Friday, 14 October 2016



Hekk Biss Jien Nista’ Nirbaħ.

Hekk biss jien nista’ nirbaħ
Xħin nitlef din is-sura,
Is-sens ta’ ħtija jikber,
F’min mar u reġa’ lura.

Hekk biss jien nista’ nirbaħ
Xħin nitlef din ix-xbieha
U nkun qed ngħix ħajj’oħra
F’burdata li nqum biha.

Xħin jiena kollox nitlef
U niġi nitlob ħniena,
Irbaħt ukoll id-dinja
U sirt dak li mhux jiena.

Bħal nemlu jgerrem ġebla
Bla xejn ma nippretendi,
U lura qatt ma nħares
Sakemm għad din tirrendi.

U jekk xi ħadd jistaqsi
Dwar dak li nemmen jiena,
Araw fejn tmur tistaħba,
Ix-xemx xħin tkun għajjiena.

Alfred Grech

14/01/2016

Thursday, 13 October 2016



Tittappan Fik Tamieti.

Tittappan fik tamieti
Bħal meta tieħu skoss,
Għax tlift il-kopertura
Ma bqajtx kif kont għar-rdoss.

Bħal meta tieqaf f’daqqa
Tektika tal-arloġġ
U magħha tieqaf qalbi,
Xħin tħabbat bdiet bl-addoċċ.

Xħin tiċħad il-ġejjieni,
Xi ħaġa li bassart,
Jien ma nilgħabx bid-dadi
Kull meta jaqgħu fl-art.

Bħal meta tilgħab inti,
Għax inti tirbaħ żgur,
Il-profeziji tiegħek
Iseħħu kull ma jmur.

Jien ma nilgħabx bid-dadi,
Għaliex kull punt ta’ tluq
Sar issa wkoll possibbli
Ma kull kurrent misjuq.

Alfred Grech

14/10/2016 

Wednesday, 12 October 2016


Qalb Din L-Ambigwita’ fejn trid Tirfani.

Qalb din l-ambigwita’ fejn trid titfagħani
Inkun dak il-ġullar li beda jaħseb,
Inkun dak it-tellief li qatt ma stenbaħ
Ilsir tat-tqanqiliet mingħajr konfini.

Int tilgħab din il-logħoba tal-mixtieqa,
Inkella ta’ xi vittma trid l-għajununa,
Tikxifli ċ-ċikatriċi u tbenġil ieħor,
U tgħidli li sirt anġlu xħin serraħtek.

U tibda tuża’ l-għamad tal-qdusija
Għalkemm hemm taħt l-ilbies is-seduzzjoni,
U qatt ma taf eżatt fejn inti miegħek
Qalb din l-ambigwita’ li tfajtni fiha.

U tħalli l-bieb miftuħ għal min jaqbillek
U tagħlaq u tinbarra xħin jiftillek,
U toqgħod tistennieni niġi nħabbat
U tirbaħ int għax għandek aktar sabar.

Alfred Grech

12/12/2016.


Kont Ngħanni.

Kont ngħanni, ħaduli l-arpa,
Kont nikteb u tlift il-pinna. . . .

Ma niftehmux U lanqas qatt ma konna.
Kont tkellimni u qtajt it-telefon.
Kellna niltaqgħu
U rajtek ma ħaddieħor.
Kull mistoqsija qed taħraqni:
Min jaf fejn mort?
Min jafa fejn kont?
Kemm domt ma ġejt?
Jien għadni hawn!

Inti tgħandek ħabta ttir bħall-friefet
Il-warda tkunlekbis  ta’ skuża.
Kliemek jinfed id-dlam
U l-qaws maqsum fi tnejn.
Il-ġlied sax-xatba wasal
U int għadek ma ġejtx.

Weġibtek għal kull mistoqsija
Imbagħad ħallejtni għama tiela’ t-taraġ
Fellus li għadu ħiereġ minn ġol-fosdqa,
Niġġerra mal-wesgħat u lilek ma rajtekx.

Alfred Grech

24/09/2011.

Tuesday, 11 October 2016



Fil-Ħemda ta’ F’l-Għaxija.

Fil-ħemda ta’ f’l-għaxija
Xħin waħdi nkun id-dar,
Nintona fuq mewġ ħieles
U nifed dak l-istar,

Biex noqgħod hawn nissemma
Il-ħoss tal-ħsibijiet,
U waħdi l-melodija
Li naf, indoqq fis-skiet.

U nibda nisma’ l-ħsejjes
Tal-ħolm li toħlom int
Għalkemm il-bogħod tkun minni
Il-ħoss hu ċar, distint.

U nibqa nġorrhom miegħi,
Nistħajjlek tkun fil-qrib,
U nibqa’ lilek nisma’
Fejn tkun u f’kull ma nsib.

Alfred Grech

11/10/2016

Monday, 10 October 2016



Ma Baqgħalix is-Sabar.

Ma  baqgħalix is-sabar
li nikteb strofa ġdida
f’ta’ ħajjti l-poeżija,
għax tlift ukoll l-isfida.

Inħoss li tlift ir-ritmu
u tlift ukoll ir-rima,
ir-ruh timtela’ dwejjaq
u titlef it-tbissima.

Ma baqgħalix il-ħila
fis-skiet tad-dalm inqajjem
l-iħirsa trijonfanti
mill-ġuf ta’ min hu sajjem.

Baqgħali biss it-tama
li għad iqum ta’ siegħa
irwiefen ta’ riħ qawwi
li għad inaddaf qiegħa.

Mill-bqija hawn se nibqa’
poeta tal-qawsalli,
nistenna tiġi s-siegħa
u nifraħ bli fadalli.

Alfred Grech

10/10/2016