Saturday, 16 November 2019



Image result for nude woman coming out of the water

Meta T-Tifkiriet.   .

Meta t-tifkriet isiru bħat-tvenvin
tar-riħ li jgħaddi bejn il-fili tal-luċelettrika
imperrċa mal-arbli fit-toroq ta’ nħawi minsija
inkella bħal karozzi mrażżna mill-freni
jwerżqu l-gomom tar-roti jgħaqqdu mal-asfalt
fit-tfittxija frenetika li tirbaħ iż-żmien
jien nibda naħseb biex nerġa’ lura għal għandek
għaliex fi  ħdanek hemm ir-risq u l-hena.
Imbagħad jiġri li nħossu t-tnejn li aħna
il-ħlewwa tirfina bħal ambrosia fuq ilsienna
biex nibdew nissugraw fuq meded ġodda
f’dawk l-inħawi fejn ħadd għadu ma resaq
inkella li minnhom għad ħadd qatt ma reġa’ lura
għaliex ma nistabrux li jista’ jkun hemm xefaq
li tiħqu ma tistax
jew li lilhinn minnu
issalpa ma tistax.
Jien imbagħad insir l-għannej
li nikteb ħafna versi b’nifsi maqtugħ
għax naf li l-pinna ma tlaħħaqx mal-ġiri tal-ħsieb
u quddiem għajnejja ma jifdallix għajr l-era ta’ ġismek
ħierġa bil-mod il-mod
mill-ilma ta’ xatt il-baħar
li qatt ma żort.

Alfred Grech
16.11.2019.




Ir-ritratt ta' Alfred Grech.

Aktar ’il-Bogħod.

Hekk ridt jien għax issa sirt tifhimni
U taf li dan il-vjaġġ waħdani fis-solitudni
Ta’ min jinħall irid minn kull ilġiem
Matul il-mixja twila
Ta farfett li tgħallem ir-ritmu
Fil-bandla tad-dwejjaq u tal-ferħ
U tal-waqtiet,
Meta mqar is-sema jiddendel
U s-sħab imissu l-ponot
Tal-qċaċet tad-dwejjaq
Tal-mewġ li jobrom
Tal-oċean li juri l-qilla tiegħu
Fuq blat li jirrifletti
Id-dawl ta’ xemx qed tinki.

Fil-ponta tal-ibgħat ponta
Dejjem hemm fanal li jwennes lill-baħħara
Li juri t-triq lil min jintilef.
Lilhinn minn hekk hemm xefaq
Li jrażżan ix-xewqat
U jmejjel il-ħolm ta’ min irid imur
Aktar ’il bogħod.

Alfred Grech
16/11/19 2019.

Thursday, 14 November 2019



Image result for sao martinho do porto farol

Hela’.

Jekk toqgħod tissemma bil-għaqal
Lix-xita li tinżel bil-qliel
tistaqsi lis-skiet b’liema leħen
isefsef f’widnejk bħal ħalliel.

Dil-għanja li qatt ma titmewwet
imqanqla fi ħdan l-infinit
li jkebbes is-sema bl-orangjo
u jdellel tinqiż il-lanżit.

Tat-toroq il mixja mitlufa
fid-dell tal-ħitan tas-sejjieħ,
peprin u ħaxix li  jixxeblek
fejn jgħammar il-ħolm bil-qatiegħ.

Kien jikser il-ħemda tal-wileġ
tal-ilma l-gelgul fil wied
jindiehes mal-ħsejjes imewwtu
taħlita ta’ mrar u ta’ swied.

U ntbaħna l’għalxejn issa tlajna
dit-telgħa, ’xxabtna mas-swar
fanal li qed jifrex il-ħarsa
jindokra d-destin tal-madwar.

Hawnhekk stajt tintebaħ bil-qilla
tar-rwiefen li jħottu l-ħitan
tal-baħar li jħabbat max-xtajta
u jobrom qalil daqs xitan.


Alfred Grech.
15/11/2019


Wednesday, 13 November 2019



Image result for farol sao martinho do porto

Illum Kien Biss Bħall-Bieraħ.

Kull xħin nistaqsi
jekk dan kollu kienx mistħoqq
inkella ngħid li kont imxebba
bli nara jdur madwari
kien jidher ta’ bla fejjda
biex jgħaddu l-jiem tal-bandla
ta’ bejnietna u ngħidu
illum kien biss bħal bieraħ.

Għalhekk kull jum infittxi
li nderru lill-xulxin
li nivvintaw il-ħajja
biex nidħqu bina nfusna
u naħsbu li rġajna bdejna
inkella li ma bqajniex fejn konna.

Iżda ma domniex ma ntbaħna
li issa sar il-ħin
u kellna nkomplu nimxu.. . . .

Imbagħad insejna wkoll
għal xhiex ġejna u minn fejn tlaqna.

Alfred Grech.
Sao Martinho Deo Porto
12.11.2019

Sunday, 3 November 2019

Image result for clown in a circus


Abbissali.

Abissali tkun il-waqa’ ta dawk li joħolqu
l-għamliet, it-tixbiħat, l-imitazzjoni u d-dawrien.
Bħal blokka tal-konkrit
it-terremot fuq gżira żgħira
xħin tisplodi dil-bużżieqa
tal-ekonomija dejjem tikber
fgata bin-nies, bid-dħaħen bil-qatran u bis-siment.

Imbagħad jien u inti
ninġarru mar-riħ tal-isplużżjoni
bħall-weraq tal-ħarifa.
L-għaqal tagħna jkun dak biss
li nżommu għajnejna miftuħin
biex ma jeħodniex in-ngħas tal-loppju -
il-loppju tal-kotra -
jew l-alluċinazzjoni taċ-ċittadini
li jħobbu jgħidu li jobdu l-liġi u jżommu l-ordni.

U jekk jirnexxielna mqar daqshekk
inkunu rbaħna t-taqbida
tal-gladjaturi li sabu rwieħhom
f’nofs l-arena bla ma riedu,
Inkella nagħmlu ta’ bir-ruħna
li sirna buffi f’nofs ta' ċirku
u b’hekk inderru ftit id-dwejjaq
tagħna u ta’ min qed jarana.

Alfred Grech
02.11.2019

Saturday, 2 November 2019



Image result for pandora mythology

Jien Baħar Imqalleb.

Jien baħar imqalleb
Li jbiddeil-burdati
Skond l-ajru li jitla’.

Jien baħar ta’ ħafna xtut,
Kaxxa mimlija sorpiżi
Ff’idejn mara.

Inqum filgħodu qabel jiżbaħ
Biex inqiegħed ħsibijieti fuq l-ixkaffa
U nibda ngħix il-ħajja ta’ klulljum
Imgeddes ġo qartas.

Hawnhekk trid togħdos fl-ilma mdardar
 Fejn jgħumu l-klieb il-baħar
Li jirrifletti l-kwiekeb.

Alfred Grech
02/11/2019

Friday, 1 November 2019



Image result for seraphim

U Xorta Waħda

U xorta tibqa’ għaddej imqar jekk ruħħek
Intilfet f’dawn l-inħawi u f’dan il-misraħ
Qalb ħafna nies li minnhom ħadd ma jafek.

U xorta waħda tibqa’ għaddej tistaqsi
Min int ġo dan il-baħħ battal jirbombja
Sa jiżboq l-infinti marsus f’buiżżieqa.

U xorta waħda tibqa’ għaddej bil-ġwienaħ
Ta’ serafin bla lġiem u mingħajr numru
Bit-tifkiriet li jtiru mal-buffuri.

Alfred Grech
01-11-2019