Sunday, 7 May 2017



Issa Li Ġejt Tmellisli.

Issa li ġejt tmellisli bir-rix tal-ġwienaħ tiegħek
sirt naf li tiegħek mhix il-ħtija xħin ħassejt li qed titbighed minni,
bħal diwi mtenni li jintilef fil-widien inkella qalb l-għoljiet,
Muntanji glaċjali ta’ żmien fejn kollox qed jinħall u xejn ma jibqa’ kif kien qabel.
Tgħid kienu r-ragħad imxajtan jew sajjetti
tal-ħsejjes epokali, Parousia li tiġi kull tant mien
biex aħna ngħoddsu lkoll ġo dil-għadira tal-ilma mbierek?
Tgħid jiġri dan kull meta jirxuxtaw minn ġo qabarhom, l-iħirsa
tal-konswetudni mansa ta’ dal-ġens imxewwex
b’widnejħ ibbumbardjati bħal leit motif ta’ żmien il-kaċċa
jew bi xniegħat u qlajjiet ta’ skandli, ta’ tixħim, tbagħbis u gideb
u kull abbuiż li tista’ taħseb?

U ma kienx lanqas ħtija tiegħi li ma smajtekx
ja leħen imriegħex u mwerwer xħin tisma’ dad-dagħa kollu,
dal-ħafna ġdiem tal-ħsejjes  li jifqgħu t-tnabar tal-widnejn
u l-ħafna għajdut li jaħsad għax jgħidu li wasal
l-aħħar tal-aħħar.

U lanqas naħseb kienet ħtija tiegħek
għax kif stajt inti qatt tasal biex tinfed
il-barriera tal-ħsejjes u tinġiż vebali ieħor.
Inti ruħ trasfiguranti bħal velu li jagħtti u ma jgħattix
bħal żlieġa li tiġi u tmur u ma tiflaħx  għal ħafna skossi
ta’ min irid iqanqal ħafna rabbja.

Urini biss li għadek hemm u trid terġa’ tiġi
bħal dik it-tajra li ma nsietx min kien rabbiha.

Alfred Grech

07/05/2017   


Ejj’Għidli Fejn Wasalna.

Ejj’għidli fejn wasalna
id f’id fuq dan ix-xifer,
Ejj’għidli kid se nkomplu
mingħajr ma nxelfu difer.

Ejj’għidli kif wasalna,
biex dorna l-kantuniera,
imdawwra bis-seksieka
minn wara kull purtiers.

Ejj’għidli kif se nkomplu
infittxu soluzzjoni,
nimxuha din il-mixja
u naslu f’konklużżjoni.

Dil-fantastikazzjoni,
jew alluċinzzjoni,
bħal ħolm li ħlomt imqajjem
u s-saħna tal-passjoni.

Alfred Grech.
07-05-2017


Saturday, 6 May 2017




Jien Lanqas Naf Għalfejn.

Jien lanqas naf għalfejn
Ridt noħroġ ma dil-qtajja
Għax din x’tellieqa tkun
Issewwi biss l-irqajja?

Jien laqnas naf għalfejn
Ridt noħroġ din id-darba
Li naf minn fejn għaddejt
Bħal min se jaħrab ħarba.

Jien lanqas naf għalfejn
Riduni noħroġ magħhom
U bla ma naf għalfejn
Twikkejt bis-slaleb tagħhom.

Jien lanqas naf għalfejn
Dal ħafna teatrini
U x’jiġri xħin immur
Xi ħadd irid jurini.

Jien lanqas naf għalfejn
L-uġih u dil-passjoni,
B’dan kollu fejn wasalt?
Xhini dil purċissjoni?

Biex jaħkem il-poter,
Kullħadd irid jibbrilla,
Jissara daqs serduq
U jdaħħlek f’xi bixkilla.

Jien lanqas naf għalfejn
B’dan kollu fejn se mmorru,
Għax kollox tar mar-riħ
U n-nies kull kif se jgorru.

Qaluli dal-partit
U tara kif jaqbillek,
Għalaqhom dawk għajnejk
Ma jmurx qatt ifettillek.

Jien lanqas naf għalfejn
Trid tgħodd ma dawn il-listi
Għax ma jinbidel xejn
Għajr il-protagonisti.

Jien lanqas naf għalfejn
Riduni npħroġ magħhom
Mhu ħa jinbbidel xejn
Twikkejt bis-slaleb tyagħhom.

Alfred Grech

06/05/2017

Thursday, 4 May 2017




124.

Jien ma ridt qatt inkun fil-morsa tiegħek,
Profeta ta’ nofs kedda bla rewwieħa
Biex trewwaħ l-irjieħat tal-profezija
U tnajjar in-nirien tal-ġlied mistħajjel.
Dak kollu l’għamilt tajjeb bil-passjoni
Tistenna qatt li nagħmel xi miraklu
Ma ġrejtx warajk kull meta bdejt issejjaħ,
Għax għadni ma kontx lest għall-kolp tal-grazzja.
Imm’issa li sfidajtni u trid minn għandi
Nurik kemm inti stess ma tafx x’kont tagħmel,
U nperreċ ma kullħadd dnubietek sewda
Għax dan id-dramm qadim li taf tirreċta
Hu biss preludju żgħir sakemm tistaħba,
Imbagħad, imbagħad ma jisma’ bik ħadd aktar.

Alfred Grech

04/05/2017

Wednesday, 3 May 2017



L-Għanja tat-Tribu’

Ghedtuli nitla’ t-telgħa,
It-telgħa tal-kalvarju,
Nitgħallem dak li tafu
U nidħol ġdid fi djarkom..

Għedtuli nitla’ t-telgħa,
Nitgħallem litanija,
Fil-mixja gradwatorja
Li kienet ġdida għalija.

Malajr imtlejt bl-għerf tagħkom
Xħin għerf ġdid għallimtuni,
Biex issa wkoll għaddejthom
Fil-ħolm li ħallimtuni.

Biex issa xħin għaraftkom,
Sirt naf li xejn mhux veru,
M’intomx ħlief dell l-iħirsa,
Fid-dlam tad-dikasteru.

Biex issa li sirt nafkom,
Jien ma rrid xejn minn tagħkom,
Għax m’għandkom xejn mis-sewwa
U dak li ġġorru magħkom.

Ma rrid jien xejn minn tagħkom,
Ma tfissru xejn għalija
Duħħan ta’ simulakru
U xkora tal-mistħija.

Alfred Grech

03/05/2017

Tuesday, 2 May 2017




Jien Qed Infittex Ward.

Jien qed infittex ward li mhux tas-soltu
Aroma ġdida tidħol fi mnifsejja.
Hekk biss u b’dar-ritwal jien nista’ nemmen
Li nżomm il-bandla u l-ħajja tibqa’ għaddejja.

Dar-ritmi baxxi u qosra rallentanti,
Bil-friegħi taż-żebbuġ qalb ħafna slaleb.
Imbagħad int terġa’ tiġi titħassarni
U tneħħi minn fuq ħoġri l-pis li jagħaleb.

Għax għidli ftit kif qatt int tista tinsa’
L-aberrazzjonijiet ta’ triq qadima,
U kollox għal-darb’oħra jerġa’ lura
Ifittex skuża ġdida u mhux tagħlima.

Imbagħad ittenni terġa’ dak li għedtlek,
Għax issa sibt kliem ġdid bl-istess tifsira.
Dur lura ftit biex tara jekk hux bħali
Qed tara għalkemm il-vista’ ftit qasira.

Alfred Grech.
02/05/2017


Monday, 1 May 2017



Se Ndumu Nisimgħu?

Se ndumu nisimgħu
l-istejjer tal-ġenn,
li d-dinja se tieqaf,
kulħadd għall-infern?

Se ndumu nisimgħu
dal-ħafna qlajjiet,
ta’ min m’għandux x’jagħmel?
U din min fejun ġiet?

Se ndumu nisimgħu
nofs gideb, qlajjiet,
xi biċċa mis-sewwa,
u l-għeġubijiet?

Ta’ din is-sibilla
li tikxef l-għawar
u troxx fuq għajnejna
u timlihom bil-bżar?

U tbella’ lill-bċieċen
bil-faħam miblul
u tislet mibgheda
fost poplu mifxul?

Lil dawk is-seksieka
li jħobbu jinsew
it-travu f’għajnejhom
u b’dak li tgħabbew.

lil dawk is-seksieka
li jħobbu jaraw
il-ħsara f’ħaddieħor
jew biex jispjunaw.

Se ndumu nisimgħu
kif tkun kundannat
mis-saħta tal-folla
u dik tal-allat?

Se ndumu nisimgħu
dan-nofs verita’
u dal-ħafna qlajja
mingħajr karita’?

Se ndumu ‘l-dal-poplu
-għax hekk dejjem kien-
nasbuh li hu iblaħ
u bih jgħaddu ż-żmien?

Jew jieqaf u jaħseb,
għal-darba, darbtejn,
dal-ġlied u dil-firda,
dan kollu għalfejn?

U dal ħafna gwerer
dal-ħafna konflitt
min sejjer igawdi
sa fl-aħħar bi dritt?

Għalfejn hawn min jikxef
bil-lejl u bin-nhar,
misteri u sigrieti,
li kien u li sar?

Żgur mhux biex il-poplu
aħjar milli kien
isib ruħu isħaħ
U jgawwdi fiż-żmien.

Alfred Grech
01/05/2015.