Sunday, 9 April 2017





Imqar Jekk Ma Kellix.
Imqarr jekk ma kellix
paċenzja biex nistenna,
iż-żmien biex ibattik
u għad trid tilta’ l-ġenna.

U bqajt hawnhekk skantat,
u ż-żmien kien għamel tiegħu,
ma kien inbidel xejn
tinġarr ukoll trid miegħu.

Hemm mod kif nista’ ngħix
mingħajr ma niġi miegħek,
ukoll xħin sar il-ħin
isseħħ ir-rieda tiegħek.

Bla biża’ u bla tħeddid
li inti ser tifgani,
u nibda’ nafda fik
Għax naf li ser tilqgħani.

Għalkemm xtqt li komplejt,
int tħobb tikkoreġini
f’dil-bandla ta- kulljum
u-serħ le qed tagħtini.

Alfred Grech

09/04/2017

Saturday, 8 April 2017



Sejjaħtlek.

Sejjaħtlek biss biex tkun il-kenn aħħari,
Mhux biex mill-ġdid nibdew xi avventura.
M’hemm ebda rokna fejn jien stajt nistaħba,
Xi ħadd jeħlisni minn din l-iżvintura.

Maqsum bejn dak li hu tal-ġenn u d-dwejjaq
U dak li ta’ kulljum għajjien jagħmilni.
Sejjaħtlek biss biex tkun il-kenn aħħari
U mhux biex nagħmel qrara jew taħsilni.

Li kieku taf il-qilla tal-burraxka
Li ħloqt xħin dħalt f’dan l-univers minn tiegħi,
Li kieku tibqa’ hemm barra wara l-ħġieġa
U tħobbni kif trid int bla ma tkun tiegħi.

Alfred Grech.

07/04/2017

Thursday, 6 April 2017



Sakemm Għajnejk Iwasslu.

Għaliex għandna nagħlquhom il-bibien,
Inqiegħedu l-għatu fuq il-borma bl-ilma jagħli?

Ma jibqa’ xejn, lanqas l-imgħoddi
Imqarr jekk terġa’ tibda tiktbu
Imqarr jekk terġa’ tibda’ l-ħajja.

Ma niddejjaqx jekk ħlejt il-ħin, il-ħin mhux tiegħi,
Ma jiswa’ għalxejn, trid tmur tindifen.
Xtaqt biss li kien hemm żmien li stajt kont ħieles
Illum sirt naf li dan mhu sa jseħħ qatt,
U xħin tlift il-futur  xejn ma tkun titlef
Għax il-futur imfassal fuq l-imgħoddi.
Għawwiem tal-lum, għawwiem ta’ dejjem
Ġo baħar desolat taħt xemx li tikfes,
Wieqaf u trankwill daqs ilma mniġġes
Wieqaf, daqs kermm wieqaf ikun, min qed jiċċassa.

Il-ġejjieni kien bħal xefaq, il-bogħod kemm jista’ jkun,
Il-bogħod, sakemm għajnejk iwasslu.

Alfred Grech.

06/04.2017

Tuesday, 4 April 2017



Biżżejjed Kien Għalik.

Biżżejjed kien għalik in-nida ta’ filgħodu
Tal-wegħda mdennsa li xi darba kont għamiltli
Fl-intensita’ ta’ bejn tmellisa u oħra,
Fil-qawwa tal-buffura,
Li taqta’ l-għatx ta’ kull deżert u tnaddaf qiegħa.

Biżżejjed tkun għalija
Id-daqqa t’għajn misruqa,
Biex lili terġa’ ssalva minn kull ħtija
Minn kull tidwir esaġerat li nieħu
Kull meta miegħi stess intellaq it-tiġrija.

In-nifs tal-istennija hu aktar qawwi
Mir-riħ li jonfoħ mill-grigal
Mitluf fis-sotterran ta’ kull dilemma
U skiet il-kwiekeb jinfed
L-inħawi l-aktar fondi
Ta’ qiegħ il-baħar.

Imbagħad jekk jibqa’
Ħallili ftit mill-ġenna tiegħek,
Il-biċċa li ma tkunx tinħtieġ il-kliem
Sabiex tfissirha.


Alfred Grech

Monday, 3 April 2017



Kull Meta Jitla’ L-Ajru.

Kif jinżel bħaċ-ċomb it-temp fis-skiet ta’ ruħi,
u għax għandi nirrispondi għal kull sajjetta
u noqgħod ħafna attent li ma naqlibx
id-dagħjjsa mmejla?

Jien nixtieq biss li noqgħod hawn bi kwieti
fit-tarf uman tal-art minsija
ninġarr f’kenur mingħajr moqdief ma kull kurrent
mingħajr ma niġi mġiegħel noqgħod naħseb
jekk hux ser naħbtu ma x’imkien jew ma xi sikka
inkella nduru dawra mejt fejn qatt ma kellna induru.

Ħajjitna għandha tkun bħal passiġġata
fil ġonna primordjali fejn ma kellniex għalfejn niftakru
u lanqas wisq nitħassbu. U min ġie b’dan il-ħsieb u ħassu mixli
ma jista’ qatt ikun ħabib għalija.

Jien missni qed niżżerżq fiż-żurżieqa
ma twassal għal imkien,
inkella passiġġier fuq ferrovija
li twassal ’l-hemm, lilhinn mix-xefaq.

Għalhekk tarani x’minn daqqiet li nagħmel f’qalbi
kull meta jitla’ l-ajru.

Alfred Grech

03/04/2017

Sunday, 2 April 2017



Min Jaf Kewkba Ferriħija.

Min jaf kewkba ferriħija qattx intbaħt
Bil-frustrazzjoni ta’ dal-poeta sieket
Li ma jistax jesprimi lilu nnifsu;
Ta’ dal-poeta jonfoħ il bziezaq tas-sapun
Fil-baħħ tal-ħajja. Dan l-iblaħ f’tarf l-irdum.

Xi minn daqqiet aħjar is-skiet minn tiegħek
Biex noħroġ minn dal-wied mudlam ta’ ruħi,
Biex nisma’ ħsejjes is-selienzju
Ta’ qalb mimlija ndiema.

Min jaf ja kewkba ferriħija!
Xi minn daqqiet aħjar tegħemiża tiegħek
Biex nibqa’ nħares fiss u noħlom
Li jien ħabbejt xi darba.
Nistaqsi  ’l-baħar jekk jafhiex din-narrativa,
Inkella hux qed jisma’ wkoll il-ħsejjes
Tiegħu stess,
Ħa jerġa’ jtenni lili dak li jħoss
Fl-abbis ta’ dejjem: dak li ħadd ma jaf.

Ja kwekba ferrihija,
Il-ħsejjes tiegħek distrazzjoni.
Jien leħnek ma nafux imma,
Min jism’ dan is-skiet,
Ikun qed jifhem lili.

Alfred Grech
02/04/2017


Saturday, 1 April 2017



Qed Infittex. *

Qed infittex ix-xintilla
Biex tqajjimni minn dan ngħas,
Qed infittex dik l-iskuża
Biex għażżien ma jkunx f’kull ħaż.

Qed infittex is-sorpriża
U malajr għaqqadt il-ponn,
Kien dover inkella ħaġa
Trid issir, għax hekk hemm bżonn.

Qed infittex illi nitlaq
U ma nara ‘l-ħadd u xejn,
Immur niġri qalb il-beraħ
Ma nistaqsi qatt għalfejn.

Qed infittex li nkun bħalhom,
Imma bħalhom ma nistax,
U nispiċċa għalhekk imdejjaq
Għax għalija ma jibqax.

Qed infittex bħal ħaddieħor
U f’idejja sejf misnun.
Qed infittex li nixbaħhom
U dan qatt ma jista jkun.

Alfred Grech
01/04/2017.


* B’dedika lil Mariella Abela li dalgħodu nkoraġġietni biex nikteb poeżija posittiva għax il-poeżija bl-isem “Filgħodu” kienet wisq dipressanti.