Tuesday, 12 June 2018


Related image


Lil Valerie.

Ma stajtx tqajjimni int u lanqas it-telefonata
Ir-rqad hu helu wisq għar ruh imjassra.

Għaliex xħin tibda tongħos imqar ir-ruħ,
Xi jżomm din il-valanga
Tal-indifferenza milli tordom kollox.

Int tgħid li dipressjoni,
Jien ngħid li xerq iż-żmien,
U d-dlam ta’ lejl bla qamar u bla kwiekeb
Idawwal biss l-abbiss fl-ingratitudni.

Il-bosk kien iffullat u jien fittixtek,
U jekk ħadd ma jiftakar fik,  tibzax,
Għax jien niftakar.

U l-bogħod li hemm bejnietna għad jiqsar
F’seħer ir-ruħ u b’taħbit il-qalb.

Alfred Grech
2/06/2018

Monday, 11 June 2018


Related image


Meta Tibda Tistaqsi.

Meta tibda tistaqsi
U l-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin
U l-ebda tweġiba ma toqgħod fil-keffa
tal-mistoqsija seħbitha,
tħossokx li qiegħed tilbes libsa li ma tiġikx
u tmur quddiem il-mera 
biex mingħalik tilludi ruħħek?
Issib li xejn mhu xejn u x-xejn hu kollox
U l-ebda xefaq ma jifred
Il-baħar tassew mix-xtajta simulata.
Jiena u int iltqajna fi żmien ħażin
U f’ħin li lanqas jaqbel.
Għaliex xħin jiena ridt nidħol bħal bebbuxu ġo qoxorti
Int ridt tmur tkompli ttajjar
It-tajr tal-karti.

Jien naf li jekk jgħaddi ż-żmien
Hemm kliem sottili aktar li nista’ ngħidlek
U inti tibda’ tifhem.
Iżda sal-lum int għadek ma straqtlix
Dak il-misteru li jiena ridt noffrilek,
Għax int mhux dak li trid.
Fil-karta tal-ħelsien li jien fassalt għalija
Mhemmx int għax inti bqajt ma ħadtx il-forma
Li tixraqlek.

Jekk trid illum tingħaqad miegħi
Ġo dil-kappella ta’ l-iskonsolati
Nintonaw is-sinfonija tal-enimmi
U ntennu kliem Koħelet
O frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.

Alfred Grech
11/06/2018

Sunday, 10 June 2018


Image result for parting couple

Le Jien Ma Nimxix Miegħek.

Le jien ma nimxix miegħek,
jien għandi r-ritmi tiegħi.
Int tagħġġel wisq għalija
u lanqas na fejn inti sejjra.
Hemm punt ta’ tluq
u punt ta’ fejn it-tnejn niltaqgħu,
iżda mil-bqija,
ikun ħela ta’ ħin u sikkatura żejjda.
Nixtieq li kieku nibqa’ sejjer
u nara fejn se tmur tistaħba x-xema,
Għaliex inkella xejn ma nieħu lura d-dar
jekk mhux id-dwejjaq ta’ xemx deluża
li qiegħda ftit, ftit tegħereq.

Alfred Grech
10/06/2018

Saturday, 9 June 2018


Image result for the great mother

Int Tista’ Tkun.

Int tista’ fraka tkun ukoll tar-ramel,
li timla’ dad-deżert tas-solitudni:
qanpiena matutina li tirxoxta
dir-ruħ mirduma fl-għass tal-multitudni.

Int tista’ tkun il-qatra li trid timla’
il-baħar ta’kull xewqa seduċenti,
u fl-infinit tal-firmament imewweġ
int tista’ tkun il-kewkba trasluċenti.

Int tista’ tkun il-ħmura ta’ filgħodu
li jirrifletti s-sura tas-sbuħija,
il-fdal tad-dieqa hekk kif tmur in-nida
f’saltnet is-seħer kif joħolmu l-bqija.

Alfred Grech.
09/06/2018.

Friday, 8 June 2018




Image result for the sound of silence

Isma’ L-Ħsejjes.
Isma’ l-ħsejjes siekta li jiġu minn imkien
u agħti widen għal waqt wieħed
bla ma taħseb.
Hemm tweġibiet li huma ikbar mill-mistoqsiji tagħħom
li ħadd ma għandu l-ħila qatt jistaqsi.
Iftaħ idejk għall-kull ma jiġi
imbagħad tintebaħ li mqar min ried jagħmillek il-ħsara
ta’ min jitħassru
għax hu marid u inti mħux se tfejjqu.
Tista’ biss tfejjaq lilek innifsek
mill-marda li tittieħed.
Għanni l-għanja muta li ma tafx
imqar jekk int stunat
tintebaħ li sirt l-aqwa għannej
kompositur mill-kbar xħin tingħaqad
mal-ħsejjes ta’ madwarek, il-ħsejjes tal-ħolqien,
f’dan l-univers jissussulta, jivvibra u jgħanni.

Alfred Grech
08/06/2018

Thursday, 7 June 2018



 Related image


 Epithalamion


(Lil Marie u Ryan li ngħaqdu fiż-żwieġ 06/06/2018)

Intom allat ta’ olimpu
u inti Imene wild Urania
li tkun minn ta’ quddiem fil-marċ nuzzjali,
wassal lil dix –xbejba għażiża lejn seħibha.
O Imene Imeneaus f’dil-lejla ta’ sirda u żiffa ħelwa
li tonfoh l-għaniet inkantevoli tas-sireni.
Dawwar ma dwar rasek ward ifuħ u weraq tar-rand,
itfa’ fuqek il velu maestus u xidd is-sandli tad-deheb
biex tmexxi din il- purċissjoni lejn il-quċċata tat-twettieq
f’dan il-lejl iħeġġeġ bil ferħ, bil-għana u bil-melodiji li jixirqu.
Olqot l-art b-riġlejk u iftaħ l-għejjun tal ors u tal-imħabba.
Sejjaħ lix-xbejba u uriha t-triq lejn żewġha
sabiex tingħaqad miegħu fl-imħabba dejjiema
bħalma tingħaqad u titgeżwer il-liedna mas-siġra li magħha tixxabbat.
Intom xbejbiet f-ilbieskom trasluċenti
għalikom jum bħal dan għad irid joqrob
ingħaqdu intom ukoll fdil-litanija ta’ tifħir u għana
ta’ mħabba li hi tassew imħabba bejn mara u raġel.
Minħabba fik  o kbir Imene il-ġenituri  jkunu fuq ix-xwiek,
l-għarus jistenna u x-xbejba tkun ħerqan biex jitilgħu din it-tarġa
ta’ ħajjithom fit-trapass bejn iż-żogħżija u l-għaqal maturat.
Inti teħles u tgħaddi f-idejn iż-żagħżugħ il-warda ta xbejba
li tieħu minn ħoġor ommha.
Mingħajrek xogħol Venere hu bla fejda.
Mingħajrek kull dar tibqa’ bla wild,
il-ġenituri jibqgħu weħidhom,
u mingħajr ir-riti tiegħek kull ġens tonqoslu s-sinsla
li hi l-familja magħmula u mrawma minn raġel u mara.
Iftaħ mela l-bibien li jieħdu l-bogħod għaliex ix-xbejba waslet,
l-għarus ma jdumx jistenna u d-dawl tar-rifletturi
jilmaw u juri s-sbuħija ta’ dil-koppja.
Tibzax ja xbejba, għaliex ebda tiġrib ma jdallamlek il ferħ u l-ħeġġa
li huma sehemek. Ersaq il-quddiem u ersaq lejna
bħal dik is-sultana nieżla mit-taraġ imperjali.
Inti tisboq il-gjaċint li jgħolli rasu ‘l-fuq mill-għana kollu ta’ ġol ġnien.
Ersaq il-quddiem ja xbejba, dan huwa l-waqt li jagħmlek mara
isma’ l-għanja tagħna
għax żewġek huwa l-prinċep tal-irġiel, mogħni bil-ħila li
kienet dejjem xiehda ta’ għemilu.
U bħama d-dielja taqbad u u xxeblek ma kull sigra li ssib
hekk huwa jħaddnek u jagħmelk tiegħu għal tul iżmienijiet.

Ja Imene Imenaeus
ġibilna awguri tajba sabiex din il koppja
tista’ tħares ’l-quddiem u tgħix fil hena u fil ġid li jixirqu lil kul uman
għal tul iż-żminiiet.

Alfred Grech
07/06/2018
 



























.







.

Wednesday, 6 June 2018


Image result for mistaken identity


LV.

Le, le, mhux jiena kont illi tradejtek,
U wiċċ ħaddieħor rajt isbaħ minn tiegħek,
Mħux miegħi kont qed timxi mbagħad ħallejtek,
Filwaqt li dal-ħin kollu nħokk kont miegħek.

Le, le int kont tagħmilha ma ħaddieħor,
Xi ħadd li kien iħares lejk xort’oħra,
Għadek sal-lum m’għażiltx wieħed minn ieħor
U tfixkel ma xulxin, imġieba m’oħra..

Le, le mhux jiena kont, mhux jien emminni,
Kien tas-sireni l-għana ġo widnejja,
Indħil l-allat, jew sibt min iġenninni,
U waqa’ d-dlam u ċpar fuq xfar għajnejja.

Le, le jiena ma kontx, dak kien ħaddieħor,
U inti żgur għaraft wieħed minn ieħor.

Alfred Grech
07/08/2012