Monday, 12 June 2017



Is-Sejjħa.


Dik l-għajjta minn ġol-ġungla hemm se tibqa’
Għalkemm ma tinstemax,
Is-sejjħa tal-abbiss.
Il-qabża li rrid nagħmnel
Fid-dlam tal-lejl, fil-kaos tiegħek.
Sibilla tad-duħħan efimerali,
Bil-ħarsa biss t’għajnek int taf tgħallini
U taf tjassarni.

Is-sejjħa minn ġod-dlam hemm għada tidwi
U jiena nħossni dgħajjef biex nifqilha
Bħas-sejħa tas-sireni ġġorni magħha
Mingħajr ma naf fejn sejjer.
Sejjer fid-dlam tal-ossessjoni
Imbagħad la toqgħodux sebajkom tippuntawli
Għax jien ninġarr mal-ħamla
U dak il-ħars t’għajnejk.

Int għandek ġewwa fik in-nar ta’ dejjem
In-nar divin
U lili qed jaħraqli imqar lil ruħi.

Alfred Grech
12/06/2017

Saturday, 10 June 2017



Qisek Ruħ Mimlija B’Għira.

Qisek ruħ mimlija bl-għira,
Ma tridx taf, ma taranix,
U ma tridx tirrispondini
U sirt qisek ma tafnix.

Qisek dell li tlaqt għal-dejjem,
Jew il-ħsieb li ma tħabbarx,
Bħal idea l’issa nsejtha
L’issa żgur ma niftakarx.

Inti taf li niġi nfittxek
Fejn ħaddieħor ma jsibekx,
Fuq ix-xefaq ta’ dil-lejla
Ħalli ngħid li ma nafekx.

Jekk tixgħelli t-tama tiegħi
Bħalma tixgħel xi musbieħ,
U tħallini nimxi l-mixja
Hekk jien miexi kontra r-riħ.

Jekk tħallini nimxi l-mixja
Minn mogħodija fuq il-blat,
Tiskanatx jekk terġa’ ssibni
Fuq il-għolja tal-allat.

Jekk turini f’din id-dinja
Ta’ nuqqas u ta’ dnubiet,
Nibda ntir fuq il-mibgħeda
U l-ferment ta’ ġol-ibliet.

Qisni kewkba li bdiet tiddi,
Ħlief iddawwal din ma tafx,
Tibda tixgħel u tibbrilla
Tibda mbagħad biex ma tagħrafx.

Alfred Grech


09/06/2017


Għalkemm il-Darba Dorna Bħal Żugraga.


Għalkemm il-darba dorna bħal żugraga
Id-dawra ta’ dal-ġnien għad-dell tas-siġar
Id-dawra ta’ teatru grieg fejn inpaċpċu
Inkella nirreċ’taw bħal kull f’ traġedja
Bħal skola ta’ studenti f’passiġġata.

Għalkemm il-darba smajtha dit-tnehida
Ta fommok jaħli l-meraq taċ-ċirasa
Qanqiena li tfakkarni x’kelli nagħmel
Akkumpanjat bl-orkestra tal-għasafar.

Għalkemm il-darba ġejna ħawnhekk nitnikkru
U kemm il-darba hawnhekk għad nerġgħu niġu.
Nistaqsu jekk nafekx kif int taf lili
U nħossu li t-tweġiba t-tnejn tajnieha

Biex nerġgħu niġu hawn u nirrepetu
l-istess tidwira.

Alfred Grech

10/06/2017

Saturday, 3 June 2017



.

Għax hekk hi l-poeżija
M’għandhiex fuq min tistrieħ
U lanqas għandha leħen
Li j’thiha ftit tal-ġieħ.

Awturi mhux magħrufa
Dak kliemha ġej mill-bogħod
Fil-baħħ tad-diwi tagħha
Jirtogħod, jirtgħod, jirtogħod.

Nifisha hu tjubija
Għalkemm turment ir-ruħ
Fi klima ta’ passjoni
Qalb ġnien ta’ ward ifuħ

Ma ssibx min iperriċha
Għaliha m’hemmx il-qliegħ
Fuq karta mqatta mħażża
Tirtema’, ttir ma riħ.

Bħal-għanja li tintilef
Bla ma jismagħha ħadd,
Bħal ruħ l-imħabba titlob,
Bħal dejn li jrid jintradd.

Poeti fqar mitlufa
Ixandru li trid tgħid
Stħajjiltni wieħed minnhom
Sirt vittma ta’ li ngħid.

U għaliex jien wieħed minnhom
Għannej tal-verita’,
Tgħannieqa u bews mqanqla
Sinċier fil-karita’.

Poeti zgħar minsija,
Il-ġesti tagħna żgħar
’Mma kbira l-fidi tagħna
Fil-ħlewwa u kemm fl-imrar.

Alfred Grech
03/06/2017


Friday, 2 June 2017



U Issa Li Minn Fuqna.
U issa li minn fuqna għaddiet dil mewġa
ta’ nugrufun, tinġis u riħa soffokanti
it-tnehida li toħroġ minn fomna mihijiex għajr
sospir ir-ruħu mifluġa
li sfat il-vittma tar-rambaġġ, fejn lanqas tieħu nifs ma settgħet
il-poeżija.
Issa li fuqna reġgħet waqgħet is-sirda ta’ filgħaxija
in-nida tissenjala l-miġja ta’ sajf ieħor
noqgħodu ftit għal kwiet f’dil kantuniera
biex nagħżlu sewwasew x’irridu
u naħsbu u nitħassbu fuq dak kollu li għedna u li għamilna
sabiex naraw jiġix xi raġġ selvaġġ li jitxuxtana.
Jien lest li kollox naħfer
u ninsa li hemm intom takkużawni.
ninsa u naħfer.

Alfred Grech

02/06/2017



Aħjar Imxejt Fit-Tul.

Aħjar imxejt fit-tul, biex nagħmel xi ħbieb ġodda
U lanqas noqgħod hawn, bħal moribond fis-sodda.
Hekk nagħmel ħafna ħbieb, aħjar mis-seminarju,
Nistudja bħal qassis bla nitlef il-binarju.
Mhux nara ħafna nies u kollha b’fehma waħda,
U ’mnalla li tgħallimt tal-wegħeda nsib iċ-ċaħda.
U jidħlu u bla ma taf minn ħajjtek saru biċċa,
U rajt kif fehmthom qsamt, bla taf fejn ser tispiċċa.
U jirrabjaw għalik jekk int ma tagħmilx bħalhom,
U jħarsu bl-ikraħ lejk mal-bewsa li titfagħlhom.
U jirrabjaw għalik jekk int ma taqbilx magħhom
U jħarsu bl-ikraħ lejk ’kk ma tkunx in-naħħa tagħhom
Kulħadd bħal donnu jaf kif jgaħallem lil ħaddieħor
U baqa’ ma tgħallimx kif jista jgħin lill ieħor.

Alfred Grech

02/06/2017

Thursday, 1 June 2017



Ieqaf Hemm.

Ieqaf hemm u ’l-quddiem tħarisx aktar,
Fuq din l-għolja li fuqha ’ssa tlaqjt.
Ieqaf hemm u ’l-quddiem tħarisx aktar,
Għax fejn kont int sibt ruħek erġajt.

Dan terren ta’ tħarbit u ta’ ħofor,
Fejn trid temmen u tħalli warajtk,
Kull tagħlim kull sistema kull drawwa,
Għax fid-dlam ta’ daċ-ċpar dħalt minn rajk.

U tistaqsi jekk hix din il-logħoba,
U tistaqsi tassew x’inhu l-għan,
U tistaqsi jekk fl-aħħar mill-aħħar
Hemmx xi ħsieb jew hux kollox bla pjan

Alfred Grech

01/06/2017