Friday, 5 January 2018



Naiad.

Bħal kalamita’ nħossok, tiġbed bla ma terħi.
Jien qed narak, naqrak daqskemm kont ħajja
daqs meta kont titkellem b’leħen bħal għoli
sibilla mqadda li għeddejtu żmienek
titgħajjar, timbex, tħammeġ u tiżvina,
Ukoll jekk jien ma nafx minn fejn int qiegħeda
tilmaħni u taqra mqar sal-ħsieb ta’ moħħi,  
jien qed narak u miegħek qed nitkellem
u inti lanqas tista’ twieġeb lura
għaliex tar-rand il fwieħa li kont terħi
taret mal-irwiefen,
Trab issa sirt, duħħan minn ġoċ-ċumnija.
Kliemek jirbombja daqs tambur fil-beraħ
trehid li m’għadu jħalli l-ebda rima
int lanqas tista tlissen kelma waħda
u l-ebda għarbiel ma jesgħa l-frugħa tiegħek
daqskemm kull sillaba alfabetika li setgħet
ittenni ismek.
U jiena bqajt hawnhekk sabiex intenni
dak l’innu fgat ta’ min iħossu ħieles.

Alfred Grech
05/01/2018



Ħolm.
Talinqas naf li l-ħolm evanexxenti
Għalkemm hu realta’ li mmis b’idejja
Tal-midja spurja u mhux bil-fors temminha
Għax qatt ma taf għal-xhiex u min fejn  ġejja.

Alfred Grech

04/02/2018

Tuesday, 2 January 2018



Fil-Baħħ Ta’ kull Misteru.

M’hemm xejn li jreġġek lura
Għal dak il baħħ u x-xejn,
Is-skiet sar jostor kollox
Trid tinfed, imma mnejn?

Ġejt  hawn biex tisma’ leħni
Stgħaġibt xħin sibt is-skiet
Għax leħni tar mar-rwiefen
U mar mat-tifkiriet.

Das skiet u x-xejn ta’ kollox
Ġo ċella bl-umdita’
Dan hu biss simulakru
Fid-dlam, fl-oskurita’.

Int għad tifhimha bħali
Is-skiet mhux se jsalvak
Is-skiet ibiddlek aktar
Fil-baħar tal-opak.

Xħin bdejna t-tnejn nitkellmu
Għax bqajna ma ftehmniex
U sibna li kull kelma
Għalina ma tiswiex,

Jien bqajt nissemma lilek
Xi ngħid ma baqgħalix,
Int tisma’ u int titkellem
Tweġiba ma kellix.

Fil-baħħ ta’ kull misteru,
Hemm biss it-trufijiet,
L-assurdita’ tal-ħajja
U l-ġrajja li għaddiet.

Alfred Grech
02/01/2018


Sunday, 31 December 2017



Nagħlqu L-Bieb.

U nagħlqu l-bieb għal dan ir-repertorju
ta’ taqlibiet ta’ dak li nħass tassew biex jibqgħu biss  
l-effervexxenza ta’ ragħwa u bżiezeq jibbrillaw
u jfaqqgħu f’wiċċċ it-tazzi tax-xampanja.
Irridu nibqgħu għaddejjin f’dal-vjaġġ bla ritmu
sakemm insibu l-oasi li jmiss
jew l-istazzjon tal-ferrovija
u ngħoddsu t-tnejn mill-ġdid fil-baħar tal misteri
biex niġbru l-frott li jixirqilna.
Int oqgħod hawn stenieni fuq dil-blata
għax jien għad niġi ħdejk bil-qabda l-kbira,
Jien nerġa’ nduq tingiż is-sensazzjoni
u int tnewwili l-platt taz-zalza taħraq.
Għalina jista’ jinżel għal darb’oħra
tas-sena li għaddiet separju ieħor
biex fuq il-friex tal ferħ u s-sagrifiċċju
nindifnu mal katarvri ta’ ħajjitna.

Alfred Grech
31/12/2017



Thursday, 28 December 2017



Ċpar.

Il-lejla waqa’ ċ-ċpar tad-dnub bejnietna,
Xħin tistedinni bdejt biex nidħol aktar
Il-ġewwa qalb il ħmura ta’ fl-għaxija,
Fejn hemm il qtigh in-nifs tal-għera t’għada.
Int xtaqtni wkoll nintilef fil-misteri
U d-dubbji li tħallili r-rima tiegħek,
Duħħan li jġorr ir-riħa tal-passsjoni
Duħħan l-irdum fit-tarf ta’ xifer minsi.
Ma jiġri xejn jekk nidħol għal darb’oħra
fix-xejn tas-sensazzjoni u l-irtubija.
Il-molla li tikkarga ragħad u beraq
Hi terremot lilhinn mix-xefaq tiegħi.
Kull meta tgħid li mqar trid tisma’ leħni
Inħossni tiela’ l-fuq u nieżek l-isfel
fl-intensit’ tiddennes fiċ-ċpar tiegħek.

Alfred Grech

29/12/2017

Joħolmu L-Ippopotami.

Joħolmu l-ippopotami u jinżlu jirgħu l-anġli
F’din l-għadira t’ilma qiegħed
Fejn int u jien noqgħodu nirriflettu
X-xbieha antika taghna stess
U nitpaxxew b’dak li naraw
Inkella bli jgħidulna dawk li jindukrawna.

Bħal ward ilellexqrib it-tarf
Mnejn jgħaddi l-ilma rifreskanti
Noqgħodu nishru f’dan il-wied tat-tempji
U mbagħad nitħassru lilna nfusna jew nitħassbu
Fuq il-misteri katalogati.

Bħal kewkba inti tpetpet u lanqas trid titħarrek.

Xi minn daqqiet ibillu griżmejhom iċ-ċentawri
Li jitfaċċaw mill-boskijiet mudlama
Biex jagħllmuna kif infiequ
Mill-weġgħa ta’ kulljum,
Inkella nagħarfu ngħixu biha
U b’hekk insiru għorrief inkella mitoloġiċi
Wisq iktar milli aħna.

U xorta waħda jitfaċċaw il-kukkudrilli
Lesti jibilgħu il-ħrejjef li jħarrfu dawk tas-setgħa
U għax aħna mansi fi drawwietna u f-dak li nemmnu
Jiċċirkundawna biex nidħlu aħna wkoll fil-merħla tagħhom.

Wara dawk il-par għajnejn u l-par xofftejn
Mhemm xejn, hemm univers mistur.
Jien ridt inkun bħal warda li tiċċassa
Imsammar maż-żegliga li tiżżegleg
kull meta lejja tersaq
b’xufftejk imbexxqa.

Alfred Grech

28/12/2017

Wednesday, 27 December 2017



135.

Ħajjartek biex flimkien inkebbsu l-fjamma.
Int għedtli li hawnhekk kullħadd ikebbes
In-nar tiegħu. Il-ksieħ jiffriża kollox,
U jmewwet it-tamiet ta’ bosk iħaddar.
Illum erġajt ilmaħt ix-xbieha tiegħek
U deherli li sirt isbaħ minn kif nafek,
Minn meta mort staħbejt fiċ-ċpar tal-għada,
Bdejt tgħib qalb id-duħħan ta’ li staqsejtni.
Kont għedt jien raġel stramb u jien ħassejtni
Qed negħereq fid-dagħbien li hemm fil-mera.
Imbagħad ġejt wiċċ imb’wiċċ mal-fehema tiegħek,
U sibt il-qiegħ, sibt qiegħ fond aktar minnu.
Fil-bogħod li hemm bejnietna x’seta’ nbidel?
Hux int, inkella l-mod kif bdejt inħares.

Alfred Grech

27/12/2017