Monday, 14 August 2017




Għabex.

Qalb ir-riħa tas-sagħtar jasal l-għabex,
Imbewes  minn tal-lbiċ iż-żiffa tmewweġ,
Minn fuq il-baħar ħiemed ta’ jum sajfi.
Ħawnhekk fuq dil-quċċata jasal l-aħħar
Fit-trasfigurazzjoni tissenjala
It-tmiem tal-jum; il-ħawt tal-eżistenza.
Din l-at li naf, u din ir-ruħ li tnewwaħ
Li fiha mort nistrieħ fis-skiet tal-ħajja;
Hemmhekk fejn hemm il-baħħ u hemm il-ħemda
Tat-tmiem ta’ din id-dinja kif nafuha;
Viżjoni surreali fejn qed jidhru
Id-dellijiet u l-ħsejjes ta’ lejl mieles.
Hawnhekk fejn jien nintebah u nistordi
Kull meta għal rasi jitla’ l-ħsieb imfissed
Tal-Jien. Hemm min irid jitwekka bija
Bħal meta jien nitwekka b’ta’ħaddieħor
Il-mistoqsija.

Alfred Grech

12/08/2017

Friday, 11 August 2017



Poesia.
E non facevo caso di quello che pensavo
scrivendo solo quello
che mi veniva in mente.
Volevo divertirmi dicendo solo quello
che mi sentivo dire.

Era soltanto un gioco da ragazzi
andando alla deriva e cantavo
secondo I miei capricci
e non volevo essere annunziato
prima di essere accettato.
E non sapevo che
anche questa si chiamava poesia.

Alfred Grech
11-08-2017




Missjoni/Vokazzjoni.

Għax aħna qiegħdin hawn
Biex nikkumbattu x-xjaten,
Inserrħu lill erwieħ
U ngħixu qisna slaten.

Għax aħna qiegħdin hawn
Biex naqdu dil-missjoni,
Imbagħad issir poter
Li jkun it-tentazzjoni.

L-oħrajn qed jixxalaw
Fill-qawwa jew fis-setgħa
Kull wieħed jgħid li hu
Qaddej. Dan Kif? U meta?

Alfred Grech

11/08/2017

Thursday, 10 August 2017



Qed Tisma’

Qed tisma’ l-krib ta’ ruħi
Jekk tisma’ l-għanja tiegħi,
Qed tisma’ talba fqira
Għal dawk li jishru miegħi.

Ma tridx min ixandarha,
U lanqas ma trid spazju,
Biex timraħ u tiġġerra
Missiva ta’ bla dazju.

Biex tidwi u tkun sinċiera
Mingħajr id-daqq tat-trombi,
Mingħajr il-ħafna frilli,
Mingħajr sparar ta’ bombi.

Mhemmx bżonn min iperriċha
Jew joqgħod ifakkarha,
jonfoħa bħal biżżieqa
Jew joqgħod ifaħħarha.

Jekk tħares fiss f’għajnejja
qed taqra l-fond ta’ qalbi,
Qed tmiss is-sema b’idek
Fejn jitla’ jrid għad talbi.

Alfred Grech
10/08/2017


Wednesday, 9 August 2017




XXVII.

Jekk lil-Mulej nagħmillu għandi talba,
Tkun dik li darba għad jista’ lili jfejjaw;
Bħal meta x-xita tieqaf wara ħalba,
Bis-sliem u l-ħemda Tiegħu lili jrejjaq.

Għalkemm ma jidher xejn, hi marda twila,
Ta’ taqlibiet, tbandil minn-naħħa għall-oħra;
Daqqiet ngħaddiha sbrixx, oħrajn bi tqila,
Imdejjaq, jew ferħan imqar xort’oħra.

Li kieku għada nqum, dal-ħotob kollha,
Li biċċa ħloqthom jien jew ġew weħidhom,
Jitilqu minn quddiemi, il-bogħod mill-folla,
Bi kwieti jien nixtarr bla ma nisħithom.

Imbagħad daqs tal-verdun tkun l-għanja tiegħi,
Il-bogħod immur intir u nieħdok miegħi.

Alfred Grech

30/11/2011 

Tuesday, 8 August 2017



Adele 2

Ed anche se non fossi stata
Avrei dovuto crederti
Inventare un altro alibi
Per chiederti un favore.

Anche se non fossi stata
Avrei potuto sognarti
Nel piu’ bel sogno ci sei solamete tu
Semprte tu.

Alfred Grech

08/08/2017

Monday, 7 August 2017




Imlejtu Kull Fejn Sibtu.

Imlejtu kull fejn sibtu
Biex ma ħalljtu xejn
Fejn wieħed jista’ jimraħ
Mingħajr ma jara krejn.

Imlejtu l-bajjiet kollha
Bil-bini u t-tisqif,
Bil-griebeġ, barumbari
Tajbin biss għat tiġrif.

Ħarbattu l-plajja kollha,
Bil-mostri ta’ disinn,
U sraqtu wkoll kull xtajta
Biex ħadd ma jmur lil hinn.

Fix-xitwa ċimiterju
Bnejtuhom għall-ftit xhur
Tas-sajf li jiġi u jgħaddi
‘L-hemm ħadd ma jerġa’ jmur.

Jekk għandkom fejn toqgħodu
M’hawn ħadd li hu bla dar
Fi djarkom sbieħ lussużi,
Għalfejn dal-gallinar.

Ħarbattu kull fejn sibtu
Fejn wieħed seta’ jdur
Rewwaħtu qiskom l-għomja
Lis-suq li beda jfur.

Hu dan tort tas-suq ħieles,
Nuqqas tal-ippjanar,
Jew għax żvilupp ifisser
Mit-taġen għall-ġon-nar?

Alfred Grech
07/08/2017