Friday, 7 October 2016



Wara L-Ewwel Kolp.

Wara l-ewwel kolp issibek qiegħed togħodos
U d-dlam li jgħaddi minn quddiemek
Hu biss il-mossa f’waqtha
Biex terġa’ tiġi f’sikktek.
Jien naf li minn daqqiet nitbiegħed sew mill-mewġa
Li wasslitni fejn kelli nasal
U nidħol pront fis-skiet
T’għerien id-dlamijiet ta’ dari.
Tistħajjek rieġa nieżel bħal Orfew fl-infern
Tfittex lil Euridiċe,
U terġa’ mill-ġdid titla’ biex titlifha
Xħin tasal fil-wiċċ.
Għalhekk dil-ħolma tturmentata sejra tibqa’ tirritorna
Sakemm indum f’sensija.

Alfred Grech

07/10/2016

Wednesday, 5 October 2016



Felli Mfellel*

Felli mfellel tal-bettieħa,
Ruġjada fuq il-windskrin tal-karozza qamar ottubru
Li jibki l-moħħ qasir tal-ħamla l-kbira
Megħdija tgħożż l-iħirsa li jsostnuha fil-ġenn t’għemilha.
Kull xintilla li tgħaddi sbirixx
Taħsibha kewkba feġġa ta’ tamiet
Iżda bħal kewkba feġġa trid tintilef
Fil-qilla ta’ dlam il-lejl li jaħtaf kollox.
Il-frilli ħsibijiet imperrċa
Mal-pal tal-bajtar tax-xewk.
Ix-xarabank li tgħaddi min kull stazzjon
Ta’ ħajjet il-werqa m’gandiex il-ħin li tieqaf.
U tibqa’ għaddejja bla ma ssellem
Lilll-aljenat ifittex pjattoforma.
Ir-riħ li jisfidani qajjem irvell sħiħ ġo fija
Għaliex qajjimni minn dir-raqda
Li bħal kullħadd kont komdu fiha,
U mbagħad bħal fatta nibda nifhem
Għaliex dak li ngħid jien qatt m’huwa tajjeb.

Alfred Grech
06/10/2016.


*Din il-poeżija nkitbet wara li ġejt infurmat li l-Editur ta’ Il Ħajja F’Għawdex beża’ jippublika artiklu li jien għaddjetlu għal dik ir-ivista.


Għal Dejjem Ta' Dejjem.

X’għajb, xi dwejjaq li naf li qiegħed fihom
fil-logħoba li tintlagħab fil-baħħ ta’ moħħi,
xħin naf li qiegħed nagħmel bħal ħaddieħor
u naf li hawn kont qiegħed ħafna drabi.
Xi dwejjaq, li biex ngħaraf lili nnifsi
minn qabel irrid naf li qiegħed nagħmel
kif jagħmel qed kullħadd. Nistgħad bil-qasba,
biex nara jekk naqbadx din l-emozzjoni
li mhix qed hemm, inkella momentarja.
Kont ħsibt li ġġib il ferħ u l-kuntentizza
u l’ issa d-dinja setgħet tieqaf taħseb
fli ġej, fli kien u hekk inkunu dħalna
fil-kwadru mmakulat ta’ din il-ġrajja
sabiex hemm nibqgħu, għal dejjem ta’ dejjem.

Alfred Grech.

05/10/2016

Tuesday, 4 October 2016



Waqfet il-Ferrovija.

Il-ferrovija waqfet,
Xort’oħra tkompli l-ġrajja,
Jien ġejt, eġpajt, f’sensija,
Dan hu stazzjon tal-ħajja.

Iżda:
Ħallejtlek dawn il-versi
Xi ftit tal-poeżija
Jagħmlulek kumpanija
Bħal wens ta’ filgħaxija
Biex taħseb xi ftit fija
F’dawk sninek l-imgħoddija
Xħin ħajjtek wiegħedt għalija
Ħallejt malinkonija
Għax issa ma ħaddieħor.

Ħallejtlek dawn il-versi
Xħin waħdek, tiftakar
Ħaddieħor jiftaħar
Mingħajrhom tiftaqar
Fid-dwejjaq tinsatar
Xħin f’darek tinġabar
Fil-ħin li tistabar
U terġa’ titkattar
It-tama ġo fik.

F’dil-ħolma qasira
Kien sew kieku bqajna
Quddiemna kull mira
Ninsew ta’ warajna.

Iżd’issa żmien ma baqgħalniex sabiex noħolmu.

Alfred Grech
21-09-2011

Monday, 3 October 2016



Nixxiegħa.

Nixxiegħa qatt ma tieqaf,
Nixxiegħa ssir dagħbien,
Ninġarr ma dal kurrenti,
Staqsejtni jien min jien.

Nixxiegħa t’ilma ħelu,
Inħares fiss f’għajnejk,
Inħott il-barrikati
U nibda nersasq lejk.

Nixxiegħa t’ilma ħelu,
X’ninġarr ma dal kurrent,
Għaliex kos reġa’ bdieli
X’inbidel f’dal mument?

Nixxiegħa qatt ma tieqaf,
Li fiha xtaq inħsilt,
Ma jibqa’ xejn x’jurini
Kif kont u kif inbdilt.

Alfred Grech

03/10/2016

Saturday, 1 October 2016



Fejn Int Poeta tal-Kadenzi Mżewwqa.

“Fliema vers se teħodni miegħek . . .” (Tarcisio Zarb)

Fejn int poeta tal-kadenzi mżewwqa
Li tpinġi l-qawwa mnebbħa tal-misteri
Bl-ilwien evanexxenti tal-qawsalla
U tagħmel ħwejjeġ faċli mid-diffiċli?

Fejn int poeta ta’ mitt elf kadenza,
Li ttenni r-ritmi ta’ natura mqanqla
Fl-ilsien tal-beraq jew tar-riħ li jvenven,
Inkella fit-tħaxwix tal-weraq niexef?

Fejn int għannej, li ssoltu tgħanni l-għanja
Ma tlugħ ix-xemx taħt sema nkandexxenti,
Li tpespes bħall-għasafar xħin jistembħu
Fil-girja biex kull wieħed jasal l-ewwel?

Poeta ta’ kull lewn u tal-qawsalli,
Idejk mattarli ftit biex leħħa tkebbes,
Għax xrara jiena rrid u nerġa’ nibda
Imżewwaq il-burdati bil-qawsalli.

Alfred Grech
01/10/2016


Friday, 30 September 2016


Anqas Naf Għaliex Bdejt Nikteb.

Anqas naf għaliex bdejt nikteb
Dawn il-vrus ma jfissru xejn,
Lanqas naf kif f’daqqa waħda
Dawn il-ħsibijiet minn fejn?

F’liema sqaq int ser teħodni
U timlieni ftit bil-ferħ,
Liema kliem se tq’għed fuq fommi
biex ta’ ruħi tkun is-serħ.

Nistaħbew it-tnejn li aħna,
Nispiċċaw f’xi post straman,
Anki jekk it-temp mhux magħna,
Fuq ix-xefaq, sħab ruxxan.

F’tarf it-trejqa dejjqa, dejjqa,
Li ma twassal għal imkien
Jien stennejtek tiġi lura
U ġġib miegħek dak li kien.

F’dina l-għodwa ta’ riħ isfel
Jien għarrixt ma kullimkien,
Bqajt hawnhekk nistenna lilek
Biex naħarbu t-tnejn flimkien.

Jien stennejtek ser tifaċċa
biex noqgħodu niflu s-skiet,
Jiena nisma’ qalbek taħabbat
Int ittenni t-tifkiriet.

Jiena nikteb għanja ġdida,
Għanja mlewwna tal-ħolqien,
Għanja ħelwa tas-sireni,
u ngħannuha int u jien.

Alfred Grech.

30/09/2016.