Monday, 11 February 2019



Jien Noqgħod il-Bogħod Minnek.

Jien noqgħod il-bogħod minnek
mhux għax ma nħobbokx inkella reġa’ bdieli,
Iżda għaliex irrid nibqa’ nviżibbli sa nsir
saħansitra mmortali għal dak li jgħidu n-nies,
Għaliex fil-ħabi tiegħi inti tibqa’ sħaba
u qatt ma tinżel fl-art
bħalma jagħmlu l-anġli tas-smewwiet,
sħaba bajda tgħatti x-xemx u tisfida
l-isplendur tagħha.
Hemm xemx illuminanti li ma tidhirx
u lanqas tixfrex ir-raġġi tagħha.
U hemm alla tas-skiet, tal-immanenza,
li bħal kompożitur tal-melodija
ried jibqa’ mhux magħruf.
Jien irrid inkun dak il-poeta
li niktiblek dawn il-versi
li ma jgħoddu xejn u xejn ma jfissru
biex int fil-baħħ tax-xejna u l-inviżibbli
tiġbor il-ħjut li lilna jagħtu
l-inkwadratura li tixirqilna,

Noqgħod il bogħod minnek
sabiex imqar f’din id-distanza
u f’dan is-skiet etern ta’ din il-ħemda
tintebaħ kemm jien stramb inkella
insibu l-mod kif nerġgħu nirxuxtaw
din l-imħabba kbira
il bogħod mill-għajjat tal-folla
il-bogħod mis-simulazzjoni
u l-ħafna tagħlim fieragħ ta’ kif
għandna nagħmlu, x’għandna naħsbu
x’għandna ngħidu u kif għandna nġibu ruħna
xħin inkunu ma xulxin

Alfred Grech
11/02/2019




Kull Meta Nqum Filgħodu.

Kull meta nqum fil-għodu
Nintefa’ nħares lejn l-iskrin
Ma jkunx għaliex xi darba kont kurjuż
Jew ridt nitgħallem ngħodd mill-ġdid,
Iżda, sabiex nimblokka l-ħsieb
U nibqa’ bla ma naħseb.
Għaliex kull ħsieb tellief,
Kull mistoqsija kapriċċjuża,
U kull skuża velenuża
Hi fiergħa u ma tikkonvinċix
Iġiegħek biss biex
Ta kulljum tkompli tixrob il-velenu.

Insib li ta’ kull darba nidħaq qiegħed bija nnifsi
Ma jiswa’ xejn li nibqa’ nrambal din il-blata
U  nagħmel parodija minn xenarju
Għaliex kull profezija li għamilt
Qiegħeda sseħħ bil-ftit il-ftit
Isseħħ qiegħda ta’ kull jum
U tkompli sseħħ għal kemm il-darba mqar għal dejjem.
Imqar jekk fl-aħħar tiġi tgħidli
Li hemm int isserraħ fuqi.

Alfred Grech
11/02/2019

Sunday, 10 February 2019



Jekk Mhemmx Toroq.

Jekk m’hemmx toroq minn fejn tgħaddi
toħloq waħda tkun xi tkun,
jekk jintfiehem lanqas tista’
ibqa’ ġwejjed bħal beċċun.

Jekk tistaqsi u ħadd ma jwieġeb
għajnejk tista’ tgħolli ‘l-fuq
Iżda s-sema l-isfel tħares
ma taqlax, u xejn ma dduq.

Jekk iddur id-dinja kollha
li qed tfittex ma ssibux,
u qatt taħseb l-għad tiltaqa’
ma ħabib jekki ma tixbħux,

Kull ma jiswa’ s-setgħa mqita
tal-poter li ma jaħfirx,
tibqa’ tikber id-distanza
ta’ min jista’ u ma jidhirx.

Jekk trid tfittex triq għal-ġenna
fuq is-sħab fejn ma titlax
ġewwa l-qlub tan-nies tad-dinja
żgur li ma tippenetrax.

Alfred Grech
10/02/2019

Related image

Xi Tgħidli Jekk Nitolbok.

Xi tgħidli jekk nitolbok biex nissellef
xi ftit mill-għaġna li sawwritek
il-mod li bih titħarrek
w il pass u l-bixra tiegħek
biex nerġa nittama fis-sbuħija?

Xi tgħidli jekk nibda’ nistaqsi lili nnifsi
għaliex ġejt infittxek
għaliex ma bqajtx fejn kont
iddur u tagħqad dawra mejt
għax xejn ma hu ta fejda?

Int biss il-ħila għandek
li tlaqqa mal-mejtin
il ħajjin ta- din id-dinja
il-ħżiena mat-tajbin
f’ġidizzju universali.
Inqar xħin id-dikors isir velenu
ta’ min ma jaħsibhiex.
jien  jirribatti dak li lanqas ma trid tisma’.
F’dawk il-ħinijiet insir ġurdien
sabiex nistaħba ġol-imrammi
u biex ż-żmien biż-żmien ukoll jitħabbel
u ma tifhem tibqa xejn
għaliex imqarr id-dellijiet tal-mal-ħitan
is-sura jieħdu tal-iħirsa ta’ kuljum
li jixbħuhom
li tajjeb jew ħażin twikkejna bihom.

Alfred Grech
10/02/2019

Saturday, 9 February 2019






U mqar li Kieku.

U mqar li kieku lanqas ġejt għal-
laqgħa tagħna jien xorta nibqa’ kont nixtarr
id-dehera ta’ wiċċek bajdan
u l-kontorni ta’ ħaddejk
bħallkieku kont xi parrina qed tfissidni
u tgħidli: kollox sewwa.
U lanqas kont nistaqsi jekk din  kienetx din it-triq
li t-tnejn li aħna kellna nterrqu,
Għax int li ġejt mill-bogħod
għadek trid issib il bejta tiegħek.

Idejk bojod u ċari u titttrasmetti t-trasparenza
ta’ dea fulminanti.
Jien nista’ noqgħod hawn imxaħxaħ
fid-dinja li qed tarmi u nħoss li tlajt il- fuq l-ogħla quċċata.
Għajnejk jinfduli ruħi
daqs l-isqra li sabu l-vimmi tagħhom il-fuq, il fuq mis-sħab
u t-tbissima tiegħek terġa’ tniżżilni ġol-abbissi mnejn ghad irrid nirxoxta nerġa
simulakru ieħor mitluf fil-kliem u fid-diskors
tal-ħajja ta’ kulljum.

Ferħan li qed hawnhekk
it-tnejn li ahna mgedddsin fuq dawn il-metri ta’ mejda tal-kafe’
u biex tridni nghidlek
ergajt hassejt l-imbuttatura ta’ dil il-molla
daqslikieku kienet l-ewwel darba;
Ghada nerġa nċempillek
biex tghidli fejn tkun qiegheda.

Alfred Grech
09/02/2019

Friday, 8 February 2019



Image result for i come near you.
U Jiena Niġi Ħdejk.

U inti taf li xħin nerġa’ niġi
ħdejk nixtieq li l-lejl ikun twil
itwal minn qatt qabel
ikun twil eternita’ biex l-għada lanqas jisbaħ.
Biex għada jien ma jqumx
u inkun xhud ta’ jum ieħor wisq bħall-ieħor.

Niġi ħdejk biex bejn dirgħajk
insib is-serħ ta xemx nieżla wara x-xefaq
biex hemm tibqa’ u ma titla’ qatt u qatt aktar.

Niġi ħdejk għaliex fi ħbub għajnejk nifhem
u nixtarr it-tmien li dejjem joqrob
it-tmiem tad-dinja
fejn lanqas għandi għalfejn naħseb
x’jista’ jiġri wara.

Alfred Grech
08/02/2019

Thursday, 7 February 2019

Image result for angst


Mhemmx Għalfejn.

M’hemmx għalfejn tkun twila dit-tnehida
imqarr jekk il-ħsejjes ta’ madwarna idewwbu xi ftit
mis-senna tax-xafra li taqta’ das-silenzju
fit-talb li ma jasalx.
Tista’ jekk trid itterraq fuq ir-riflessi tal infinit
u ma tixtieqx li jerġa jisbaħ l-għada bir-rakkont tal-jum ta’qabel
iżda għad jiġi zgur u qabel tistennieħ
u ssib il-bieb li minnu tista’ tgħaddi għan-naħħa l-oħra.
Imbagħad jekk bħali trid li tgħix
f’inħawi oħra ta’ dan l-univers
fejn r-rakkonti ta’ kuljum mhumiex għajr ħrafa
dan l-univers hu kbir daqshekk li jesa’ l-ħsibijiet u x-xewqat kollha
li jista’ qatt ikollok.
Issib ukoll li kull kanċell u kull siparju li jinżel jew jingħalaq
mhuwiex għajr id-dalma li tinżel wara l-għabex
ta’ jum għajjien f’kull lejla li tistiednek tishar iżjed milli tiflaħ
biex tinsa t-triq li tkun terraqt u terġa tibda’ toħlom
ħolm ġdid fejn il-binarji tal-ferrovija li qatt ma rkibt
iwassluk lejn il-kanali primittivi li ħasbu u ssingaw l-iħirsa tal-imgħoddi
li tagħhom la baqa’ fdal u lanqas marki.

Alfred Grech

07/02/2019