Sunday, 14 April 2019


Related image

Tumultus.

Tumultus il vulcan
li jrid ineħħi minn fuq l-istonku
u jitfewwaq il-ħsara kollha
li jkun għamel
ma jkunx jaf fejn hu l-invell
u jwitti kollox.

Mingħajr il-kuntrasti ta’ fuq l-istonku
it-terrimot ma jriegħedx
u tara li nibqgħu fejn konna.

Int imxi r-ritmi tiegħek
biex tasal fejn trid tasal
imqar izzappap.

Dan hu l-pellegrinaġġ li nagħmel jien
biex forsi nisma’ leħnek
f’din il kwareisma.

Alfred Grech
14/04/2019



Related image

Ilkoll Ikkundannati.

Ilkoll ikkundannati
jitfugħlna ftit tal-beraq
inkella frak tal-kwiekeb
u nikkunvinċu ruħna
li sirna lluminati.

Jitfgħulna ftit tal-loppju
biex nibqgħu aljenati
fil-ferħ ta’ ftit mumenti
bħal meta lit-tallab titfagħlu
l-buqxiex
tkun qed tittardja biss
id-delużjoni.

Iżda jekk noħodha bil-mod
nimxiha kollha t-triq
u nasal sal quċċata mingħajr toqol.
U nibqa’ niġi hawn
nistħajjel s-skiet
ġo dad-deżert virtwali.

Imbagħad biex nasal żgur sa ħdejk
naqtagħha fil qasir   u nieħu t-triq li taqta’ għad-dritt
it-triq tas-sensazzjoni.



Alfred Grech
14/04/2019

Friday, 12 April 2019


 Related image
Imqarr Jekk Kull Ma Bnejt.


Imqarr jekk kull ma bnejt
jibda jaqa’ biċċiet madwari
irrid nibqa’ nemmen fik.

Minn kull waqt li jgħaddi
irrid nislet il-qalba tiegħu.

Bħal petali mar-riħ
it-tqanqiliet tal-ħajja
kull meta nħarbex dawn il vrus
immiss l-arterja principali.

Kurrenti ma jaqtgħux
kurrenti ġo xuxlin
u l-mewġ ibus il-blat
u nerġa’ nibni lili nnifsi
sabiex xħin niġi ħdejk
tarani mingħajr krozzi.

Ma jimpurtax għax tlift
it-telf hu sehem il-ħajja
u l-akbar ġlieda tkun
dik kontra tiegħi stess
sakemm nitgħallem ngħix
bil ġrieħi sfiġurat
u bid-daqqiet ta’ ħarta.

Alfred Grech
12/04/2019.

Thursday, 11 April 2019


Related image

Lilna.

Lilna li għexna fil-ġonna tal-Għeden
radmuna bil-bini tal-progress u fgawna
bid-dħaħen tal-vetturi u l-għabra tas-siment
faqqruna f’dak li naħsbu u dak li ngħidu
mill-bombardament li ma jaqtax
immirat biex jonġorna u jġibuna
kollha naħsbu bl-istess moħħ
u ngħidu l-istess ħwejjeġ
ta’ sillabi misselfa biex jidħlu fil-kxaxen
monotoni mfassla minn qabel.

Lilna li wasalna f’tarf ix-xifer ta’ li nafu
jgħidulna li aħna nies tal-qedem iffossilizzati
fl-oqbra tal-imgħoddi miftuħa beraħ.

Alfred Grech
11/04/2019.



Related image

Għax Emminna.

Kollox jimxi aktar bil-mod u jitkaxkar
Qabel ma tassew jitlaq.
Kollox jikirieħ qabel ma jitfarrak.
Malajr isir bla siwi qabel ma jseħħ
Imbagħad xħin tassew isir il-ħin
Tistenbaħ malajr fil-frugħa u tgħid li hi traġedja.
Kollox eħfef xħin tidraħ
U kollox jiċċara xħin issir taf
Li l-istess kruha issawwar l-istorja
U jista’ jkun li konna aħna
Li baxxejna t-tarka
Għax emminna
Li l-fejqan minn dan l-uġih
Hu li ma tħarisx
jew li nsibu skuża ġdida
Biex naħfru lilna nfusna

Alfred Grech

11/04/2019.

Tuesday, 9 April 2019


Related image

Issa l-Waqt.

Issa huwa l-waqt,
Waqtiet oħrajn ma jgħoddux
Ma nkunx jien
Ikun xitan jitkellem hu minfloki.

Issa tista’ tiġi u ġġorni
Tkaxkarni lilhinn miċ-ċpar
Bħalma l-wied ikaxkar
Dak kollu li jsib quddiemhu.

Issa huwa l-waqt
Għax issa naf min jien
U ma ninħtieġx il-krozzi
Jew leħen tal-oraklu
Biex jgħidli jien min jien.
Inrabbi l-ġwienaħ
U ntir il-fuq mill-bjut
Tad-djar li fihom jgħammru
In nies ta’ daqs meżżan
Tat-torrijiet ta’ ħafna ilsna
Tal-għanqbut
Tad-dud u tal-insetti
Li qed inawwru dak kollu
Li tul is-snin inbena bl-akbar għaqal.
Fejn kollox tħallat geġwiġija
U lanqas biss jingħaraf.

Issa l-waqt.
Dal waqt ma jerġax jiġi.

Alfred Grech
09/04/2019

Monday, 8 April 2019


Image result for malta unbridled development

X’Sar Minnha r-Ruħ Maltija?

Mhux billi hawn tiftaħru
Kemm żdied il-kapital
Jew kemm flus investejtu
Ma tindunawx bl-iżball.

Jew din l-ekonomija
Kemm kibret, kemm suċċess
Jekk tħarsu ftit madwarkom
Dan mhu xejn għajr rigress.

Tafux kemm qed tiftaħru,
L-oħrajn jibilgħu biss,
Il-barranin ħadulna
Dak l-għandna nkiss inkiss.

X’sar minnha r-ruħ Maltija?
Għax sirna Ewropej?
Kulħadd hawn ġej u sejjer
U mbagħad se naslu fej’?

Jitħadtu bil-miljuni
Erħilhom jiggranfaw
U biex ikomplu jħarrbtu
Jaraw x’se jivvintaw.

X’sar minnha r-ruħ Maltija
Din l-art ma tingħarafx
X’ser tħallu ’l-ta’ warajna
Għax lilha stess ma tafx.

Alfred Grecj
07/04/2019,