Tuesday, 11 June 2019


Image result for st Julians building spree

Il-Jum It-Tajjeb.

Daqshekk ilsejjes tal-ilma jirtoghod
taż-żiffa li tigħab qalb il-friegħi
fis-skiet ta sbieħ il-jum
għax mhux l-għasafar jixtiequlna l-jum it-tajjeb
jgħannulna l-innu tal-ħolqien
iżda l-ħsejjes tal-vetturi
tal-magni trijonfanti
tal-inġenji jisfidaw ix-xemx li ghada lanqas telgħet.

L-allat imbagħad jiġu b’idejhom miftuħin
ixerrdu l-benna tal-għasel u tal-ambrosia
Kulħadd jirkeb il-vettura
fost it-tgedwid sataniku
u l-ħsejjes infernali
għax din hi l-ġemgħa tal-vetturi
tal-ħafna ġid u l-opulenza
tal-jasar tal-imħuħ bil-meżżi tax-xandir.

Fuq nett inħallu l-marjunetti
jinġibdu mill-ispag li ma jidhirx
u hawnhekk l-abbiss ta’ fejn int
mingħalik dak huwa l-ferħ tal-indifferenza
għax kull kif ma tarax id-differenza
jew is-simulat u s-simulakru.

Imma’għad irridu nagħtu kont ta’ dan
lil uliedna li għad jistħuna.

Alfred Grech
11/06/2019.


Monday, 10 June 2019


Related image

Jien Ħsibt.

Jien ħsibt li ser narak mill-ġdid tiddandan
Għalkemm minn dan jien mhu se nieħu xejn,
Għalhekk din saret ħrafa li ktibniha
U xħin spiċċajt staqsejtek dan għalfejn?

Bħat-tiben bdejt ittir mingħajr il-ġwienaħ
Ħarist f’għajnejk u għedtlek l’huma sbieħ,
Stennejtek li taqrali sejjra x-xorti
U kliemek karfa kien lil jġorr ir-riħ.

Ilbist l-armar ta’ kavallier bla żiemel,
Mingħajr korazza bqajt ma ġrali xej’,
Jekk xejn ma tgħid stennejt li ż–żmien se jieqaf
U l-ilma ġieri qatt ma taf mnejn ġej.

Alfred Grech
10/06/2019

Friday, 7 June 2019


Related image

Mur Obsor.

Mur obsor li llum hemm min qed ifakkar
martirju li kien wassal għall-ħelsien,
ħerqan li jitfa’ fuqhu jerġa’ l-madmad
ġej mnejn ġej, inkella kien ta’ min kien!

Mur obsor illi l-kilba sabiex jaħtaf
iktar minn dak li jmissu jew bill-ħaqq,
ma jintebaħx li jassar lilhu nnifsu
u lilna lkoll, ilsiera tabilħaqq.

Mur obsor illi hawn min qed jiftaħar
li għani sar u l-qabża qed tiżdied,
li mhux tassew li jieħu dak li ħaqqu
skond ħiliethu, jew messu kull ma ried.

Mur obsor li l-flus u l-affluwenza
saru l-allat u d-din ta’jasar ġdid.
Egħżeż mill-fehma, ir-rieda u l-qalb sinċiera
quddiem is-saltna u l-mors tal-ħadid.

Kif ma ntebaħx min ried lil din l-art jimla’
b’kull ġens, kull lewn, ħaddiema barranin,
bini fuq ieħor, nugrufun u ħsejjes
u qtugħ in-nifs li ġġarrab ta’ kull ħin.

Alfred Grech.
Sette Giugno 2019


Tuesday, 4 June 2019


Related image

Għad Ifaqqas Univers.

M’erġajtx staqsejtek biex niltaqgħu
Għax bżajt mix-xita tqattar
Fuq xfar għajnejk
Mill-ħmura tax-xemx nieżal wara l-kwinti
Mis-skiet li jista’ jaqa’
X’inhi s-sillaba li jmiss.

M’erġajtx ċempiltlek aktar
U appuntamenti m’għamilniex
Ħallejt is-skiet jiżdied bejnietna
U l-mistoqsijiet jiġġebbdu sa ma jsiru
Eternita’

Fl-etermitsa’ li hemm bejnietna
Għad ifaqqas univers.

Alfred Grech
04/06/2019.

Monday, 3 June 2019



Related image
Twerewir.

Twerwir il-waqt ta’ min imur ifittex
tħarbit il-biża wara l-kwinti
il-bnazzi tal-viżibilita’ t-tajba
misjuq minn qtiegħ il-qalb
xħin dak li tara lanqas tifhmu
u dal li tifhmu ma temminx fih
biex taqdef qalb l-iħirsa
u qalb l-enimmi u b’hekk
jinħatt il bini kollu illi bnejna
biex stajna nsibu xi tifsira.
Li ma tifhmux jibqa’ bla tifsira,
u b’hekk jitqanqal ġewwa l-moħħ
id-dubbju ta’ minn qed jgħum
ġa dan il-baħar tal-assurdita’

Alfred Grech
03/06/2019

Sunday, 2 June 2019


Related image

Tnissija.

Mintix tismagħni nsejjaħlek
ismek jirbombja fil kewn tiegħi
f’din iż-żurzieqa li twassal għall-abbiss
fis-swied il-qalb li issa sar tqil iżżejjed.
Nixtieqek il-ħin kollhu
mhux bil heffa tal-ilsir
li jrid itaffi s-sensi
imma bix-xewqa ta’ min irid jimraħ
fl-istratosfera ta’ sublimita’
tal-baħħ u l-konfużjoni
fejn dari kont infittex li nkun waħdi
u jkun aħjar li waħdi nkun
xħin nghaddi mid-dlam tas-sotterran
sa nasal fix-xmara tat-tnissija.

Inkella inti tkun biss
xewq’ oħra.

Alfred Grech
02/06/2019.

Saturday, 1 June 2019


Image result for the maltese nation

Dan Hu Ġens.

Dan hu ġens illuppjat
Quddiem ir-riflessjoni tal-affluwenza
Pajjiż li ċeda l-armi lil-barrani,
Li tilef il-pofeti ġħax dawn inxtaw
Jew immutaw u ttarxu.

Dan ġens li qatel il-kuxxjenza
minn qabel din bdiet tniggżu
lil ġurnalisti u dawk li fetħu ħalqhom
li tilef artu stess u sab ruħħhu
itturfnat wara li biegħ ġidu lill-barrani,
li baqa’ ma ntebaħx li l-invażjoni saret il-parabbola
tal-priedki li ppriedkawlu,
dawk li  wassluħ fid-desert
qalb il-kurrenti adulteranti u trasluċenti
ta’ min jitlob ażil.
Jew min il-ħila l-għandi jaf iħaddem.

Dan huwa ġens li tilef dak li kellu
Ir-ruħ, il-qalb u dak li jagħmlu Malti
U baqa’ ma ntebaħx b’min qiegħed
Jagħtiħ il-ħabel.

Dan huwa ġens li seta’ qatt ma twieled
Għax għadda żmien u baqa’ qatt ma stenbaħ
Sakemm ħatfuħ l-ilpup u x-xakalli
Moħlu mitluf dal-ġens
Għax baqa’ qatt ma ħolom
Il-ħolm tal-viżjonarji
U baqa’ ankrat ma dak li seta’ sewa’
U llum tfajieħ fin-nar.

Alfred Grech
01/06/2019