Monday, 16 July 2018


Related image

Kemm Se Ddum?

Kemm se ddum ma tiftaħ is-separju
tgħolli d-dublett u tibda’ tisfen
il-Paso doble?
Jien lanqas m’għadni nemmen
fir-rakkont tiegħek biex nistejqer
jew trid toqgħod hawnhekk
biex tilgħab mistoħbija,
ferħa ta’ waħda li taqra l-qsim il-qalb
fuq wiċċ il-baħar ħiemed.
Kemm sejjra ddum ma tiftaħ il-persjana
inkella tfittex il-qassis
biex titlob maħfra?
Tgħid il-biża’ kien biss tal-fatati jew l-uħux
li jisfumaw fi sbieħ il-jum?
Għaliex hemm barra l-kotra
lanqas biss ma tarf x’qed jiġri.
U kemm se ddum tilgħaba din il-logħoba
il-logħoba tat-tlellix u tal-irtokki?
Tgħodd biss lil min idawwar wiċċu
biex iħares u jneħħi l-maskra.
Il-ħarsa tiegħek iva tinfed
u issa li ġejt tfittixni
għandek bżonn min ifissirlek
għaliex ninħtieġ id-dwejjaq
biex nibda’ nifhem.

Alfred Grech
16.07.2018


Saturday, 14 July 2018



Xi Minn Daqqiet.

Xi minn daqqiet jien nagħmilha ta’ kavallier
U niġi nfittxek lilhinn miċ-ċittadella,
Iżda l-mantell tiegħi ma jaħbix
dan l-univers ta’ dellijiet li dritt jaħarbu
kull meta nibda naqdef kontra kull rima.
Id-dehera tiegħek daħlet f’moħħi
bħal meta tiftaħ ktieb għall-ewwel darba
u tħares lejn il-qoxra biex mingħalik trid taqta’
x’għandu xi jgħidlek.
Xħin bdejna nimxu lejn xulxin intbaħna
li kien għad jonbqos pass ieħor
u bejnek u bejni kien hemm dejjem
il-baħħ tal-infinit
u l-bogħod li hemm bejnietna
mhuwiex lanqas bogħod wieħed.
Jien nibqa’ naqdef xorta waħda
mar-rima li tħallili l-fwieħa tiegħek
inkella s-skiet ta’ xi sirena
minflok ninħeba fiha nnifsi.

Alfred Grech
14/07/2018

Friday, 13 July 2018


Related image

F’Dawk il Jiem.

F’dawk il jiem t’għanjiet qosra
għax it-tgħarixa tmur u tiġi. . .

F’dawk il-jiem meta kont nisma’
l-leħen tiegħek qalb is-skiet u l-ħsejjes tal-kampanja
kont nilmaħ it-tbissima fuq xufftejk
iddawwal kull ħaġa mdallma
imqar dak kollu li żammejna mistur bejnietna
inkella dak kollu li għamilt jien waħdi
meta inti ma kontx qed tħares.

F’dawk il-jiem kont inxomm il-fwieħa tiegħek
kull meta r-riħ kien ifakkarni
li sar il-ħin
u jiena ħsibt li se narak
titfaċċa minn x’imkien.

F’dawk il-jiem jien kont ferħan
għax kelli lilek.

Alfred Grech
13.07.2018


Thursday, 12 July 2018


Image result for silenece is a nude goddess

Xħin Jaqa’ s-Skiet Bejnietna.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
int titlaq ’l-hemm
u tħalli rima tfugħ ta’ xewqat sbieħ
biex jerġa’ jgħaddi ż-żmien
u jien jibieli.

Xħin jerġa’ jaqa’ s-skiet bejnietna
jien bħal nistrieħ
u nħoss li tar minn fuqi
it-toqol ta’ destin li ma flaħtux
U tkun marrittli kull mistħija
tal-attur li qatt ma rreċ’ta.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
inkun waqajt fil-muta tal-poeti
u int ma jkun baqagħalek xejn
xi tgħidli aktar
għaliex il-kliem ikun tilef
is-seħer tiegħu.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
jkun għaliex inti tkun sirt
tad-demm u l-laħam.

Alfred Grech
12.07.2018

Wednesday, 11 July 2018


Related image

Ma Rridx Dal-Ħafna Skedi.

Ma rridx dal ħafna skedi,
ninqabad f’kontra temp,
għax sa ma jasal għada
għad jaqbad il-maltemp.

Jien issa qed bi kwieti
ta’ dan se nħallas żgur
bil-qares u bid-doppju
kull kif għax hekk imur.

Għax min bi kwietu joqgħod
did-dinja ma tħalliħx,
bis-saram u bid-dnewwa
ħlief swat din ma tagħtiħx.

Alfred Grevh
11.07.2018

Tuesday, 10 July 2018


Related image

Li Kieku M’Hawnx inti.

Li kieku m’hawnx int tgħidli x’għandi nagħmel
kieku jien norqod,
u nagħmel bħal qattusa li tgħaddi l-ġranet tagħha
rieqda.
Fid-dlam jagħtini ħmar il-lejl
u nibda nara
inkella niggranfa bħalma jagħmel farfett il-lejl
ma saqaf rasi l-isfel
biex nirrifletti ta’ taħt fuq
jekk dak li nara jiġri jagħmilx sens
inkella assurd;
jekk posti hux ma dawn in-nies
inkella x’imkien ieħor
fejn jibda jgħadd iż-żmien
bil-maqlub.

Alfred Grech
10/07/2018

Monday, 9 July 2018


Image result for woman outside the frame art

Imnaqqxa Hemm It-tifkiriet.

Imnaqqxa hemm it-tifkiriet tad-dehera tiegħek
sibilla t’elf mitt skuża u t’elf mitt qamar.
Int ma rajtnix fil-kwadru li pinġejt,
Il-kwadru kien għal-mostra ta’ ħaddieħor
Ridt biss magħluq iżżommni fil-kaxxetta
tal-bżonnijiet jew ta’ xewqatek.
Int ridtni konfessur biex tqerr dnubietek,
jew xalpa ddur mal-għonq f’lejla xitwija.
Jien ridt li nibdni pont biex fuqu nimxi
u tgħaddi l-ferrovija ta’ ħajjitna.

09/07/2018