Monday, 31 October 2016



Għax Qabdek it-Tferfir.

Għax qabdek it-tferfir u qed titfixkel,
Int għedtli li ma tafx kif qiegħeda tħossok,
Hassejt tal-kalamita ġibda kbira,
Ħassejt x’qed jimbuttak jew x’qed irossok.

Jien għedtlek, tinkwetax m’għandekx mniex tibża’
Għax jiena nħossha wkoll dis-sensazzjoni.
Jien xtaqt inżomm idejk ’mma f’daqqa waħda
Sibt ruħi ndur fid-dlam fil-konfużjoni.

Int għedtli jkun aħjar li nerġgħu lura,
Jien għedtlek, li qed tħoss mhux ħaġa b’oħra,
Kif qiegħeda tħossok int, inħossni jiena,
U nafu t-tnejn li konna hawnhekk darb’oħra.

Alfred Grech
31/10/2016




Hemm Min Jgħid Li Dan Żmien Moħli.

Hemm min jgħid li dan żmien moħli
Jew bħal bżieżaq tas-sapun,
Jew fid-dell ta’ qamar kwinta,
Kurżita’ ta’ dak li jkun.

Mill kaxxetta ta’ xewqati
Bħal xħin niftaħ portafoll,
Nibda’ nħarebx għanja ġdida,
Ta’ sirena fuq l-iskoll.

Hawn min staqsa jekk hux minnu,
Dan hux kollu simulat,
Hemm min qal din fissazzjoni,
Jew bħal ħolma tal-allat.

Kienet x’kienet r-raġuni,
Issa dawn il-vrus ħarbixt,
Jagħmlux sens, jew armonija
Jew tgerfixa li gerfixt.

Alfred Grech

31/10/2016

Saturday, 29 October 2016



U Xtaqtek Li Kont Għamja.

U xtaqtek li kont għamja
Bierx lanqas biss tarani,
U xtaqtek li kont truxa
Biex lanqas biss tismgħani.

Xħin kont quddiem il-mera
Kont hemm bid-dmugħ f’għajnejja,
Kont dgħajjef, kont bla maskra
Nistenna lilek ġejja.

Mall-qtar tax-xema tħallat
Id-dmugħ sakemm sar iebes,
U lanqas ħadd ma ntebaħ
Li lanqas biss kont liebes.

Alfred Grech

29/10/2016

Friday, 28 October 2016



Diffiċli Tqum Filgħodu.

Diffiċli tqum filgħodu
Biex tkompli fejn ħallejt,
Għaddejna minn triq oħra
U dorna dawra mejt.

Għax fejn ħallejt trid tkompli
U ma tibdiex mill-ġdid,
Għax ma kull min tiltaqa’
Ifakkrek bla ma trid.

Ma tafx għaliex il-biża’
U lanqas it-twerwir,
Tal-jum li għadu jibda’
Fid-dwejjaq u t-twegħir.

Xi ħadd irid għad jgħidlek
Kif taħrab it-taħwid
Ta’ din il-kobba mħabbla,
Fejn m’inti qatt is-sid.

Alfred Grech

28/10/2016

Wednesday, 26 October 2016



Indumu Biex Nintebħu.

Indumu biex nintebħu
Li dawn qed jidħku bina,
Għallmuna lkoll kif naħsbu
Għallmuna wkoll duttrina.

Għallmuna xhinu s-sewwa,
Rigal tal-ubbidjenza
Għalmuna nikkompetu
U nagħmlu d-differenza.

Għalmuna wkoll kif naħtfu
U nħarrbtu wirt ħaddieħor,
Sejjħuli dan negozju;
‘kk mhux serq dan, xi jkun l-ieħor?

Indumu biex nintebħu
Li rridu mmorru lura
Nibdew bil-kontra naħsbu
Ukoll jekk ma fihx sura.

Nibdew indawwru kontra,
Noħorġu minn ġol-kaxxa,
U t-tyorri li fih konna
Malajr fix-xejn jisfaxxa.

Ħa jħarsu lejna bl-ikraħ
Daqskieku ereżjarki
Minn tagħhom xejn rridu
U lanqas bżonn il-marki.

Alfred Grech

26/10/2016

Tuesday, 25 October 2016


Insejna r-Ritmi.

Insejna r-ritmi, insejna wkoll it-tnabar
Li bihom konna naslu fuq ix-xifer.
Insejna l-għana  bikri ta’ kull ħlejjqa
Li kull filgħodu tgħanni l-ferħ tal-għada.

Mhuwiex le dan il-jum li fih niltaqgħu,
Xħin bdejt inħoll l-irbit li jista’ jżommni
Hawnhekk mal-moll bħad-dagħjjes irmiġġjati
U nibqa’ tiela’ u nieżel fuq wiċċ l-ilma.

Xi minn daqqiet int taf taqtagħli nifsi
Bħal xmara li tinvadi b’mod sottili,
U tgħarraq il-pjanuri fejn jien nimraħ
Fuq l-orizzont iseħħ nawfraġju ieħor.

Kif tista’ tiżradika minn għeruqħa
Dil-qalb, li għada tħossha li mhix lesta?

Alfred Grech
25/10/2016



Monday, 24 October 2016



Kull Meta Jiġri Bħalma Ġrali l-Lejla.

Kull meta jiġri bħalma ġrali llejla
Li lanqas saħħa naħseb ma baqgħali,
Inkun sirt qisnu dak id-dekasteru
Li nħoloq biex ineħħi l-ħafna dwejjaq
Ta’ dekasteri oħra u żiedhom aktar.

Kull meta jiġri bħalma ġrali llejla
Li lanqas saħħa naħseb ma baqgħali,
Niftakar fl-għana li kont tħobb tgħannili
U nsir il-kantawtur mingħajr kitarra.

Kull meta jiġri bħalma ġrali llejla
Li lanqas saħħa naħseb ma baqgħali,
Insir dak ir-ribelli zgħir u ċkejken
Li jaħraq miċċa u f’salt iqanqal gwerra.

Kull meta jiġri bħal ma ġrali llejla
Għax hemm xi ħaġa fija l’ilha mejta.

Alfred Grech
24/10/2016