċa
Dat-tejatrin assurd mingħajr il-prova,
U bqajna ma ntbaħniex xhini dil-biċċa.

Trid tkun tassew krudil u qalbek xierfa,
Biex tfjatna hawnhekk fid-dlam bla spjegazzjoni
B’dal-moħħ li jird xi darba jaf u jifhem
Għax bit-tbatija t-triq tas-salvazzjoni.

Biex fl-aħħarnett insibu l-preċipizzju,
Jekk għad naħarbu l-morsa tal-arena,
Nistaqsu x’ġejna nagħmlu hawn f’did-dinja
Jekk dan l-uġih jiswiex il-ftit tal-hena.

Alfred Grech

19/04/2017 

Tuesday, 18 April 2017



Għeden.

Hemmhekk irrid immur,
Hemmhekk fejn hemm iċ-ċpar,
Fejn lanqas tagħraf timxi,
Mank tagħżel lejl min-nhar.

Hemmhekk m’hemm liġijiet,
Fejn ma tkunx taf xi jmiss
Fejn lanqas biss trid tagħzel
Fejn kollox tista’ tmiss.

Hemmhekk immur jien ngħix,
Fejn lanqas m’hemm bnedmin,
U għalhekk m’hemmx argumenti
Fejn qatt ma jsir il-ħin.

Fejn hemm is-sħab opak
Fejn hemm il-qaddisin
Fejn mhemmx u lanqas biża’
Li jiiġi l-ħallelin.

Malajr issib l-imkien
Maġenb il-qaddisin
Fejn ma tkunx tista’  tagħżel
Bejn dak u dik u min.

Hemmhekk jien  nibni dar,
Ma tistaqsix ’l-min
Fejn lanqas ma trid tagħżel
Bejn tajjeb u ħażin.

Alfred Grech

18/04/2017

Saturday, 15 April 2017




Lil Kristu Rxoxt.

Għax jien ma rridx narak
Taħt din l-impostazzjoni,
Imsallab u migħlub
Quddiem l-inkwiżizzjoni.

Għax jien ma rridx narak
Imlibbes il-kuruna,
Inkella tagħmel ħaqq,
Imħallef fuq tribuna.

Irrid narak ribell
Li jaqleb l-istrutturi,
Ta’ kull mhu aċċettat
Ta’ dak li jġib l-unuri.

Tisdfida dak li taf
U l-ordni stabbilita,
Biex taqleb ta’ taħt fuq
Kull setgħa u l’hemm biswita.

Irrid narak qalb dawk,
L-għrrief li mhux magħrufa,
Mhux dawk li jippużaw
U l-libsa tkun mislufa.

Irrid narak bħal dawk
Li lanqas għandhom vuċi,
Li l-meżżi tax-xandir
Qatt mhu se tintroduċi.

Irrid narak qalb dawk
Li jħobbu bħali jsaqsu
U ħsiebhom mhux misluf
Kell meta d-dubbji jfaqqsu.

Irrid narak qalb dawk
Li m’għandhom xejn x’jitilfu
Li lanqas ħażnu xejn
U lanqas xejn x’jisilfu.

Fuq kollox tkun ma dawk
Li ħadd ma jagħti kashom
Ma jġorru magħhom xejn
U m’għandhom xejn taħt rashom.

U tkun tassew sultana,
U hekk kulħadd jistaqsi
Fejn hija din is-saltna
U ħadd ma jkun jaf daqsi

Alfred Grech.
15/04/2017


Friday, 14 April 2017



122.

F’dil-fewġa ta’dulur u dwejjaq vjola,
Infittxu nittradixxu lilna nfusna
Bi swat, tortura, dieqa u bi ħruxija,
Bid-demm itir u slaleb li jordmuna,
F’dan l-Għid ta’ qtil ta’ min mhux lanqas ħati
Sabiex il-ħaqq u l-liġi jagħmlu tagħhom
Sabiex il-kilba ntaffu, tat-tpattija,
Mingħajr tingiż mingħajr rimors u qalbna safja,
U ngħidu ħtija tagħna għax aħna sirna
Qaddejja tal-Istat, tas-setgħa lsira,
U nagħmlu nkini u nerġgħu rasna nbaxxu
Quddiem min alla pinġa lilu nnifsu,
Għax b’katapult sab ruħu fuq tribuna.

Alfred Grech.
Il Gimgha l-Kbira

14/04/2017

Wednesday, 12 April 2017



Bħax-Xemx li Ma Ssaħħanx.

Bħax-xemx li ma ssaħħanx il-wegħedi tiegħek. . .
Kemm il-ħolma ma tgħaddix
Bħal ferrovija minn ġol-mina,
Biex nerġa’ nqum nittama kull fil-għodu
B’dak kollu li kont tgħidli?

Biex nerġa’ nħossni ħati
Ta’ dak li ma naħtix,
Niddakkar mill-ġenn tiegħek
U għal ftit ħin inħossni f’sikkti.

Kemm il-ħolma ridt infaqqas
Bħal bajd tal-kukkudrill?
Jew bħal rigal li ridt nagħtik
Biex nurik kemm għadni nħobbok.

Id-dubbju l’hemm bejnietna,
Dan kollu fejn se nasal
Bħal sħaba fuq ix-xefaq
Il-wegħedi tiegħek. . .
U hemm għal fejn nixxabbat.
Kull darba li rrid nasal
Insib li hemm tarġa oħra.

Bħax-xemx li ma ssaħħanx il-wegħedi tiegħek. . .
Aħjar il-bard minnha.

Alfred Grech

12/04/2017

Monday, 10 April 2017



Is-Snin Għaddew

Is-snin għaddew kemm trid u qabżu l-velu,
U jien bqajt hawn niġġerra bla bandiera;
Il-velu li jurik lilhinn mix-xefaq
Għax bqajt ma sibtha qatt dik il-fruntiera.

U jien wasalt s’ hawnhekk, sa taref id-dinja,
Għax vista ma kellixd xħin ftaħt it-twieqi,
Ma kienx hemm la ħitan u lanqas xtabi
Xħin magħhom kont qed nimraħ qalb l-għelieqi.

Ma tmurx fejn trid; id-dinja saret tagħhom,
Hemm biss is-sotterran jekk trid tivvjaġġja,
U toroq fejn il-bini twil sas-sema,
U ġġorr il-piż u tibqa’ hawnhekk ġo gaġġa.

Jien xtaqtek kemm il-darba taqsam miegħi,
Il-beraħ, u mhux dak li tgħid l’ hu tiegħi.

Alfred Grech

10/04/2017




Fin-Nar Minn ta’ Dejjem,

Imbagħad tgħannaqni tiġi bit-tgħannieqa
Li għandha minn tad-dnub, tal-innoċenti,
Ta’ dar-ribell jisfida l-amar, inkella
Sabiex idduq xi ftit mill-ħlewwa
Tat-trasgressjoni.

Il-grazzja tiegħek issakkar il-moħħ
U titturmaneta l-ġisem fil-ħlewwa ta’ filgħodu
Fit-taħlit li ma jidhirx ta’ bejn taqliba u oħra
Ta’ bejn il-ħażen u l-ġjufija,
Fl-għarfien bla leħen u bla viżjoni
Li ma jtaqqalx ir-ruħ
Li huwa ħela.

Passjoni din li tixħtek fin-nar leqqien,
Fin-nar minn ta’ dejjem.

Alfred Grech
10/04/2017