Saturday, 27 May 2017



127.

Xħin bdejt naqrak fhimt sew għax hemm xi ħaġa
Li tgħaqqadna. Hemm skiet, hemm sliem, hemm lemħa,
Hemm daqqa t’għajn minn taħt ta’ min jaf kollox,
Lingwaġġ li jifhmu biss min hu poeta.
Għax f’daqqa waħda n-nies ma tridx tinftiehem.
Għax f’daqqa waħda saret bla raġuni,
Għax f’daqqa waħda qamet konfużjoni.
Hemm fil irqir ħarir li lanqas jidher
Li tħossu biss bħar-riħ li jgħaqqad kollox,
Ukoll jekk minti xejn, mhux ħlief tqanqila
Li jagħmel bugħaddas xħin jinżel l-isfel
Sakemm kull nifs isir artifiġajali.
Xħin bdejt naqrak jien stħajt għax fhimt, xi ħaġa,
Ukoll jekk ma kontx naf int x’qiegħeda tgħidli.


27/05/2017

Friday, 26 May 2017



126.

Ħallini ħa nisimgħek sbejjħa tgħanni
Li bħali ta’ kulljum il-fehema tiegħek
Tħobb tberraħ biex tiżvojta l-paradossi
Li tara jseħħu bla ma taf tfissirhom.
Għax ħielsa u ferriħija l-għanja tiegħek
Li togħola ’l-fuq mis-sħab bla ma titniġġes
Min nugrufun tal-kontra pożizzjoni
U ssir bħal sinfonija twila, twila.
Għax bħalek jien irrid ħelsien infittex
Il-bogħod mir-rbit tal-polariżżazzjoni
U nnaqqx niċċa fl-eteru nviżibbli
Mingħajr ma nħabbel rasi jekk hux nogħoġob
Lil dak, lil dik  u ndejjaq lil ħaddieħor.
Hekk bħal profeta nsib l-isopazju tiegħi.

Alfred Grech
26/05/2017

Wednesday, 24 May 2017


Int Poeta tal-Penumbra

Int poeta tal-penumbra,
Ħaduhom kollha l-ward li ġejt biex taqta’,
Inkella li saħħruk matul il-mixja.
Poeta tad-dellijiet,
Il-ħin kien sar u inti bqajt ma ntbaħtx
Li ż-żmien kien għadda.
Bqajt ma stenbaħtx
Mad-daqq tat-trombi u l-ħoss tas-sentinella.
Issa tixxennaq xejn,
Fuq l-andar li wileġ iwitti
Is-sħana tax-xemx taħraq ġild il-midneb,
Inti tibqa’ wild qadim jew il-barrani.
Issa, li tista’ tagħmel hu
Li taqbad bħal pittur pinzell u tila
U tibda tpitter.

Alfred Grech

24/05/2017


F’Dan id-Dagħbien Igerwel.

F’dan id-dagħbien igerwel ta’ wiċċ b’ieħor
Tixrid ta’ dmugħ tal-kukkudrilli u krib isteriku ta’ żmien il-melodrama
Sabiex kulħadd jinġarr f’dak it-tidwir tal-uragan frenetiku,
Ta’ għatx klubi u inuman għas-setgħa li mhija xejn
Għajr il-mod ġdid kif twelled il-mostri u l-marjunetti,
Int ja poeżija! Inti fejn hu postok?
X’jagħmel il-poeta mans u ġwejjed
Li jibda jħares lejħ innifsu bħal fil-mera
U jara x-xejn,
U jara l-blugħa ta’ fidi falza
Ta pseudoġurnaliżmu tal-klieb tal-but
Jisker fil-ħelsien tal-espressjoni li huwa assurd,
Abbużat, esaġerat u fuq kollox, manipulat?
Jien naqbad triq bejn xagħri u raba’, bejn sema u art
Li twassal sax-xtut imtarrfa
Inkella sax-xifer tal-irdum fejn dejjem sibtni
Biex noqgħod nilgħab logħob ta’ sogru
Bejn taqa’ u ma taqax
Inħożż kull ħsieb li jiġi fl-arja
Jew nonfoħ bżieżaq tas-sapun
Biex nemmen, li din ukoll hi poeżija.

Alfred Grech

24/05/2017

Tuesday, 23 May 2017





Il-Kliem Kien Bħa-Żunżan.

Il-kliem kien bħaż-żunżan idur mal-bozza
dawrien mistħajjel  ċrieki intellettali
dawrien fil-vojt  li dak li jkun jidejjaq.
Int tħares lejja għax mingħalik taf kollox
u taf ukoll x’inhu għaddej minn moħħi,
x’irrid, u rrid dak kollu li xtaqt inti.
Għadek ma tafx, bejnietna hemm kjażmu jkexkex
hemm qabża li mhi xejn  hi varjazzjoni
tal-baħħ fejn timraħ  biss is-sensazzjoni.
Int taħseb li fhimt kollox u fhimt lili
u ma tistax tniżżilha għax reġa’ bdieli
u taħlef li ltqajt miegħi kemm il-darba
li tbassar fil-ġejjieni x’nista’ naħseb.
Li kieku kont sirena biex tħajjarni
jien kont mal-arblu l-kbir marbut tal mirkeb
kurjuż biex noqgħod nisma’ l-għana tiegħek
u ħadt għalik xħin jien ma bqajtx nisimgħek.
Lil dak tawħ premju kbir għax ħadd ma fehemu.
Jien lanqas biss ma nifhem lili nnifsi.

Alfred Grech

23/05/2017

Monday, 22 May 2017



Inħares, Ma Naħsinx.

Inħares, ma naħsibx, u nibda’ nistħi,
Ribelli għal ftit żmien għax reġa bdieli,
Imbagħad inċedi l-armi xħin iberraq
U nsir alliev ta’ Bakku f’għalqa dwieli.

Kuntrarjament għalfejn kulħadd kien miexi,
F’dil-marċjafunebri b’għajnejn magħluqa,
Bl-isturdament li toffri kull sorpriża
Fil-baħħ taż-żiffa u fuq is-sħab li jsuqha.

Aġent provokatur minn fuq il-pulptu,
Li ma jkunx hemm ħaddieħor ġewwa l-folla;
Għalhekk ħriġt kemm il-darba mill-filliera,
U l-kantunieri mdallma dorthom kollha.

Biex fl-aħħar tlajt hawn fuq il-quċċata,
Kulljum min-naħħa għall-oħra, kwalunkwista.
Int lanqas hemm għalfejn tkun taf min jiena,
Intir fuq żiffa riħ, ekwilibrista.

Alfred Grech

22/05/2017

Saturday, 20 May 2017



Lil Frenċ Tal-Għarb
(F’għeluq il-Ħamsin Sena mill-Mewt Tiegħu)

Ngħanniha din l-għanja li ħierġa minn qalbi
Ngħanniha, ntenniha u magħkom nithenna,
Fir-raħal fejn twieled u għammar ma niesu
Ta’ dir-ruħ qaddisa li llum qiegħda l-ġenna.

Ngħanniha minn qalbi u nsellem tislima
F’għeluq nofs is-seklu, minn mewtu t-tifkira
Tal-bniedrem li fejjaq u saħħar b’imġiebtu,
Eżempju nisrani f’dil ħajja qasira.

Iseddaq twemminu u ħajjtu fil-fidi
Ta’ Kristu fis-sema. ma ommHu ħanina,
Madonna ta’ Pinu, li taħt il-mant tagħha
Kien jishar u jitlob biex tidħol għalina.

Kien umli, kien raħli u tgħallem ftit skola,
Għax ħajjtu fir-raba’ fuq l-andar u l-qiegħha,
Ħidmietu meħtieġa biex tgħix il-familja,
Hekk Alla jipprovdi, x’hemm nieqes mill-bqija?

Mistenni mill-maġbra li ħolqot teatru
Kien bniedem ferrieħi, kien jiġbor madwaru
Ta’ rikreazzjoni kien jiftaħ siparju
Fl-azzjoni Katt’lka u nies tisma’ ħbaru.

Fil-bini tal-maqdes fejn qabel kappella,
Fejn kellmet lix-xbejba s-Sultana tas-sema
Fil-leħen li dewa’ sal-ibgħat fruntiera
Li dawwal ’l-bosta u qanqal ’l-ġemgħa.

Fil-bini tal-Maqdes tal-knisja Ta’ Pinu
Iwieżen minn butu u l-bini jittella’,
Jew jagħmel xi ġabra mar-rettur Dun Portelli
Dan Frenċ kien pilastru, għalih Frenċ kien spalla.

Imbagħad f’daqqa ntebaħ bid-don li taħ Alla
Li jfejjaq ’l-morda, biex jimla’ bit-tama
Lil min fettex  lilu b’kunsilli ta’ ħlewwa
Biex ħajjtu tinbidel, ma jgħix aktar fil-għama.

U jfejjaq ’l-morda u jtaffi kull weġgħa
U jdewwi ’lmin marad u jsewwi kull dnewwa
Kull saram, kull biża’, kull min resaq qribu
Kliem sieber dan kellu li jixhed is-sewwa.

U jderri ’l min talbu juriħ triq id-dritta
Li tfejjaq, li tfarraġ li twassal għas-sewwa
L-uġih kien itaffi, tal-bosta li jiġu,
Fir-ruħ u fil-ġisem u jwarrab kull dnewwa.

Fejn għex ħajjtu kollha fil-wens u fil-ġabra
F’remissa fi trejqa li tiġi qrib daru,
Tal-knisja, ta’ ħutu, man-nies f’qalb ir-raħal,
Ifejjaq, iferraħ lil dawk ta’ madwarhu.

Aktarx kienet l-għira jew kienet il-biża’
Ta’ min jidħol fl-għalqa tal-mediċinali,
U hemm jikkompeti fil-qliegħ u fil-bqija
U jkun fil-mogħodija tal-professjonali,

Li kaxkar lil Frenċ sa fuq l-għatba tal-Qorti
Għax ħaseb li minnu ried jagħmel ġustizzja,
Għax ħaseb li seta’ jinqeda bil-liġi
U jwaqqaf missjoni u lilu jivvizzja.

Għax hekk dejjem jiġri kull meta jiltaqgħu
L-Istat li jrid l-Ordni, biex jagħmel spettaklu,
Ma s-setgha Divina li taħdem fil-bniedem,
Titkellem weħidha u tara l-mirakli.

Għax hekk dejjem jiġri kull meta r-raġuni
La taf u la tifhem lilhinn milli tara,
Ma tħossx l’hemm il-qawwa u s-saħħa fl-ispirtu
Li ġġedded u tbniddel u tkaxkar bħal xmara.

Għax hekk dejjem ġara, għax l-aqwa tagħlima
Taghielna żmien ilu l-feddej  Ġesu’ Kristu
Li ssallab fil-biża’ tas-setgħa dinjija
Fidejn dawk li wewwxu u bagħu jinsistu.

’Mma l-qawwa tas-sema m’hemm ħadd li jifqilha
Għax Frenċ obda l-liġi ’mma nies baqgħet ġejja
Għax waqgħu weħidhom is-swar, barrikati
Għax kienet mixtieqa ħidmietu feddejja.

Għalhekk hawn miġbura f’dal-misraħ il-lejla,
Lil din miġemgħa ejj’ nagħtu tifsira,
Tifħir, ġieħ u għżża, lil dar-raġel ġwejjed,
Għakemm iż-żmien jaħrab trid tibqa’ t-tifkira.

Għax ħajjtu bħal mera, daqs bijografija,
Iż-żmien jgħaddi jiġri ’mma tibqa t-tislima,
U jibqa’ jiftakru bħal għaref u sewwa
Dal-poplu li jemmen, fil-fidi u bil-qima.

U jgħaddi kemm jgħaddi z-zmiern tibqa’ ħuġġieġa
L-imġabba li xerred lejn Ommna Ħanina,
It-talb tagħna tisma’xi grazzja taqlagħlna
Hemm int Frenċ tal-Għarb dejjem tidħol għalina.

Alfred Grech
Mejju 2017