Wednesday, 9 May 2018




Għaliex Daħħaltu Lili.

Għaliex daħħaltu lili
fil-kredu hawn bla bżonn?
jien noqgħod xtaqt bi kwieti
u ngħaqqad mhux il ponn.

Għal xhiex nivvota tridu?
Jien m’għandi x’naqsam xejn
ma dak li tħarrfu u tigdbu
tistaqsunix għalfejn.

Jien ridt bi kwieti noqgħod,
Għarib u ftit għal ġenb,
fidil ta’ dawn l-inħawi
u mhux xitan bla denb.

Jien ċert li dak li għandi
xi ngħid qatt mhu se jgħodd.
Għalfejn tistaqsu mela?
Kull toqba rrid insodd!

Intom li tafu ħafna,
u tafu tippriedkaw,
ħalluni ftit bi kwieti
u l’hawn qatt tissugraw.

Intom in-nies tal-midja
li tiġi b’xi survey,
jew dawk tal-istatist’ka
li tbassru x’inhu ġej.

Intom in-nies tal-liġi
jew int politikant,
li tafu x’għandkom tagħmlu
sibt ruħħi ġo x’irkant?

Intom li tafu ħafna
u tafu t-tweġibiet
li tafu kif naħsibha
ħalluni ftit bil-kwiet.

Alfred Grech
09/05/2018.

Tuesday, 8 May 2018





U Issa.

U issa ġejt hawnhekk f’nofs dan l-istorbju
biex mingħalija nderri qalb il-folla
tassew li qiegħed hawn mhux għax ridt jiena
iżda għax emmint fi ħniena kbira
li mhix tas-soltu.
Għax bejn il-ħafna dagħa jew il-foħrija,
m’hemm xejn, m’hemmx vers li jaqsam,
u dak li qiegħed nara hawn quddiemi
mhux dak li int kont wiegħedtni.
Nista’ wkoll noqgħod undur u nimxi l-mixja
tal-ħabel issikkat għax mingħalija
għadni dak l-ekwilibrista li rnexxielu
jasal s’hawn.
Iżda mbagħad jekk tistaqsini x’sejjer nagħmel
inwieġbek li ġo fija
ma jibqa’ ebda sens ta’ ħajja.
Bħalkieku jiena naf x’inhu
s-sens tal-ħajja!
Nista’ wkoll nimmira noqgħod
lejn xefaq id-destin
u ngħod is-sħab u t-tajr tal-ajru
u nqis ruħi ta’ miskin.

Alfred Grech
08/05/2018

Sunday, 6 May 2018




U Hekk Hemm Raġel Ieħor Qed Jinħaraq.

Jien ma ngħidlekx ġo liema sqaq daħħaltni
sibilla tar-riħ fuq u l-uragani.
ma liema kantuniera se ddawwarni
biex nerġa nsibni għal darb’oħra f’manikomju.
Int issa sirt ukoll daqs l-ossessjoni
tal-jien li jaf jirreċ’ta l-illużżjoni
għax ismek jista’ jkun dak ta’ divina
u hekk hemm raġel ieħor qed jinħaraq,
jokkonsma l-melħ u r-rmied tal-krematorju,
f’konflagrazzjoni ta’ xewqat u s-sensazzjoni
misjuq u mgħammad minn kull xorta ta’ passjoni
bla lġiem jew rażan biex jinsa’ lilu nnifsu.
Bħal kieku xejn m’hemm aktar.
Għaliex min qatt matul il-ħajja tiegħu
ma ġietu mqarr fil-ħsieb t-tentazzjoni
li jittradixxi.

Alfred Grech
06/05/2018

Saturday, 5 May 2018





Ma Niftakarx.

Ma niftakarx jekk ġejtx il-bieraħ
Stennejtek tiġi għal żmien twil.
Ma nafx jekk qattx għamiltx xi wegħda
Ismek imċappas ma kullimkien.
Issa li x-xitwa għaddiet u l-ajru bbnazza
Irrid insib mil-ġdid is-sema safi,
Il-wegħda taż-żernieq ma xfar kull ħnejja,
U l-ħmura ta’ filgħodu fuq ħaddejk.
It-tnejn li aħna ma nafux minn fuqna x’għadda,
Inkell żgur li għada jkun divers.
Minkejja l-ħsejjes kollha
Minkejja d-dlamijiet
Tagħllimna kif nitlaqgħu
Minkejja kull drawwiet.
U dak li kien iżommna
Ma kienx xi ħmar il-lejl
Biss kienet l-emozzjoni
Jew ħolma ta’ bla kejl.

Alfred Grech
05/05/2018

Friday, 4 May 2018




Int  Tista’ lanqas Tiġi.

Int tista’ lanqas tiġi
mingħajr ma biss tkun tlaqt,
U terġa’ tiġi lura,
b’hekk hawn tkun ħin bla waqt.

U xejn ma jkun jimporta,
jekk tmur u ma tiġix
Jekk tgħaddi minn quddiemi
u qisek ma tafnix.

U xejn ma jkun jimporta
fejn timraħ jew fejn tmur,
Jekk naf li terġa’ lura
Għax taf li hawn fi żgur.

U xejn ma jkun jimporta
u nibqa’ nistenniek
xħin tiġi, ninsa’ kollox,
Nistenna fuq ix-xwiek.

Għax qatt ma tiġi lura
jekk ma tkunx taf it-triq,
int tlaqt bla taf fejn sejjra
f’ġejjieni tant mixtieq.

U jekk se terġa’ lura
bħal meta tmur mnejn ġejt,
Għax qatt ma tista’ tinsa’
il-bejta li ħallejt.

Alfred Grech
04/05/2018


Thursday, 3 May 2018




GHax Battal Dak Kollu Li Qed Jgidu.

Hemm offiżi li għandhom minn tal-blugħa,
oħrajn li huma biss ħela ta’ ħin.
Aħna li nivvjaġġjaw fuq sħab l-eklissi t’għada
inqanqlu ġewwa l-ikħal tas-smewwiet
Il-votiġini ta’ dinja msensla  tfittex il baħħ tan-numri
u n-nar tal-ġifġifogu biex tinsa’ l-ħsara u l-moħqrija
li toħloq bis-sistemi tas- sriebet nemel
li qatt ma draw jistaqsu.
Lanqas jagħmlu ebda sens
l-uċuħ li jidhru fuq il-paġni ta’ rivisti jleqqu
bil-varniċ tal-attaparsi biex jagħmlu l-bżar fl-għajnejn
lil min hu mdorri jibla’ kollox
għax battal dak kollu li qed jgħidu.

Alfred Grech
03/05/2018

Wednesday, 2 May 2018




Kont Int l-Ispudorata.

Kont int l-ispudorata
kull xħin ħallejtni nogħla fuq spallejk
biex nara ħafa l-bogħod
fejn ħadd ma kien ra qabli.
Bħal meta tlajt il-ħajt ta’ lejl
jiżżerzaq fuq il-ġilda bajda tiegħek.
Qarsa l-imħabba tiegħek
u bil-velenu kull wegħeda li tagħmilli.
Imqar jekk jerġa jaqa’ s-skiet
fuq xefaq xfar għajnejk
man-nifs tal-għodwa l-ġdida
imelles għal darb’oħra
r-ruħ li tħobb il ward li għadu jiftaħ.
Int tibqa ta’ kull darba żżommni mqajjem
bil-ħsibijiet ta’ tradiment jittewbu l-kwiekeb ġodda
fuq sema kapriċċjus.

Alfred Grech
02/05/2018