Sunday, 14 May 2017



Perche’ Oggi Ci Siamo Incontrati.

Di solito ci sono io, con tutto quello che mi circonda,
con il silenzio e lo spazio infinito
a tenermi compania.
Ma oggi ci sei tu, anche se ancora non ti vedo.
Di solito siamo io ed il tuo sgaurdo,
oggi c’e’ anche il vento che sibila
che mi porta notizie di te.
Di solito faccio lo stesso rito intorno al tuo splendore,
cammino nel cerchio vizioso
con tutta la speranza di quelli che muovono montagne.
Ma oggi non c’e rito nella mente
non c’e’ niente,
Soltanto il sole che si spegne sull’orizzonte.
Ma oggi non mi guarderai con lo sguardo di sempre
e il tuo viso avra la luce che trafigge.
Avrei volute vederti
anche se poi rimango cieco
perche’ oggi ci siamo incontrati.

Alfred Grech
14-05-2017


Saturday, 13 May 2017




Il-Bieraħ Kont Ferħan.

Il-bieraħ kont ferħan waqt li kont nghidlek,
Dak kollu li ħassejt u inti fhimtni,
U xtaqna t-tnejn li l-waqt qatt ma jispiċċa.
Illum ma nafx aħniex sejrin niltaqgħu.

Illum mhux biss ma nafx x’ser naqbad ngħidlek
Jekk iċċempilli u tgħidli, ser  tittardja,
Ma ġara xejn, aħjar jekk lanqas tiġi,
M’għadnix li kont u l-għajja tagħmel tagħha.

Il-bieraħ kont bil għatx għal kull taqtira
Illum xtaqt noqgħod waħdi mal-fatati.
Ma nafx jekk għadx tidrani fuq dil-bandla
Nitbandlu t-tnejn li aħna mal-burdati.

Alfred Grech.

13/05/2017

Thursday, 11 May 2017



U Jiena Kont Emmint.

U jiena kont emmint li m’hemm xejn aktar
Xi nħallas bħala prezz tal-konverżjoni,
Inkella li dil-laqgħa tagħna l-lejla
Ma kienet xejn jekk mhux kumbinazzjoni.

U jiena kont emmint li din il-ġrajja,
Bħal ħafna oħrajn, ma kienet xejn ħlief sfida.
Fuq ktieb il-ħrejjef konna eroj tal-miti,
U jien nintagħġen nerġa’ f’dinja ġdida.

Alkfred Grech

11/05/2017


Ġurnalista Malti

Ixejjer il-bandiera
U jgħabbi l-karrettun,
U jibla’ r-riħ fl-ixkora
Għax jaħseb l’hu brikkun.

U jista’ jbellagħhielna
Għax jista’ jgħid li jrid
U ħadd ma jista’ jmissu
Sew f’deni sew jekk f’ġid.

U jonfoħ il-bużżieqa
Għax jonfoħ lilu stess,
U jaqbad iż-żurżieqa
Li jagħmel jgħid b’suċċess.

U jaqbad iż-żurżieqa,
Ta’ dak li jista’ jkun,
Biex jirbaħ l-attenzjoni
Ta’ min u ftit miġnun.

U jara ma xhiex jaqbad,
Biex lilu terġa’ ssib,
Imbagħad joħloqlok storja
Għax hawn m’hawen ħadd ħabib.

Alfred Grech.
11/05/2017

Wednesday, 10 May 2017



Kien Hemm Żmien.

Kien hemm żmien li niftakar u nirgħex,
Kien hemm żmien li waqqgħajtni għaċ-ċajt,
Daqqiet oħra li jdoqqu f’widnejja
U li tgħidli jirbombja mal-ħajt.

Kienh hemm żmien  illi xtaqtek kont ħdejja,
Kien hemm żmien bdejt nistaqsi għalfejn?
Għax dak kliemek jirbombja f’widnejja
Kull ma  tgħidli u ma nkun nifhem xejn.

Kien hemm żmien li rrid ngħaddi mingħajrek,
Kien hemm żmien li kont naħseb biss fik,
U xi drabi nistaqsi dak kollu
Ma jiswiex għax, arak, ħadd għalik.

Kien hemm żmien il-ħin kollu fuq moħħi,
Kien hemm żmien bdejt nistaqsi kontx jien,
Illi xtaqtek daqshekk li ċempiltli,
Iżda waħdi bqajt hawn għax għażżien.

Kien hemm żmien li ridt noqgħod imbiegħed,
Kien hemm żmien li fittixtek fid-dlam,
Imbagħad xtaqt illi tiġri xi ħaġa
U jinbidel li skript ta’ dad-dramm.

Daqqiet oħra kont mimli bil-ħajra
Kien hemm drabi staqsejt: dan għalfejn?
Inti temmen fl-imħabba li tibqa’,
U xi tkun din l-imħabba bejn tnejn?

Alfred Grech

120/05/2017

Tuesday, 9 May 2017



Jekk Għad Insibek Waħdek.

Jekk għad insibek waħdek
U niftaħ miegħek qalbi,
U ngħidlek x’qed ikiddni,
Int fgorsi tisma’ talbi.

Jekk għandek biss waqt wieħed,
U tħossok ftit trankwilla,
Tismagħni x’għandi ngħidlek,
Tneħħili ftit mill-qilla.

Jekk lanqas ma tkun mngħaġġla,
Nisraqlek waqt mill-hena
Tas-saltna ta’ madwarek,
U l-ħlewwa tas-sirena.

Xħin nilmħek qed titbissem
Jien naf li wasal tiegħi
Il-ħin li qalbi nberraħ
Għax naf li qiegħda miegħi.

Xħin nilmħek qed titbissem,
Għaddiet tkun il-burdata,
Is-sema jkun ibbnazza
Titneħħa l-barrikata.

Imbagħad xħin qalbek sewda
Narak, u wiċċek kiebi,
Immidd idejja u ngħidlek,
Int sejjra tkun fi ħsiebi.

Alfred Grech.

09/05/2017

Monday, 8 May 2017



Hawnhekk. 2

Hawnhekk fejn tista’ timraħ
Fil-kobor tal-ħolqien,
Ġo dil-bużżieqa t’arja
Li tfewwaħ kullimkien.

Hawnhekk tas-skiet is-seħer
Għax xejn u ħadd ma kien,
Għax “issa” jkun għal dejjem
U qatt ma jgħaddi ż-żmien.

Fil-ħemda ta’ filgħodu
Hawnhekk tixtarr fis-skiet,
Fejn lanqas tisma’ leħen
U tqum minn bejn l-imwiet.

Fejn lanqas ma tismgaħha
Ċapċipa tal-idejn,
Fejn lanqas biss tvenvina
Ma tasal sal-widnejn.

Hawnhekk fejn tista’ tegħreq
Ġo baħar l-infinit,
Ta’ nżul ix-xemx ħamrani
U l-għana tal-udit.

Hawnhekk fejn tista’ tgħereq
Fl-għadira tal-ħolqien,
Fejn dejjem tista’ toħlom
U l-mibdi qatt ma kien.

Hawnhekk fejn tista’ taħrab,
Fejn tista’ tkun skartat,
Fejn waħdi, waħdi, waħdi,
Imwarrab, separat.

Fil-ħemda tal-oasi
Fejn jiddi d-dawl t’għajnejk
F’sekwenza xeneġġjata
U d-dmugħ ta’ fuq ħaddejk.

Alfred Grech

08/05/2017