Monday, 7 August 2017




Imlejtu Kull Fejn Sibtu.

Imlejtu kull fejn sibtu
Biex ma ħalljtu xejn
Fejn wieħed jista’ jimraħ
Mingħajr ma jara krejn.

Imlejtu l-bajjiet kollha
Bil-bini u t-tisqif,
Bil-griebeġ, barumbari
Tajbin biss għat tiġrif.

Ħarbattu l-plajja kollha,
Bil-mostri ta’ disinn,
U sraqtu wkoll kull xtajta
Biex ħadd ma jmur lil hinn.

Fix-xitwa ċimiterju
Bnejtuhom għall-ftit xhur
Tas-sajf li jiġi u jgħaddi
‘L-hemm ħadd ma jerġa’ jmur.

Jekk għandkom fejn toqgħodu
M’hawn ħadd li hu bla dar
Fi djarkom sbieħ lussużi,
Għalfejn dal-gallinar.

Ħarbattu kull fejn sibtu
Fejn wieħed seta’ jdur
Rewwaħtu qiskom l-għomja
Lis-suq li beda jfur.

Hu dan tort tas-suq ħieles,
Nuqqas tal-ippjanar,
Jew għax żvilupp ifisser
Mit-taġen għall-ġon-nar?

Alfred Grech
07/08/2017


No comments:

Post a Comment