Tuesday, 30 August 2016



Noqgħodu Ngħoddu l-Passi,

Noqgħodu ngħoddu l-passi,
il-passi tagħna t-tnejn
u mbagħad nibdew nistaqsu,
u dawn jibdew minn fejn?

Noqgħodu ngħoddu l-passi
fir-ramel tad-desert,
u nkomplu mbagħad nistaqsu,
u jwasslu dawn sa fejn?

Sa tiġi l-ewwel mewġa,
jew jibda’ jqum ir-riħ,
u milli għedna kollu,
duħħan, jew trid tinsieħ.

Noqgħodu ngħoddu l-passi,
infittxu l-frak tal-ħġieġ
fix-xtajta ta’ ħajjitna,
u naħslu wkoll kull ħmieġ.

U niflu waħda waħda,
ir-ramel u l-bebbux,
f’dix-xtajta ta’ ħajjitna

u nemmnu f’dak li mhux.

Alfred Grech
30-08-2016

Wednesday, 24 August 2016



Lil

L-ikbar vjaġġ li qatt għamilt
Biex nasal s’għandek
Imbagħad flewni għajnejk
U tlajt il-ġenna,
Għax inti sirt taf kollox x’hemm ġo fija.

Ma ġara xejn, ma fhimtx
Iżd’inti ħadtli kollox,
Ħaddtli wkoll, il-baħħ fejn kont nistaħba.

Ma ġara xejn li ma fhimt xejn
Għad taqra dak li nikteb.

Kont tgħid li qiegħda tfittex dik il-mara,
Il-mara li ridt tkun fl-adoloxxejnza.
Xħin ġejt teħodli b’idi
Idejk ħassejthom silġa.
Ma nafx jekk bqajt sibthiex
Lil dik li kont qed tfittex.

Għaliex kull darba qed taħrabli?

Alfred Grech
24/08/2016


Tuesday, 23 August 2016



Kont Hemm Int Dakinhar.

Kont hemm int dakinhar
Gwardjana tal-konfini
Xħin jiena qbiżt fid-dlam.

Kont hemm int dakinhar
Tistenna jiġi l-għada
Biex bħallikieku
Tipprova t-teorija.

F’pitazz li nżomm fil-but
Miktub kien il-ġejjieni,
U inti tlabtni wegħeda
Li biha nirriskatta
Id-dejn li ma stajtx nifdi.

Imbagħad hawn tlaqtni waħdi
Ma dal kurrent li ġarrni
Lejn l-għada tas-sorpriżi.

Biex ta’ kull darba nikkonferma
Li xejn ma nbidel.

Alfred Grech.

23/08/2016

Monday, 22 August 2016



Li Kieku m’Għandix Lilek.

Li kieku m’għandix lilek timbuttani
Sa ħdejk bil-krozzi lanqas jien se nasal;
Li kieku m’hemmx int tbejjet r-rikordji,
Jien ħsiebek lanqas issa m’għadu jkolli.

U jgħaddi ż-żmien u nibda’ nħares lura,
U nibda’ nsaqsi jekk tassew kontx jiena
Li nbdilt daqshekk inkella kienx ħaddieħor
Li ferrex iż-żerriegħa tad-draguni
U hawn sibt ruħi jiena.

Alfred Grech

22/08/2016

Saturday, 20 August 2016




Għannili għanja ġdida

Għannili għanja ġdida
U nħalli l-lejl jitkarrab,
Ħallini naqa’ f’ħoġrok
Għajjien daqs min imġarrab.

Ħallini nasal għandek
B’tal-jum il-piż imxabba',
Ma tkunx biss il-passjoni,
Għax tista’ tkun l-imħabba.

Mhux kliem vojt biss noffrilek,
Li jista’ wkoll joffendi,
Twassalni fejn twassalni
Jien xejn ma nippretendi.

Għannili għal darb'oħra
U nirkeb fuq id-dgħajsa,
Għad nerġa’ nibda nħobbok
U nagħmel kutrumbajsa.

Alfrred Grech
30/11/2014


Friday, 19 August 2016



Divin Jien Għad Nispiċċa.

Divin jien għad nispiċċa,
Xħin nirbaħ din id-dinja
Xħin naħrab lili nnifsi
Ġarraft ukoll il-binja.

Hekk biss jien nista’ nirbaħ
Il-jien u s-saram tiegħu,
Sirt naf li ma kontx jiena
Bit-toqol li jġib miegħu.

Hekk biss jien nista’ negħeleb
Id-dnub u s-sens ta’ ħtija,
Xħin nitlef din ix-xbieha
U l-maskra li nqum biha.

Ta’ dak li nġorr fuq dahri,
Li kien jew il-ġejjieni,
Insir malajr profeta
Ta’  dak li jagħmlek ħieni.

Bħal nemlu jgerrem ġebla
U jibqa’ bla jibdielu,
San-naħħa l-oħra jinfed
Bla jsaqsi, dan x’jiswielu.

Alfred  Grech
19/08/2016

Thursday, 18 August 2016



Le Din Mhijiex Biss Spinta.

U din mhijiex biss spinta kwalunkwista,
Li nżid il-ġugarelli ma li għandi,
Li nżid il-ħjut stirat f’tapezzerija,
U nagħmel kwadru sħiħ mudell ta’ ħajjti.

Din hija mbuttattura sa fejn tasal,
Is-saħħa tad-destin għal fuq ix-xifer,
Il-molla li tiskatta l-enerġija
Ta’ dak li jagħmel lili ngħix ta’ bniedem.

Le din mhix lista twila inkella lilek
Inżommok fuq l-idejn daqskieku oħti.
Mhijiex il-makna għaddejja ta’ moħħ ħieles
Biex ninsa’ lill-kullħadd minbarra lilek.

Alfred Grech

17/08/2016