Saturday, 22 July 2017





Hemmhekk Għad Niġi Nfittxek.

Hemmhekk għad niġi nfittxek,
Fil-kjażmi tal-blat għeri;
Hemmhekk qrib xatt il-baħar,
Fejn l-għana tal-isferi.

Hemmhekk fejn xejn ma jikber,
Fejn lanqas l-annimali
Ma jesqu biex ifittxu
Jitrejjqu, u kollox bagħli.

Hemmhekk fejn lanqas warda
Ma tikber, lanqas ħlejjqa
Fid-dlam tal-għar jirbombja
Ġo mina dejjqa dejjqa.

Fid-dlam ta’ xquq mudlama
Minn hawn san-naħħa l-oħra,
Fir-ritmu li jirbombja
Id-diwi ta’ ħajj’oħra.

F’ġuf l-art lil taf il-bidu
Tal-ġrajja kif tissawwar,
Hemmhekk fejn ħadd ma jfittex,
Qrib baħar qed ifawwar.

U ndum sakemm insibek
Biex hekk tkun int għalija
Li darba kienet kewkba
Dil-ħebla barranija.

Alfred Grech

22/07/2017

Friday, 21 July 2017



U Jekk Niltaqa’ M’Oħra

U jekk niltaqa’ m’oħra,
Mingħajr l-imgħoddi tagħha,
Il-ġrajja li ttenniha,
U d-dinja li ġġor magħha.

U jekk niltaqa’ m’oħra,
Ma tkunx bid-diadema
Li taħbat ma dik tiegħi
U nħarbtu b’hekk l-iskema.

Trid tkun minn xi dar oħra,
Titkellem b’lingwa ġdida
U ġejja minn pjaneta
Li għad irrid nisfida.

Jekk għad niltaqa’ m’oħra
Tkun ġejja mnejn tkun ġejja
Li tħares fiss f’għajnejja,
Tkun taf taqrali jdejja.

Alfred Grech
21/07/2017


Wednesday, 19 July 2017



Jekk Int Tħares.

Jekk int tħares kull fejn tħares
in-natura stess turik,
illi kollox il-kuntrarju
tiddejjaqx, tieħux għalik.

Għax jekk tħares kull fejn tħares
dejjem hemm polarita’.
Kollox għandu l-kontra tiegħek
u mhemm xejn bla parita’.

Jekk għall-frotta hemm dukkara,
kemm għall-warda u għall-blanzun,
mingħajr fertiliżżazzjoni,
xejn ma jnissel, xejn ma jkun.

Imma llum bl-imbuttaturi,
jew inkella ma nafx xhiex,
tista’ tkun ukoll newtrali
bħal fejn qabel ma konniex.

Tista’ żżewweġ bla ma tlaqqam
tista’ tnissel bla dukkar,
Kollox sar daqshekk virtwali,
bla ma taf mnejn ġej, fejn mar.

Imm’għiduli tista’ tnissel
kemm bis-sew jew bit-tfixkil?
Jew inkella tista’ tkattar
bla maskil jew feminil?

Min m’għarafx id-differenza?
tibda’ tgħid xhinu n-normal?
Xejn mhux xejn kull perverżjoni
tibda tħawwad moħħ it-tfal.

Min m’għarafx id-differenza
mhux ħlief blugħa jew ksuħat?
Biex taparsi ftaħna moħħna,
bqajt jien biss dak l-antikwat.



Alfred Grech
19/07/2017


Monday, 17 July 2017



129.

Jekk ma tiġix illum qatt mhu se tiġi.
Jekk noqgħod nistenniek int lanqas tiġi.
‘Mma jiena xorta waħda nibqa’ mqajjem
Nistenna li xi kewkba għad titbissem.
Indawwar il parabbola ta’ ruħi
Għal fejn aktarx tkun ġejja t-trasmissjoni.
Jien nibqa’ mqajjem ngħodd inkella nżebbeġ
Iż-żibeġ tal-kuruna tar-rużarju,
Inkella nsib xi mantra li tnessini
Id-dwejjaq ta’ kuljum u l-konswetudni.
Int qajla tħobb titfaċċa bla ma tħabbat,
Wisq inqas tħobb li jiġi fil-pakketti,
Inkella f’xi kontenitur tal-plastik.
Imbagħad intbaħt li qatt ma seta’ jkolli
Mara oħra xħin ikolli l-pinna f’idi.

Alfred grech

17/07/20176

Sunday, 16 July 2017



Baqgħu Jibnu, Baqgħu Jghollu.

Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu
Baqgħu jagħffġu kullimkien
Baqgħu jibnu u mbagħad iħotti
Fejn stajt timraħ m’hemm imkien.

Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu,
Ma kien hemm kontroll imkien,
Għax mhemmx rieda li nsalvawha
‘L-dinb l-art ħelwa mit-telfien.

Baqgħu jgħidu li se jsibu
Soluzzjoni  bla dewmien,
U ħallew lil min iħarbat
U jinkwina kullimkien.

B’hekk issib l-ekonomija
Baqgħet tikber u tiżdied,
U qalulna li se ngawdu
għax ma jiġi xejn bil-fsied.

Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu
Biex m’għad baqa’ kenn imkien
Fejn tistrieħ u toqgħod waħdek
Tgħożż il-ħemda tal-għerien.

Għax taħt skuża jew taħt oħra
Riedu jkomplu jagħmlu l-flus,
Għax mingħajrhom xejn ma tagħmel
U la tgħannaq, lanqas tbus.

Ħadd ma żammhom, baqgħu jibnu,
Dawn qed biss jiżviluppaw,
Biex hekk Malta ssir ftit isbaħ,
Toqgħodux tikkritikaw.

Faqqsu l-ispekulaturi,
Qalu sew, u bir-raġun
Żdied il-qliegħ ukoll it-talba,
Dan żvilpupp, m’hemmx paragun.

Baqgħu jibnu, baqgħu jgħollu,
Issa lanqas hemm fejn tmur,
Tieħu n-nifs u xi ftit arja,
Għax issib spekulatur.

U komplew bużżieqa jonfħu,
Donnha din ma tinfaqax,
Għaliex jonfħu u jibqgħu jonfħu,
Tagħtix każ! Ma jimpurtax.

Iżda tiġi għad ġurnata
Niġu nfittxu u ma nsibux,
Rokna waħda bil-ħamrija
Jew il-ward għax ma jikbrux.

Alfred Grech
16/07/2017


Friday, 14 July 2017



Taħt Skuża Jew Taħt Oħra

Taħt skuża jew taħt oħra
Qed jagħmlu li jaqblilhom,
U jġibu elf raġuni
Biex jagħmlu li jfettlilhom.

Iħarbtu dak li nafu
Għax huma progressivi,
Jingħoġbu ma kull wieħed,
Jitqiesu permissivi.

U n-nies? In-nies mhux tifhem
X’hemm sew mitfuħ fis-sasla,
U ħadd ma jrid jitkellem
Għax jibża’ jidħol f’basla.

U ħadd ma jrid jitkellem,
Spiċċajna bla miżura,
Jew jibża li jinqabad
Fil-morsa tal-għajjura.

U ħadd ma jrid jitkellem,
Kien l-amar tal-mexxejja,
Tal-tribujiet il-foloz,
Bl-għajnuna tal-qaddejja.

U baqa’ għaddej ir-romblu,
Irambal fl-inklużżjoni,
Jew kien ir-riħ tal-bidla,
Jew diskriminazzjoni.

Kelb rieqed l’għaliex tqajjmu?
U trid tivvinta r-rota,
Għaliex ħabib ta’ qalbi
Tistrieħ fuq min jivvota?

Alfred Grech

14/07/2017


They Wired Us Up.

They wired us up
They told us about the love and the pain
And the sentiment
And we believe them
But then we learned
That nothing lasts forever.

They tell us to stay back
And peep out of the window
To see the rainbow.
And then we realized
That what we so
Was also monsters.

They did not want us to play
With the forms and the shapes we created.
And made everything else a sin.

Alfred Grech

14/07/2017