Tuesday, 18 June 2019


Related image


Int Qed Titbiegħed Minni.

Int qed tibiegħed minni u sejjra fl-għada
Meta għada jista’ jkun li qatt ma jkun
Għaliex ġemmajt il-waqtiet kollha
Biex dak ikun l-aħjar wieħed.
U bqajt ma ntbaħtx
Li jiena għamilt f’qalbi
Għax l-istennijiet tiegħek
Kienu kollha lilhinn mit-territorju tiegħi
Minbarra wkoll li kienu
Kontra kull pass għaqli.

It-tidlijiet tiegħek xħin ħallejtni
Kienu bħal waqtiet ta’ fuq ix-xefaq
Taż-żernieq tal-għada
U jien ma rajt il-waqt
Li ruħi tħalli ġismi
U neħles minn kull xkiel u minn kull madmad.

Issa taf li għalkemm tiġi bħal anġlu
Bid-dawl f’idejk jew għall-għarrieda
U bla mistiedna
r-ramel taż-żmien hu kontra tagħna
u jiżloq qed bil-mod il-mod minn bejn subgħajna.

Iżd’issa li t-toroq tagħna qed jitbiegħdu
Kull ma jmur inħossni niġi f’sikkti.

Alfred Grech
18/06/2019

Sunday, 16 June 2019


Related image

Ma Swejna Xejn.

Ma swejna xejn
Għalxejn subgħajna għollejna
sabiex ninghaddu
ghax baqgħu għaddejjin minn fuqna.

Aħna mewġ misjuq
miż-żiffa tal-grigal
ibus riġlejn l-irdum
u jħaddan ir-ramel tax-xtajta.

Aħna karfa misjuqa mill-buffuri
tinagħżel mit-tiben
ittir u tisparixxi.

Bħal bieżaq tal-arja ġol ilma,
Jgħumu għal ftit tal ħin
imbagħad jinfaqgħu.

Alfred Grech
16/06/2019.

Saturday, 15 June 2019



Related image

Nintasab Nikkuntempla.

Nintasab nikkuntempla bla ma naħseb
quddiem dan kwadru mmakulat ta’ ħajjti
Jew nilgħab mat-tikmix u tondjaturi
tal-frilli f’dawk l-inħawi li jintlaħqu
fejn mhemmx għalfejn tixxabbat
fejn ma nafx aħniex niftehemu.
Int terġa’ ta’ kull darba tiġi tbaxxi
l-barrikati
biex mingħalik li se jkun tkun eħfef li jien nifem
u mingħalik tkun aktar affidabbli
dil-qegħeda li tqum tagħmel kull filgħodu.
Nistiednek nerġa’ jien biex għal darb’oħra
tħares sew fil-mera
Filwaqt li qatt minn moħħok ma jgħaddilek
li jista’ jkun li dan staġun u qomt riħ isfel
u r-riħ idur u jitla’ l-ajru
u illi  f’daqqa waħda spiċċa s-seħer
bħal meta ġġib pitazz u taqbad tikteb.

Alfred Grech
15/06/2019

Friday, 14 June 2019


Related image

Ħela Ta’ Ħin.

Ħela ta’ ħin għalik twerżaq u tgħajjat
poeta tad-disfatti u d-delużjoni,
u issa lanqas leħen ma fadallek,
xogħolok għamiltu u tista’ tmur tindifen.

Għalxejn titperreċ trid fl-anfiteatru
erħilhom dawk li jagħarblu l-baħħ ta’ ruħek
filwaqt li d-demm li tħalli xħin tiżvina
jitħallat max-xewqat li darba kienu
qawwija daqs id-dlamijiet li jxekklu
id-dawl li jrid kull darba jersaq lejna,
imewwet is-skiet tiegħek li kien qares.

Bħar-ramel tad-deżert jinbidel wiċċek
filwaqt li l-passi tiegħek bdew jitqalu,
insetti alluċinanti qed jiddieħku
bit-traċċi li ħallejt hemm ittimbrati.

Ġildek offrejt u ħsiebek lil ħaddieħor,
u saħansitra l-vini tiegħek nixfu
għalxejn titlajja hawnhekk u ma tridx titlaq,
għax qtajt in-nifs u lanqas m’għadek tisma.

Alfred Grech
14/06/2019


Related image



Staqsejtun x’Konna Nagħmlu.

Staqsejtuna x’konna nagħmlu
Konna nfittxu ruħna għax tlifniha
Qalb l-għabra, l-ġebel u t-terrapien
F’kull direzzjoni
Tal-bini li jiġġarraf
Apposta jew b’kumbinazzjoni.

Konna nfittxu ruħna għax tlifniha
Qalb id-duħħan u n-nugrufun
U l-velenu ppurgat ta’ min ikun
Mill-vetturi li bħan-nemel
Qed jifgaw
U t-toroq
Jikkonġestjonaw.

Konna nfittxu ruħna
Qalb it-tħarbit tal-art verġni
Tqaċċit ta’ siġar u l-konrit jitferrex
Jew nibnu torrijiet li jisfidaw
Il-barumbari tal-ħamiem li tgerrex.

Konna nfittxu ruħna gaħx tlifniha
Qalb il-folla ta’ min ġej u min u sejjer
Tal-ilsna li ma nifhmux
Bla ma nagħmlu ħafna stejjer
Tat-twemmin li ma nmagħrfux
Ta’ dak li ma jiġiniex
Ta’ dak li ma jafniex
Ta’ dak kollu li mhux taghna

Konna nfittxu ruħna għax tlifniha
Jekk għad tinstab x’imkien
Jekk terġgħu tistaqsuna x’konna nagħmlu.

Alfred Grech
14/06/2019,

Thursday, 13 June 2019

Image result for pieta building collapse Malta


Waqa’ Bini.

Waqa’ bini u xejn ma ġara,
l-aqwa li ma weġġa’ ħadd,
u mqarr jekk xi ħadd iweġġa’
Bħal kull il-bini jrid jinħatt.

Waqa’ bini u xejn ma’ ġara
Dan il-paniku għalfejn?
Fil-pajjiżi zviluppati
Jiġri dan, ma ġara xejn!.

Inċidente di percosrso
Qal dak l-għaref, ta’ bla żejt!
Tantx titmasħnu, tantx teqirdu
F’daqqa dorna dawra mejt!

Xejn teqirdu u xejn titnaffru
Dal pajjiż  niviluppawħ
U li timraħ ftit fil-beraħ
Lanqas biss nikkuntemplawħ.

Alfred Grech
13.06/2019

Wednesday, 12 June 2019


Image result for eternity paintings

Int X’Għamilt B’Ħajjtek?*

Mhux bis-sagrifiċċju ta’ kull sena
Niftakrek iżda bit-tktika tal-arloġġ
Ix-xiħ li hemm inti u tiela’ t-taraġ
Għaliex għalxejn iż-żmien irid iġorrok miegħu
Iż-żmien bħal ħamla li jimbotta
Ġrajjiet u tifkiriet u lilna magħhom.
Tifkira inti tibqa’ f’moħħ min baqa’ ħaj
U jiena bħalek għad insir
U mbagħad xħin kollox spiċċa
Nistħajjlek tistaqsini:
Int x’għamilt b’ħajjtek?
U jista’ jkun li xejn ma jibqa’
X’ħin bħalek jien insir
Eternita’.
Int issa sirt sabiħa aktar minn qatt qabel
Bħas-skiet . . .
Bħas-s-sema sajfi mimli kwiekeb.

Alfred Grech
12/06/2019.

*Miktuba wara quddiesa  anniversarju fl-għeluq is-sebgħa snin mill-mewt ta’ Valerie