Thursday, 13 July 2017



U Jien Kont Lest Li Naqra.

U jien kont lest li naqra fil-ġrieħi ta’ ruħek
Il-biża’ tagħna t-tnejn
Minkejja t-tbissim tagħna.
U mxeja mal-kurrent sa tarf ix-xifer
Mingħajr ma qatt ħarisna lura.
Iżda llum m’għadx hemm is-sottiljezzi
U dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmluni
Mhux bħal bqija.
Imbagħad nibdew nistaqsu lilna nfusna
Dan kollu fejn se jwassal
Jekk aħna nbidlna u lanqas għadna
Ningħarfu minn kif konna.
Inti bdilt lili
Jien bdilt lilek.
Iżda, qabel ma ninfirdu ridt nistaqsi:
Għaliex il-ħolm li ħlomt ma kienx bħal tiegħi?

Alfred Grech
13/07/2017


Wednesday, 12 July 2017







Kollox Lellux

Kollox lellux li ma jlellilx
Imxellel fis sliem li ma jsellimx
Maqsum fi tnejn u ma jaqax
Ma nafx fejn nerġa’ nista’ nsibek.
Ja sirena li ma tgħannix
U ma tgħaddix minn dawn l-inħawi,
Tiela’ u nieżla ma mewġ imewweġ
Ma xtut li ma jidhrux,
Kien hemm żmien li kont titfaċċa
Bla ma jistiednek ħadd.
U f’nofs ta’ nhar ta’ jum ta’lulju
Wiċċek jitfaċċa ma kull ipotesi
Imżewewaq mal-urieżaq muti
Li jsajjru l-għeneb li ma jxenxilx,
Sibilla tħares lejja
B’idejha marbutin
U bi tbissima fuq xofftejja.

Jien nibqa’ hawnhekk qed nistenniek
Taħt din id-dielja li taf il-ġrajja tagħna.
Inperreċ ruħi f’dal-kliem
B’hekk biss inħossni qed nistagħna.

Alfred Grech
12/06/2017


Tuesday, 11 July 2017



Das-Sajf.

Int għedtli: ejja ħdejja u jien nittrasformak.
U sirna bħal ġelat jinħall fid-dawl tax-xemx
U sirna bħal bramniet iwerwru xatt il-baħar.
Fix-xemx ta’ lulju tisreġ l-iġsmna tagħna
Saru bħal noti plasmati
Fuq partitura mdewwba tifrex pawsi ħorox
Bejn nifs u ieħor.
L-iġsma tagħna bħal strumenti
Jdoqqu sinfonija
Li ġġiegħelek taħseb sew u tħobb għal dejjem.
Is-sajf iġiegħlni mmiss is-sema b’idi
U naqbeż ngħum fil-baħar ta’ bla truf,
Fejn hemm ibejjtu l-gawwi tat-tifkira
U hemm fejn tista’ tmur tistaħba r-ruħ.
Das-sjaf li donnu għadu qatt ma beda
Li jgiegħelni nibda nferrex
Il-karfa, l-weraq niexef u l-petali ta’ ward il-fantasija
Biex nerġa’ nikkonvinċi lili nnifsi
Li ninħtieġ l-akrobazija.

Alfred Grech

11/07/2017

Sunday, 9 July 2017



Taħbit l-Eternita
(B’apoloġija lil Tarcisio Zarb l-awtur tal poeżija li tibda
hekk: “F’dix-xemx kariga ta’ din is-siegħa. . “).

F’dix-xemx tikkarga l-qilla
tat-tiben irrumblat,
tfajliet jistiedni ħarsa
minxura fuq il blat.

Nistkennu mix-xemx tisreġ
taħt l-oqsfa tar-razzett
tan-nies antiku tagħna
għad-dell tal-parapett.

Kif aħna stupefatti
fl-ispazji miżgħudin
bil-ġmiel tas-sardinelli
u l-ħemda ta’ kull ħin.

Il-weraq li jitniegħed
u jolfoq bħal miblugħ
hekk kif dix-xemx oranġjo
fil-flieli wkoll ruh.

Tqaxxarna minn ħajjitna,
għax ngħixu f’dal-wesgħat,
biex niżru mal-iwrieżaq
ta’ firmament stampat,

U taħt dal-mistiċiżmu
poeta, fqir, plebew,
itenni skuntentizza
mal-ħlejjaq li għaddew.

Perennement tismagħha
it-talba tal-ġirien,
tiżżerżaq mal-imwieżeb
mas-shana tan-nirien.

Bla tarf l-irħula tagħna
u bħalhom fl-umdita’
tal-bjar fir-raba tagħna,
taħbit l-eternita.

Alfred Grech

09/07/2017 

Saturday, 8 July 2017



Ikun Diżasru.

Ikun diżastru kbir tassew jekk niġi
mingħajr ma jkolli lesta poeżija.
Għax jiġi li nkun dħalt fil maqdes għeri
mingħajr ma nkun ġarrejt l-offerta miegħi,
u ġejt ngħannilek għanja u nerġa’ lura
u ġejt nistħajjlek qiegħda fid-dar tiegħi.
Għax jiena u int irridu nuru kollox
u nibqgħu nuru kollox dak li jidher,
u x’hemm minn wara l-kwinti qatt ma tara,
sakemm it-tmiem għad jasal, jasal l-aħħar.
U b’hekk ma nintebħux li xejn ma nbidel
u nibqgħu nuru kollox bħalma jidher,
sabiex mingħoġbu wkoll fid-dlam tal-massa,
u hekk nistħajjlu kollox baqa’ miexi
fis-sliem u s-skiet u x-xejn ta’ dejjem.

Xi minn daqqiet ma nafx kif se nfissirlek,
u forsi aħjar hekk.

Alfred Grech

0870772017

Monday, 3 July 2017




Jien Niġi Kull F’l-Għaxija.

Jien niġi full f’l-għaxija qalb id-dlam ta’ wara l-bjut,
biex nara jekk noqrobx xi ftit u nsib id-differenza ta’ bejnietna.
Min jaf jekk teżistix? Min jaf hemmx oħra bħalek?
Kull filgħaxija ngħaddi minn dat-toroq li jrossu wara t-twieqi u l-antiporti
d-dlamijiet li fihom naħbu
dak kollu li jgħoddx matul il-jum
u ma jingħadx fid-dawl tax-xemx.
Kull filgħaxija ninża’ l-qoxra li taqdini tul il-jum
u nindiehes mal fewġiet is-serħ li tmewwitli kull indiema.
Kull filgħaxija nintasab ngħarrex bħalma jgħarrex is-sajjied
għall-xi kewkba li trid taqa’,
imm’inti mhux lakemm tintlemaħ.
Kull filgħaxija naħseb li wasalt fejn kelli nasal. Iżda nsib
illi dħalt fi wieħed mis-sqaqien ta’ wara l-kantuniera.
Jien ħlomt li ġejt niltaqa’ miegħek ja ruħ li taf tfarraġni,
fit-taħlita ħsibijiet u konġetturi.
Għalhekk it-tnejn irridu naqsmu ħajjitna ma xulxin
għaliex ma kienx hemm għazliet oħra x’nistgħu nagħżlu
għajr illi t-tnejn noqgħodu nħarsu ġewwa l-mera.
U jekk ma tkunx tassew, aktarx noħolqok jiena.

Alfred Grech
03/07/2017


  

Sunday, 2 July 2017



X’Għandek Aħjar Minnhom­?

X’għandek aħjar minnhom biex titkaża,
Imwaħħal mal-ikoni u mal-graffiti,
Tal-poeżija ssuq l-aljenazzjoni?
Naqx u xbihat li taħseb l’hemm fis-sema,
U tmil quddiemhom biex tagħtihom qima,
Is-simboli jnagħsuk, alluċinanti.
U x’tagħmel int jekk mhux qed tagħmel bħalhom?
Tagħhom fid-dieher, u tiegħek tafal moħmi.
Għax huma mgħallma hekk u hekk biss jafu
Iżd’inti tlajtha t-Tabor tas-sorpriżi,
Tad-dehen u tal-għarfien, ta’ żmien il-qirda,
U dħalt fil-maqdes fejn isseħħ il-bidla
U kont ix-xhud tat-trasfigurazzjoni.

Alfred Grech.
Ta’ Pinu 02/07/2017