Thursday, 22 June 2017



Is-Sejba tas-Seklu.

Imqar li kienet mod ieħor minn kif ħsibtha
milli nqgħod infittex f’wiċċ kull mara
il-wiċċ efimeru tiegħek.
u jisbaħ għada u ngħid li rrid nibda ngħix mill-ġdid
għax din mhix ħajja;
Li ndur ma kull xaqliba għax il ġenb l-ieħor
tkun tara aħjar aħjar minn din in-naħħa;
Il-ferħ li nissorprendi lili nnifsi
u nibda nmmen l-hemm mod ieħor kif tista’ tgħix;
li nkun naf li hemm ninfa li tista’ tbiddel kollox.
Din hi s-sejba tas-seklu, is-sejjħa ta’ xewqati.

Alfred Grech

11/06/2017

Sunday, 18 June 2017





Le Ma Rridx Immur f’Dawk il-Praterji.

Le ma rridx immur f’dawk il-prateriji riżervati
ta’ min ifitexx qiegħed il-kwiekeb f’lejl ta’ qamar kwinta,
fir-ripetizzjoni ta’ mogħodiet li fejnkont nintilef,
li minnhom kont għaddejt għal kemm il-darba
li minnhom jgħaddu biss il-bhejjem tax-xogħol
fejn kont nitfixkel  fil-ħofor, fit-tumbati
u mnalla kont insib il-ħuxlief li jikber mal-ħitan tas-sejjieħ


Le rrid noqgħod hawn, għax issa rrid intenni
imitazzjoni tal-għanja li daqqitli ta’ kittieb li naf kif jaħseb,
ta’ xbieha li rajt fi kwadru ta’ pittur li lanqas nafu.

Irrid li noqgħod hawn ħa nisma’ ż-żaqżieqa tal-kanċelli
qed jingħalqu u t-tisbita tal-persjana kull meta trid turini
li hemm int tissindakani.

Irrid li noqgħod hawn ħa nisma’ tal-iriwefen daħqa muta
inkella tar-riħ ġwejjed it-tnehida
fis-skiet ta’ dal-waqtiet jitolbu skuża
lil kull min mhuwiex lest illi jiffoka
fil-waqt tal-issa.

Hekk nibqa’ ngħix għal-dejjem

Alfred Grech

18/06/2017

Friday, 16 June 2017




Tassew Li Ridt Niltaqgħu?

Tassew li ridt niltaqgħu,
Nitilgħu fuq il-bejt biex ngħoddu l-kwiekeb?
Xħin kont nirranka għalik int reġa’ bdielek.
Biddilt u għalik ilbist misteri ġodda.
Xħin kont insuq fit-triq
Tfixkilt fil-ħsieb ta’ moħħi.
Int bqajt tweġiba għalija li tistenbaħ
Kull filgħodu,
Man-nifs taż-żiffa ġġor it-toqol tagħha
Fil-ġuf ta’ lejl li għadu qatt ma twieled
U tnaqqax fil-penombra tad-dell tiegħi
Ix-xbieha tiegħek.
Int bħal bebbuxu,
Erġajt dħalt ġo qoxortok
Biex qatt ma terġa’ toħroġ.
Tagħtini x’naħseb li kienet biss  ta’ darba
U għaliex il-le mhux minn qaddisek.
Ma tkunx kollok kemm int xħin trabbi l-ġwienaħ
Għalhekk ma togħola qatt ’l-fuq
Jew jekk ittir malajr trid terġa’ lura.
Imbagħad staqsejt ukoll hix dit-triq
Li trid twassalna sas-santwarju.

Alfred Grerch

16/06/2017 

Thursday, 15 June 2017





Qed Ngħixu s-Skiet.

Qed ngħixu s-skiet tal-wied imdawwar b’xefaq,
Ta’ ħondoq b’għatu sħab mid-dawl imdellel.
Imdawwar dawra mejt gwarniċ il-ħajja,
Li jwaqqaf il-bogħod minnu l-ħars tal-bqija.

Ix-xefaq dawra mejt iżid jistieden
Il-ftuħ ta’ kuriduri u ta’ fruntieri,
Lilhinn minn dan il-blat tal-oċeani
U hemm ukoll fil-baħar għana msikket
Li tul dawn il- miljuni ta’ snin wasal
Fuq wiċċ il-blat imxier bil-kliem tiegħu
U hemm ser jibqa’ żmien bi żmien itambar
Fis-skiet taż-żmien għal dejjem sa minn dejjem

Alfred Grech

31/01/2012

Wednesday, 14 June 2017




Għax Trid Tippossjedini?

Għax trid tippossjedini?
Għax lili ma tafdax,
Għax taf li jien ninbidel
U ntenni ma nerġgħax.

Għax taħseb l’għad nitilqek
U lura ma nerġgħax?
Għax int ukoll tinbidel,
L-istess int ma tibqax.

U bħali bdejt int tibża’
Mill-bidla ta’ li fors
Isseħħ f’kullħadd u fina
Bl-uġieħ u bir-rimors.

Mhux miegħi trid tiggranfa
Mingħajr ma taf għalfej’,
Il-ġdid fiħ il-misteru
U l-biża’ ta’ li ġej.

Alfred Grech

14/06/2017



Din Hija Biss Mogħodija Tturmentata.

Din hija biss mogħodija tturmentata
It-triq li għad twassalni trid għal għandek,
Li tgħaddi minn ġol ħofor u t-tumbati,
U ssib li mqar f’għajnejk għamlulek l’ għamad,
Trid toqgħod tmiss b’idejk minn kull fejn tgħaddi
Fid-dlam etern ta’ ruħ li liha nfisha
Tfittex bla taf fil-baħħ tas-sabar tagħha.

Dan huwa vjaġġ perikoluz li nterraq
Li minnu għaddejt id f’id għal kemm il-darba,
Li miegħek, iżda nibża’, ma rridx niżloq,
Irrid, ma rridx u  rrid ma nafx x’se nagħmel.
Nitolbok tersaq ‘l-hawn u żżommli jdejja,
Nitolbok togħbodnix jekk għad jibdielek
Inkella jekk issib li qed ninbidel.

Alfred Grech


14/06/2017

Tuesday, 13 June 2017




Issa li Għadda ż-Żmien.

Issa li għadda ż-żmien li tkun fatali
Tiżżejjen kemm tiżżejjen terġa’ taqa’
Fil-bir tal-inkuxxjenza primordjali
Fil-bir tal-imnikktin li għerqu f’demmhom.

Issa li għadda ż-żmien u bħal sultana
Kont tgħaddi minn quddiemi bla ma ssellem
U tgħid ma baqa’ ħadd jaħsibha bħali
Tilliska d-dud tal-baħar fis-sunnara.

Issa li għadda ż-żmien u xena nbidlet
U taf għal kemm il-tul dal-ħabel jasal
Għax din hi xafra taqta’ minn kull naħħa
Biex iktar ma ż-żmien jgħaddi s-senna tilfet.

Alfred Grech.
13/06/2017