Friday, 15 February 2019


Image result for urbanisation of malta

M’hemmx Bżonn Aktar Tas-Sema.


U kien hemm Zeus li beda jinbgħat il-beraq u s-sajjetti
u aħna na ltwejniex
u tlabniek li tibgħat l-ispirtu tiegħek biex huma jinħalqu
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art bħalma l-ġiganti
tat-towercranes u tal-buldozers
u l-barunijiet tal kapital miġmugħ
tal-kapital misluf
tal-kapital efimeru
qiegħdein ibiddlu l-wiċċ ta’ dawn il-gżejjer.
U magħhom jiggranfaw
dawk ta’ mingħajr spina dorsali.
il-gwejjda li qatt ma raw flus f’ħajjithom.
inkella dawk li jsejjħu lilhom infushom il-gwardjani
tal-wirt u l-patrimonju ta’ ħaddieħor
u magħhom dawk li jmexxu u jikkmandaw mingħajr mandat
bħal majunetti misjuqin mill-ispag ta’ min hu
tassew bla sinsla.
Imqar jien l-ispettatur il-ħati
tal-vini mblukkati
li jħallat id-demma mal-għaraq ta ġbin dawk li batew
u ġew qabilna li tawna dak li għandna bqajt hawn
nibni jien ukoll il-kastelli tar-ramel
fuq din ix-xtajta solitarja
nikkunsidrahom tilgħin, jinbnew wieħed wara l-ieħor
il grattaċjeli tal-blugħa u tal-frugħa u tal-isfidi
bħal dik is-siġra ta’ mitt sular.

U jien noqgħod hawn inħares lejhom
bħal min iħares lejn xi ħaġa li ħarġet minn xi ħrafa
inkella xi tiżjina li hi barra minn lokha
bħallikieku kien xi taraġ jew axxensur
li jwasslu lejna is-sema.
Intant inħares lejn il bini li hu tiela’
li qed joqrob lejn is-sema, qisu li wara dan is-siment
u dan il-ġebel kollu
lanqas hemm bżonn aktar tas-sema


Alfred Grech
16.02.2019








Image result for virgins that light the olympic fire
F’Jum Il-Maħbubin.

Jista’ jkun ukoll li ridt iżomma tixgħel
Il-fjamma li kienu xegħelu l-verġni  vestali
Mit-tempju tal-allat fuq l-għolja ta’ olimpu,
U jista’ jkun ukoll li kienet hemm minn dejjem
Tirrifletti x-xemx mistħajjla
U bis-sħana illużorja kont inħossni li qed qribek.

U kienet illużorja wkoll ix-xrara li kont tkebbes
sabiex iżomni ħaj imqar jum ieħor.
Iżda llum, f’jum il-maħbubin ridt nagħmel bħal-ħaddieħor
Ridt nagħmel kapriċċija u nikiblek poeżija
U nistiednek fi ġnien l-Għeden
It-tnejn li aħna Inħarsu f’għajnejn xulxin
U bit-tbissima nistħajjlu t-tnejn li aħna
Li għadna verġni
Li għadna minghajr tebgħa
Inkella li kull dnub li qatt għamilna issa nħafer
U li din it-tferira li tgħaddi minn ġox-xewka ta’ daharna
Iġġiegħelna nħobbu lil xulxin
U hekk inkunu sibna stil ġdid ta’ ħajja
l-istil tagħna tal-ħolm li t-tnejn noħolmu
ittrapjantat minn dak li dak li qiegħed jiġri.

Alfred Grech
14/02/2019


Thursday, 14 February 2019






Int Ma Titkellem Qatt.

Ma Nafx  jiniex infisser ruħi sew
Imm’int ġejt hawn tbiddilli r-rima
F’għajnejk ilmaħt il-leħħa
Li għanda minn tal-beraq.

Ma nafx kif qed inħossni
Inħossni rrid nisfida
Iżd’int mintix biss sfida għalija
Lanqas  xi annimal domestikat
Li nħobb ninbex inkella nitpġaxxa
Bil-fattizzi tiegħu.

Int ma titkellem qatt
Iżda jiena nħossok
U naf li f’idejn skultur famuż
It-tafal jiehħu lewn sbuħitek.

Alfred Grech
14 ta’ Frar 2019
Giorno di San Valentino.

Wednesday, 13 February 2019

Image result for l-aqwa zmien

Għax Emmint f’din Malta Ġdida.

Għax jien emmint f’din Malta ġdida
Li reġgħet irxuxtat min qalb l-eklissi
Xhin il-Maltin bi ħġarhom marru fil-
Kamra jivvutaw
u ġiet bħal mewġa ġdida u kbira
Issa mingħalina lħaqna l-qofol tal-aqwa żmien
Ġiet mewġa għolja wisq, l-ogħla waħda
Li għollietna mas-seba’ smewwiet,
li firditna mil-imgħoddi mbikkem tagħna.

Għax jien emmint fil-fewġa l-ġdida
Li bdiet tonfħilna min-naħħa tal-punent,
Bil-ħsieb li issa stajna naqdfu f’baħar wieħed
baħar l-indafa
Inkella nsibu n-niċċa kollha deheb u fidda
bħal dik tal-qaddisin.

Iżda bil-ftit il-ftit nintebħu bdejna,
li dan ma kien il-kolp qawwi xejn
ma kienx il-kolp li saqna
Lejn il-mergħat iħaddru inkella lil hinn min nzul ix- xemx,
Iżda dan kien dawra mejt
Din kient biss valanqa
ma kienet mewġa xejn
U bħal kull valanga
Tiġi biex tirkeb u teqred u tiknes magħha
u tħalli biss il-ħerba fejn tkun għaddiet.

U issa waqafna, għax għadna kif sternbaħna
U għad irridu niġuf'sensina sew
Wara dir-raqda fit-tul, ir-raqda tas-sekli.

U għad baqagħalna mhux ftit
biex tassew nintebħu x’inhu jiġri
Biex noħorġu mill-belt il-qadima
U nsibi tassew it-triq tal-ħelsien.

Alfred Grech
13/02/2019

Tuesday, 12 February 2019


Image result for distopia

Għad Jiġi Żmien.

Għad jiġi żmien u mhux fil-bogħod
li ma tistaqsinix aktar
jekk jiniex ġej u trid tagħmilha t’anġlu u ta xitan
biex tifhem il frażeġġ tat-taħbiriet li għandhom
minn tal qawsalla u l-frakass  li jħalli wrajħ
id-diskors ta’ nhar ta-ħadd minn fuq ir-rtadju
inkella ġo xi ħażin tal-periferija fejn min jippriedka
jippriedka għal dawk li huma kkonvertiti.

U trid tassew tkun trasparenti daqs nixxiegħa t’ilma safi
biex tifhem kliem is-serpent jitmiegħek fil-ħmieġ tal-art
li xi wħud isejjħulu l-korruzzjoni.
Mil-bqija tiġġerra qalb it-toroq ta’ dar-rħula
u dawn l-ibliet issikkati u kkalzrati bħal ħabsin inkatenati
u ffullati sa ruħ ommhom qalb l-uċuħ itturfnati
aljenati, u ċċassati li lanqas biss għadhom jingħarfu
għaliex moħħom s’hemm iwassal
u tittallab għal ftit ilma u għal ftit  beraq ta’ bla ħoss
li jirbombjaw fil fond bla qiegħ tal baħħ ma jinħafirx.
Bqajt ma sibt ebda tweġiba.

Jiena l-iblaħ tat-tarokki nippasiġġa u saħansitra
nisfen f’tarf il-preċipizzju
nittallab merżuq dawl inkella xi xintilla
ta’ ferh u ta’ tgawdija f’dan il-wied ta’ taħt l-irdum
minn dawn il-qlub imxebba fl-affluwenza,
inkella aljenazzjoni oħra ta’ did-dinja u kull ma fiha
qed iwiegħdu sabiex fl-aħħar nibda ngħid
li tassew dan hu ħelsien.

In-nies għaddejja u tibqa’ għaddejja
purċissjoni mingħajr tmiem, mingħajr lanqas taf fejn sejjra
nkella tfittex il-ħrafa tal ħoqien fil-konfini tal-Ġnien tal-Għeden
manipulati mill-mezzi tat-tagħlim u tax-xandir ta’ min ghandu l-akbar setgħa
ta’ min jiflaħ l-aktar jigdeb.

Sensazzjoni waħda baqgħali:
li żbaljajt kollox.

Alfred Grech
12/02/2019.


































Monday, 11 February 2019



Jien Noqgħod il-Bogħod Minnek.

Jien noqgħod il-bogħod minnek
mhux għax ma nħobbokx inkella reġa’ bdieli,
Iżda għaliex irrid nibqa’ nviżibbli sa nsir
saħansitra mmortali għal dak li jgħidu n-nies,
Għaliex fil-ħabi tiegħi inti tibqa’ sħaba
u qatt ma tinżel fl-art
bħalma jagħmlu l-anġli tas-smewwiet,
sħaba bajda tgħatti x-xemx u tisfida
l-isplendur tagħha.
Hemm xemx illuminanti li ma tidhirx
u lanqas tixfrex ir-raġġi tagħha.
U hemm alla tas-skiet, tal-immanenza,
li bħal kompożitur tal-melodija
ried jibqa’ mhux magħruf.
Jien irrid inkun dak il-poeta
li niktiblek dawn il-versi
li ma jgħoddu xejn u xejn ma jfissru
biex int fil-baħħ tax-xejna u l-inviżibbli
tiġbor il-ħjut li lilna jagħtu
l-inkwadratura li tixirqilna,

Noqgħod il bogħod minnek
sabiex imqar f’din id-distanza
u f’dan is-skiet etern ta’ din il-ħemda
tintebaħ kemm jien stramb inkella
insibu l-mod kif nerġgħu nirxuxtaw
din l-imħabba kbira
il bogħod mill-għajjat tal-folla
il-bogħod mis-simulazzjoni
u l-ħafna tagħlim fieragħ ta’ kif
għandna nagħmlu, x’għandna naħsbu
x’għandna ngħidu u kif għandna nġibu ruħna
xħin inkunu ma xulxin

Alfred Grech
11/02/2019




Kull Meta Nqum Filgħodu.

Kull meta nqum fil-għodu
Nintefa’ nħares lejn l-iskrin
Ma jkunx għaliex xi darba kont kurjuż
Jew ridt nitgħallem ngħodd mill-ġdid,
Iżda, sabiex nimblokka l-ħsieb
U nibqa’ bla ma naħseb.
Għaliex kull ħsieb tellief,
Kull mistoqsija kapriċċjuża,
U kull skuża velenuża
Hi fiergħa u ma tikkonvinċix
Iġiegħek biss biex
Ta kulljum tkompli tixrob il-velenu.

Insib li ta’ kull darba nidħaq qiegħed bija nnifsi
Ma jiswa’ xejn li nibqa’ nrambal din il-blata
U  nagħmel parodija minn xenarju
Għaliex kull profezija li għamilt
Qiegħeda sseħħ bil-ftit il-ftit
Isseħħ qiegħda ta’ kull jum
U tkompli sseħħ għal kemm il-darba mqar għal dejjem.
Imqar jekk fl-aħħar tiġi tgħidli
Li hemm int isserraħ fuqi.

Alfred Grech
11/02/2019