Tuesday, 20 February 2018


Issa li waħdi bnejt dan is-Santwarju.

Issa li waħdi bnejt dan is-santwarju
Li ħadd mhu qed iżur, li ħadd ma jara,
Inħoss li l-mewt m’għadiex xi barranija
Għax issa xejn ma fadal x’nista’ nara.

U issa ħadd ma fadal għal min nilqa’
Inħbejt fejn ħadd ma jersaq, bla pressjoni,
Bnejt ermitaġġ fis-skiet ta’ ġewwa fija
Fejn fih nirtira waħdi bla pensjoni.

Il-bogħod mill-għagħa tal-folla, eremita;
Jekk għadek int ma ntbaħtx bl-assenza tiegħi
Ma ġara xejn għax għadu ħadd ma ntebaħ,
U nista’ wkoll nistiednek tiġi miegħi.

Alfred Grech.

20/05/2012

Monday, 19 February 2018



L.

Fit-tarf tal-jum id-dawl inin fil-ħila.
L-għajnejn bħal jiċċassaw fil-baħħ warrani,
U dak li kien ħafif, issa bi tqila,
F’daqqa jidher il-bogħod, isir barrani.

Fit-tarf tal-jum qaddis min jisma’ talbek?
Jintemm fl-irkejjen, bogħod fejn qatt ma rajtu,
Jew jidwi r-ritmu tqil taħbit ta’ qalbek
U tisma’ dak f’widnejk li qatt ma smajtu.

Sakemm tal-lejl il-ħemda ssir qawwija,
U jsiru dellijiet l-iħirsa għatxana,
Għaliex fid-dlam titneħħa kull mistħija,
U l-qalb fix-xejn tas-skiet araha tistagħna.

F’kull nifs li tieħu ’l-ġewwa fuq l-imħadda
Tindaf ir-ruħ mit-trab tal-jum li għadda.

Alfred Grech

26/04/2012

Saturday, 17 February 2018



Xħin Tiġini t’Tentazzjoni.

Xħin tiġini t-tentazzjoni
li nċempillek biex niltaqghu
ma tkun xejn għajr frustrazzjoni,
qishom bżieżaq qed jinfaqgħu.

Kalamita li qed tiġbidni
biex niltaqgħu għal darb’oħra,
ma tkunx ħlief is-sensazzjoni
biex mill-“issa” naħraba ħarba.

Għar minn vizzju li jindara
biex mill-ġdid fejn konna qabel,
għall-irdoss ta’ dak li nafu
mal-imgħoddi mxekkel b’ħabel.

Ta’ kull darba f’moħħi taħbat
naħrab ħarba ta’ tfittxija,
mal-kurrent taż-żmien li jgaħddi
u nintilef fit-tnissija.

Alfred Grech.

17/02/2018

Wednesday, 14 February 2018



Il-Lejla Għannaqni.

Il-lejla ngħannqek waħda mhux minħabba
Il-kesħa, iżda minħabba l-bżieżaq t’arja pura
Li joktru ġewwa fija u qatt ma jaslu.
Jinfaqgħu mhux fil-wiċċ
Iżda minħabba r-rassa tad-dwejjaq u tan-niket.
Il-lejla ngħannqek miegħi mhux għaliex
Inħoss il-morsa tas-solitudni qed tissikka
Inkella għaliex ninħtieġ il-ħolm sabiex inderri
Iżd’għaliex tassew irrid li ngħaddi minn ġol-wied
Ta dell il-mewt u inti tkun is-sieħba tiegħi.
Għalhekk il-lejla rrid mingħandek biss tgħannieqa
Mingħajr ma tlissen kelma waħda
Mingħajr il-ħtieġa ta’ xi ħarba.
Ersaq lejja u għannaqni
Flimkien immissu l-kwiekeb
U nilgħabu mistoħbija mal-qamar qalbu sewda
Li jaf bid-dnubiet kollha tagħna li għad irridu naħfru
Lil xulxin.
Jekk ma tgħannaqnix il-lejla
Kif ser niftakrek għada.

Alfred Grech
Jum San Valentino 2018


Tuesday, 13 February 2018



U Issa Ma Ngħarfekx.

U issa ma ngħarfekx
imqarr jekk terġa’ tiġi
għax darba nqtajt minn miegħek bdejn ngħum
fil-baħar ta’ bla xefaq.
Ma nafx fejn irrrid nasal
m’hawnx kwiekeb li juruni
xħin qtajtli l-kurdun, infamt u mort għal rasi.
Tgħallimt kif ngħix mal-lpup
tgħallimt il-ħażen tagħhom
nirgħa’ bħal kukkudrilli
nistagħad fl-għadira magħhom.
Staqsejt kull mistoqsija
bil-logika l’għallmuni
tkellimt ukoll b’ilsienhom
u lanqas qed ninftiehem.

Issa li qed nerġa’ nersaq lejk
inħossni nerġa’ negħereq
f’dak-baħar ta’ bla xefaq
fl-immensita’ minn tiegħek.

Alfred Grech

13/02/2018

Monday, 12 February 2018




Jannar.

F’dal ġranet ta’ Jannar ta’ xitwa skomda
imdendla stalaktiti bħalma sħab
jiddendel ma sema ndifferenti
ir-ruħ tistenna għalxejn il-fidwa ta’ fewġet il-grigal
biex tgħid li mhix f’sikkitha.
Ħalliel iż-żmien li jiżloq bla jrodd lura
mal-blat żellieq tal-eżistenza 
u jisirqilna mqar ix-xewqat tal-innoċenza.
Kif, għidli kif naħtfu ftit tad-dija­?
Għax aħna li twelidna verġni
għodosna wisq ġol-iskwallur
ta’ devozzjoni mgħawwġa u mhix imnebbħa.
U x’jagħmel il-poeta li jsib ruħu
itambar l-istess tnabar illi jqajjmu mill-imwiet?
Kif ser ifisser li fin-nebħ hemm dina ġdida
li ma tintlaħaq qatt fl-istorbju u fl-affluwenza?
Il-fuq hemm sema evanexxenti
fl-għabex tal-eklissi ta’ bla xefaq
fejn jitwieżnu u jisparixxu bħall-iħirsa,
l-allat li kkastigawna.

Alfred Grech
12/02/2018.

Saturday, 10 February 2018




Xi Jġiegħel tqum?

Xi jġiegħelek tqum filgħodu u toħroġ barra
minn taħt i-friex tisfida l-ħajja assurda
taħt sema ġriż, fir-riħ, taħt xita nieżla
tinxteħet mal-kurrent ta’ nies għaddejja
bħal wied li jgħaddi jkarkar mal-bankina
u tbiddel il-burdata
ta’ qtugħ in-nifs, t’insuffiċċjenza?

Inkella ma tqum xejn u toqgħod hawn
għar-rdoss tal-fehma rikorrenti
li xejn mhux ġdid, li xejn mhu xejn u xejn mhu se jinbidel
li għad xi darba ssib għall-mistoqsija
tweġiba, li hekk u hekk biss int taf tgħix il-ħajja?

Xħin jerġa’ jiġi l-lejl u ssib li xejn ma nbidel
għajr-iż-żmien li bħall-kurrent ikarkar mal-bankina
baqa’ għaddej
u din ukoll mhix illużżjoni
hi l-eżistenza.

Alfred Grech

10/02/2018