Thursday, 7 September 2017


Il-Baħħ Li Tħalli.

Jien nerġa’ nibda’ mnejn ħallejt xħin titlaq
Ma nafx kif ser jimtela’ l-baħħ li tħalli
Ħaddieħor sab is-sotituta u baqa’
Għaddej għax mingħalih li sab irkabtu.
Jien żgur, jekk titlaq inti l-ħin se jieqaf
Ma nafx tħallix il-baħħ, il baħħ lil jwaħħax,
Fil-baħħ is-soltu nsib jien lili nnifsi.
Għax naħrab m’hemmx għalfejn, u nieqaf niġri.
Ma nafx jekk tħallilix il-baħħ xħin titlaq.
Il-baħħ sar oċean u min għad jimla’

Dal-bir lil sar bla qiegħ.

Wednesday, 6 September 2017



Jiern Kont Qed Ngħix Għalik.

Jien kont qed ngħix għalik
Mingħajr ma naf fejn qegħeda,
Mingħajr ma naf liq iegħed ngħix.
Meta sejjaħtli jien ġejt
U bqajt ma sibt lil ħadd,
Aktarx li kont qed noħlom
Jew kien ir-riħ mat-tieqa.
Fejn konna t-tnejn qiegħedin ma kien hemm ħadd
Kien hemm il-baħħ.
Ħallejna lil xulxin bla ma sellimnna
U xħin hemm barra ħriġna, sirna nafu
Li hemm barra ma kienx hemm.
U xħin għaqqadna dak il-ħin ma  issa
Sibna, li ISSA qatt ma kien,
U li z-zmien kien reġa’ wasal
Sabiex nibdew mill-ġdid
Mingħajr ma nagħtu każ taż-żmien.
Idejja qiegħedthom quddiem għajnejk
U in bdejt tara lili.
Alfred Grech

06/09/2017

Tuesday, 5 September 2017



Għandkom Minn tat-Turisti.

Għandkom minn tat- turisti,
I ddur bla waqfien;
Ejja xi ħadd sa fejni
U nduru dawn l-għerien.

Intom li ddoqqu t-tnabar
Mhux ħlief qed taħlu l-ħin,
Tinsew għaliex qed tgħixu
Jien bħalkom il-miskin.

Megħdija taħżnu u tgeddsu
Bħan-nemel u bħad-dud,
Jiena l-ġurat li jgħanni
Kull jum għalih magħdud.

Intom li tibnu u tgħollu
U tħarbtu kullimkien
Tintebħu x’qed titilfu
Iktar ma jgħaddi  ż-żmien.

Jien nitbekka l-ħsara
Intom: ma ġara xejn;
Ittennu li tisimgħu
Titħasseb m’hemmx għalfejn.

Intom bħaġ-ġogġifogu
Għas sirtu kull kulur
Jiena tal-qawssalla nxellel
L-ilwien qalb dad-dulur.

Alfred Grech
05/09/2017





Monday, 4 September 2017




Inti Li Mort Tinħeba.

Inti li mort tinħeba wara sħaba
Li ma tgħattikx għazilt dal-post imkennen,
Għaliex intbaħt malajr l’ebda rifuġju
Ieħor ma jqanqal fik sens ta’ mistħija.

Imkien ma stajt issib fejnb tmur tinħeba
Fejn tista’ tinża’ velu wara l-ieħor
Biex tara tinogħġobx hekk, fl-għera tiegħek.

Hawnhekk biss stajt int tiġi biex titgeddes,
Għarwiena bħal sirena ta’ bla trukki,
U tidher int kif int, mingħajr il-frilli.

Jien ngħidlek int min int, u x’mhuwiex tiegħek,
U nħassar kull metafora li wrejtni
Biex tista’ tara lilek sew fil-mera.

Jien nibqa’ hawnhekk indaħħan mingħajr pipa,
U nemmen l’għad tistejqer minn din-nagħsa,
U tara dak li minnu stajt tingħaraf
Mhuwiex tassew, mhuwiex għajr id-dell tiegħek.

Alfred Grech

04/09/2017.

Sunday, 3 September 2017



Għamiltli Labirint.

Għamiltli labirint hekk kif tkun dieħel
sabiex kull meta niġi nfittex lilek, inkella s-sewwa
insibni f’nofs ta’ misraħ qed jirbombja l-iskart tan-nies,
qalb folla imgerrxa qiegħda tfittex
lil min trid temmen, min jagħmel il-mirakli,
f’simulazzjoni differenti li tagħti s-saħħa
f’nofs dan il wied ta’ tmugħ u tnissi kull miserja.

Dawwartni dawra mejt b’ħitan nofs tond
mimlija bit-taħżiż,
u ridtni b’hekk inġib quddiem għajnejja
u nifhem kull misteru.

Dawwartni ċirku tond għaliex qed taħseb
li biċ-ċirkutista- tfissert l-infinit.
U jiena ntlift indur u nagħqad ġo dil-pjazza
imdawwar bix-xbiehat u bil-graffiti.
U nsejt li aktar ġewwa hemm it-tempju,
hemm il qaddis tal-qaddisin.
Għaliex illum fil-folla ntilft, intlift fil-beraħ
u mhux fil maqdes tal-qdusija.

Alfred Grech

03/09/2017

Saturday, 2 September 2017



Jien Kont Mifxul.
Jien kont mifxul ma nafx x’irrid
U int urejtli x’għandi nagħmel.
Jien kont mifxul u li kont naf  kien biss li kelli nimxi
Mingħajr ma nagħmel ħsara.

U int mort tgħid li ridt tħallini ħieles
Li nagħmel dak li rrid
Imbagħad mank biss ħallejtni nagħżel.

U xorta ġietni żewġ
Għaliex dħalt waħdek f’dat-trabokk tal-bejta tiegħi
U jekk mintix tiegħi għax tassew tħobbni
Drajt toqgħod hawn għax ixxamplata
U forst id-dubbji kollha li jinbtuli
Mill- “jekk” jew “imma”
Hemm mistoqsija mistoqsija
Li minnha tnissel oħra.

Imma sakemm int għadek hawn
Ġo din il-bejta
Jien nista’ nibqa’ nemmen

Alfred Grech

02/09/2017.

Friday, 1 September 2017



U Xħin Erġajt Ġejt Lura.
U xħin erġajt ġejt lura ma sibtx lilek,
Sibt biss ir-riħ ivenven qalb is-siġar,
Sibt qamar qed jinkini bil-qrun tiegħu
U fdal tal-petali mal-art mirfusa.

Xħin bdejt niftakar fik erġajt sibt ruħi
Inċedi għal kull ħbit bla kundizzjoni
Imdawwar mill-ispazji ta’ xewqatek
Fi tnalja li tissikka ntraniġenti.

Daqskieku kont munġbell lest li jibroffa
Il-lava sħuna tagħli u tgħatti kollox,
Passjoni devastanti li trid tixgħel
Il-fjakkoli tan-nar li qed ibgħati.

Alfred Grech

01/09/2017